Opinjoni | Ħames mitt jum moħli

 Għal dawk li riedu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE kollox kien jidher sempliċi 

Għaddew ħames mitt jum minn mindu sar ir-referendum li permezz tiegħu l-poplu tar-Renju Unit iddeċieda illi jrid jitlaq mill-UE. Fakkarna f’dan nhar il-Ġimgħa Michel Barnier, in-negozjatur prinċipali tal-UE.

Bosta kienu dawk illi basru illi l-proċess tal-ħruġ mhux ser ikun ikkumplikat. Għal dawk li riedu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, kollox kien jidher sempliċi u kellhom ġenn sakemm jasal dak il-jum meta r-Renju Unit jeħles mill-ktajen tal-jasar ta’ Brussel.

Ir-realtà hija ferm differenti kif rajna matul dan l-aħħar xhur. Nhar il-Ġimgħa ġie konkluż is-sitt round ta’ taħdidiet bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea. Kif wieħed seta’ jara fil-konferenza tal-aħbarijiet illi ta l-istess Barnier u s-Segretarju tal-Istat David Davis, ftit li xejn sar progress.

In-negozjati huma prattikament imblukkati u Barnier wissa illi jekk ir-Renju Unit mhux ser itejjeb l-offerta finanzjarja tiegħu sa ħmistax oħra, mhux ser ikun possibli illi l-Kunsill Ewropej ta’ Diċembru japprova l-bidu tat-taħdidiet dwar ir-rapporti futuri bejn ir-Renju Unit u l-UE kif tant jixtiequ l-Brittaniċi.

Fil-prattika, l-UE tat ultimatum ta’ ħmistax lir-Renju Unit illi s’issa kaxkret saqajha fuq bosta u bosta affarijiet.  Għalkemm il-kwistjoni finanzjarja hi probabilment hi l-aktar kwistjoni illi taħraq, wieħed ma jridx jinsa kwistjonijiet oħrajn li għadhom itektku minkejja illi għaddew ix-xhur.

L-UE kienet mill-ewwel stabbiliet meta tkun lesta illi tibda tiddiskuti r-relazzjoni futura mar-Renju Unit: l-ewwel iridu jiġu konklużi t-taħdidiet dwar l-ammont illi r-Renju Unit għandu jagħti għall-obbligi li hu assuma flimkien mas-sebgħa u għoxrin pajjiż ieħor, il-kwistjoni Irlandiża u l-istatus taċ-ċittadini Ewropej fir-Renju Unit.

Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, sar xi ftit progress imma l-UE għadha mhix sodisfatta bil-garanziji illi ta s’issa r-Renju Unit. Dan probabilment hu l-aktar aspett mistifikanti ta’ kif ir-Renju Unit qed jikkonduċi n-negozjati sabiex joħroġ mill-UE.

Kif għidna darbi oħra, ir-Renju Unit messu ħa ħsieb din il-problema qabel biss ma nvoka l-artiklu 50 f’Marzu li għadda. Minflok ma assigura lil kull min qiegħed jgħix fir-Renju Unit illi ser jibqa’ jgawdi l-istess drittijiet li għandu llum, beda jagħmel ħafna kundizzjonijiet illi qanqlu ħafna tħassib fost iċ-ċittadini Ewropej tar-Renju Unit.

Tant illi bosta bdew jaħsbu u fil-fatt diġà bdew imorru jgħixu f’pajjiżi oħra. U ħaġa tal-iskantament illi n-numru ta’ Ewropej illi qed imorru jaħdmu fir-Renju Unit naqas drastikament bir-riżultat illi qed jinħolqu problemi kbar fis-suq tax-xogħol.

Diġà qegħdin jinħassu nuqqasijiet fl-isptarijiet, fil-lukandi u fl-agrikoltura. Il-Kunsill tal-kontea ta’ Cornwall fejn 56% kienu vvotaw sabiex jitilqu l-UE issa qed jappella lill-gvern sabiex jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ immigranti. Skont dan il-Kunsill, mir-referendum ’l hawn il-ħaddiema fl-azjendi agrikoli naqas għal 65% ta’ kemm suppost ikunu. Ir-riżultat hu li l-uċuħ qed jitħallew jitħassru fl-għelieqi. Dana peress illi ftit huma l-Ingliżi illi llum iridu jaħdmu r-raba’.

Imma anke fuq il-kwistjoni irlandiża tista’ tgħid li ma sarx progress sostanzjali. Ħadd ma jrid fruntiera fiżika bejn ir-Repubblika Irlandiża u Ulster. Imma mentri r-Renju Unit qed jipproponi miżuri teknoloġiċi sabiex jikkontrolla l-moviment ta’ nies u prodotti bejn naħa u oħra, il-gvern Iralndiz qed jipproponi illi l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ fis-suq waħdieni.

Huwa ċar illi wieħed ma jistax jibbaża ruħu biss fuq it-teknoloġija sabiex jikkumbatti l-kuntrabandu u għaldaqstant, jekk ir-Renju Unit mhux ser ibiddel il-pożizzjoni tiegħu, bilfors irid jerġa’ jkun hemm fruntiera fiżika mar-Repubblika Irlandiża.

Dan għad-detriment tal-proċess ta’ paċi illi l-UE kienet tassew strumentali sabiex tintlaħaq kif ukoll għall-attività ekonomika fiż-żewġ partijiet tal-Irlanda.

Imma dawn il-kwistjonijiet jistgħu jitpoġġew fuq il-ġenb sakemm tinstab soluzzjoni aħħarija, jekk possibli illi tinstab, waqt illi jibdew it-taħdidiet dwar ir-relazzjoni futura.

Mhux l-istess jista’ jingħad dwar il-kwistjoni finanzjarja. Il-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE jridu illi r-Renju Unit jittraduċi l-impenn tiegħu illi jirrispetta l-obbligi finanzjarji tiegħu fil-konkret.

Skont Charles Grant, direttur tas-Centre for European Reform, eventwalment ir-Renju Unit jispiċċa joffri s-somma ta’ € 50 bn sabiex jisblokka n-negozjati.

Din is-somma hija ogħla minn dik li indikat Theresa May fid-diskors tagħha ta’ Firenze fejn stqarret illi l-ebda pajjiż membru mhu ser ibati konsegwenzi finanzjarji minħabba Brexit sal-2020. Imma l-obbligi tar-Renju Unit imorru ferm ’il hinn mill-2020 u għaldaqstant, l-UE qiegħda tagħfas lir-Renju Unit sabiex jikkonkretizza l-impenn finanzjarju tiegħu.

Ir-Renju Unit ma jistax ikun f’qagħda aktar vulnerabbli milli hu llum. Biż-żmien għaddej, l-operaturi ekonomiċi qed jagħfsu sabiex ikunu jafu kif ser ikunu l-affarijiet sena u nofs oħra.

U bosta qed jheddu illi jekk sa l-aħħar tas-sena mhux ser ikun hemm ftehim dwar transizzjoni, ikollhom jieħdu miżuri sabiex jittrasferixxu n-negozju tagħhom lejn xi parti oħra tal-UE kif xi wħud diġà bdew jagħmlu.

Verament kif diplomatiku fi Brussel irrimarka privatament lil xi ġurnal, il-gvern tar-Renju Unit qed jaqta’ figura ferm differenti minn dak illi bosta ħasbu.

Ma tantx tista’ tgħid illi l-mod kif qed imexxi n-negozjati mhux diżastruż. Il-gvern tar-Renju Unit qed juri sens qawwi ta’ inadegwatezza quddiem l-organizzazzjoni qawwija tal-Kummisjoni Ewropea. Ta’ min isemmi illi l-Kummissjoni Ewropea bdiet torganizza ruħha għal dawn in-negozjati l-għada illi tħabbar ir-referendum mentri l-gvern tar-Renju Unit ma pprepara ruħu xejn għall-eventwalità illi l-pajjiż jiddeċiedi illi jrid joħroġ mill-UE.

Eżempju ċar tad-diżorganizzazzjoni u taħwid brittaniku ħareġ din il-ġimgħa. David Davis u d-dipartiment tiegħu tal-Brexit ilhom jistqarru illi saru 58 impact assessment settorali. Madankollu, dejjem irrifjutaw illi jippubblikawhom minħabba l-biża’ illi tiddgħajjef il-posizzjoni negozjali tal-pajjiż. 

Il-Labour ippreżentaw mozzjoni fil-parlament sabiex iġiegħlu l-gvern jippubblika dawn ir-rapporti u l-gvern ċeda l-armi għax beża’ illi din il-mozzjoni ser tgħaddi. Issa rriżulta illi dawn ir-rapporti wara kollox mhux neċessarjament huma xi studji komprensivi u definitivi imma ftit noti ta’ fuq fuq. Il-gvern spiċċa jitlob aktar żmien sakemm jgħaddihom lill-Kumitat Magħżul dwar il-Brexit. Jew sakemm jikteb xi ħaġa presentabbli. Tassew inkredibbli.

Il-qagħda interna tar-Renju Unit mhi tgħin xejn. Il-gvern ta’ minoranza ta’ Theresa May għaddej minn kriżi għal oħra. F’ġimgħa tilef żewġ ministri, għal raġuni jew oħra. Madankollu, minħabba d-dgħjufija politika tagħha, May ma rnexxilhiex tagħmel l-ebda reshuffle għalkemm wieħed hu mistenni wara l-budget tal-ġimgħat li jmiss.

Il-ministru tal-affarijiet barranin rari jitlef opportunità biex joħroġ ta’ ċuċ u bosta jriduh jitlaq. Imma peress illi hu Brexiteer, il-Brexiteers sħabu jridu li May tkeċċi lill-ministru tal-finanzi, Philip Hammond illi hu ferm serju imma għandu l-isfortuna illi hu ferm pessimist dwar il-Brexit. Barra minn hekk, l-akbar alleat ta’ May fil-kabinett.

Damien Green li hu effettivament deputat prim ministru qed jiġi investigat mis-segretarju tal-kabinett minħabba allegati molestji sesswali. Eks uffiċjal tal-Metropolitan Police allega wkoll illi darba sabu l-pornografija fuq il-computer tiegħu. Jekk Green ikollu jitlaq, il-pożizzjoni ta’ May issir aktar u aktar tenwa.

Bosta huma x-xnigħat illi d-deputati konservattivi qed jagħtu lil May sa l-aħħar tas-sena sabiex tirranġa l-qagħda li tinsab fiha. May s’issa baqgħet għaddejja għax għalkemm hi politikament dgħajfa, ħadd ma ried jisfidaha minħabba il-bilanċ delikat fil-partit konservattiv bejn min kien favur u min hu kontra illi r-Renju Unit joħroġ mill-UE.

Dan il-konflitt fi ħdan il-partit konservattiv qiegħed iżomm il-gvern ta’ May milli jartikola pożizzjoni koerenti fil-konfront tal-UE. Ħames mitt jum wara r-referendum, ħadd għadu ma jaf eżatt x’tip ta’ relazzjoni futura jrid ir-Renju Unit mal-UE.

Ftit jiem ilu, Lord Kerr, li kien ambaxxatur għall-UE u kien wieħed minn dawk li abbozzaw l-artiklu 50 stqarr illi l-pajjiż jista’ jiddeċiedi illi jirriversja d-deċiżjoni illi jinvoka l-artiklu 50. 

S’issa l-kundizzjonijiet sabiex iseħħ dan ma jidhrux illi għadhom immaturaw. Imma Lord Kerr għandu raġun meta kkritika lil May talli l-ewwel invokat l-artiklu 50 u mbagħad sejħet elezzjoni illi ħallietha aktar dgħajfa milli kienet qabel. Jidher nuqqas kbir ta’ ħsieb strateġiku b’deċiżjonijiet jittieħdu minn jum għal ieħor.

Bosta li ltqagħu ma’ May personalment irrimarkaw ukoll illi ma tidhirx illi hi f’sikkitha. Persuna stqarret li damet għaxar minuti f’laqgħa magħha mingħajr ma lissnet kelma. Oħrajn, fosthom allegatament Juncker, stqarrew illi qiegħda tiddeludi ruħha dwar dak li possibli tottjeni mill-U.E.

Jidher illi dawn il-500 jum li għaddew kienu moħlija u ħadd m’għandu ideja xi jrid eżatt ir-Renju Unit u x’rapport ta’ kummerċ irid ikollu mal-akbar suq tiegħu.

Li ma qalx Barnier hu li baqa’ ftit anqas minn 500 jum ieħor għad-29 ta’ Marzu 2019 meta r-Renju Unit joħroġ formalment mill-UE. Illum saru 497 u r-Renju Unit dejjem miexi lejn xifer l-irdum.

500 jum ilu kien il-pajjiż ewropew bl-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku mentri llum għandu l-iktar waħda baxxa. Imma bl-istat ta’ inċertezza li qed jirrenja f’Londra, jidher ċar illi l-kbir għadu ġej. F’xi mument jew ieħor, il-kummiedja ser tispiċċa kif jgħidilna l-Pagliacci.

More in Blogs