Editorjal | Impunità

Fil-verità din tal-impunità la bdiet u sfortunatament wisq inħossu li lanqas se tispiċċa bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-ebda persuna mhi gżira. Hekk hu. Imma sfortunatament hawn min hekk jaħseb. Dawn l-aħħar ġimgħat smajna ħafna bil-kelma impunità. Li tfisser illi persuna tħoss li tista’ tagħmel li trid, li tista’ tikser il-liġi mingħajr ma tbati l-konsegwenzi. Mingħajr ma tħossha beżgħana mil-liġi.

Fil-verità din tal-impunità la bdiet u sfortunatament wisq inħossu li lanqas se tispiċċa bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, anke jekk il-kuntest tal-qtil jagħti din l-idea ta’ impunità.

Għalfejn? Għax sfortunatament il-qtil permezz ta’ karozza bomba kien is-sitt wieħed tat-tip tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn. U l-ebda wieħed mill-każi għadu ma kien solvut.

Issa dwar dan nistgħu nippuntaw ħafna swaba’. Nistgħu ngħidu li hija inkompetenza mill-forzi tal-ordni. Nistgħu ngħidu illi l-Forzi tal-Ordni m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex fil-fatt isolvu każijiet bħal dawn. Il-fatt hu li aħna għandna Korp tal-Pulizija li lanqas għadu ngħata biżżejjed riżorsi biex jiffaċċja kriżi, jekk qatt tinqala’ f’Paceville.

Aħseb u ara kemm hu ppreparat biex isolvi dawn il-każi. Hu x’inhu, il-punt xorta jibqa’ illi inħoloq sens ta’ impunità fost dawk li jħossu illi karozza bomba huwa l-mod kif tinqatel persuna. L-idea ta’ ‘La ma nqabdux sitta, mhux se ninqabad jien’.

Imma dan is-sens f’dan il-pajjiż ma jeżistix biss f’dak li jirrigwarda kriminalità organizzata. Is-sens ta’ impunità hija ħafna iktar bażilari minn hekk. Qed taffetwana ħafna iktar milli nixtiequ jew nafu.

Ħarsu lejn it-traffiku. Veru li għandna nuqqas ta’ ideat u rieda u vera li t-traport pubbliku għad fadallu x’jaqdef biex ikun tajjeb. Imma vera wkoll li ma’ kull kantuniera li ddur tara sitwazzjonijiet ta’ nies li jiġu kompletament għal’għajnhom minn ta’ ħdejhom u minn ta’ warajhom u ta’ quddiemhom u jipparkjaw fejn iridu, kif iridu, meta jridu. Basta komdi huma. Basta qdew il-bżonnijiet tagħhom. U għalfejn? Għax hawn sens ta’ impunità. Li ħadd mhu se jkellmek jew iwaqqfek.

Għandna l-ambjent. Snin fuq snin ilna nitkellmu kontra min iħammeġ. Vera li l-mentalità qed tinbidel ħafna, imma vera wkoll li kull fejn tħares għadek tħoss u tara sens ta’ telqa. Ħmieġ ta’ kull tip li jwaddbu n-nies. Vera li hemm nuqqasijiet, imma vera wkoll li hemm sens illi ‘mur ara billi tħammeġ, x’se jagħmlulek?’

Is-serq f’Tas-Sliema. L-ILLUM irrappurtat kif l-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema biss qed tirċievi mal-10 rapporti kuljum ta’ ‘pickpocketing’. Fil-Parlament jirriżulta li f’erba’ snin ittellgħu l-Qorti ftit iktrar minn 100. Veru li għal darb’oħra l-Korp tal-Pulizija huwa limitat b’kemm jista’ jagħmel, però huwa veru wkoll li s-sitwazzjoni mhi sabiħa xejn. Qed toħloq sens ta’ impunità fost dawk il-kriminali li qed jiġu pajjiżna, jisirqu u jerġgħu jitilqu pajjiżhom. Mhux bilfors. Jekk minn kull 100 qed naqbdu wieħed, jew anqas, bilfors li jinħoloq dan is-sens li tista tagħmel li trid.

Ħarsa lejn is-siti soċjali. Kulħadd jgħajjar u jfajjar. ‘Għax facebook tiegħi u nagħmel u nikteb li rrid’. Min irid jgħajjar lill-immigranti ‘żibel’,  biex nagħtu eżempju, mhux se jaħsibha darbtejn. Għajr għal ftit każi ’l hemm u ’l hawn ftit li xejn qatt kellna nies li ġew ikkastigati talli xerrdu l-mibgħeda razzjali, politika, reliġjuża jew klassista.

Jiġifieri meta nitkellmu dwar impunità qed nitkellmu dwar mentalità. Dwar l-idea li xejn mhu xejn. L-idea li jien neżisti f’vakum. L-idea li f’Malta tista’ tagħmel kważi li trid, għax għajn magħluqa se ssib. L-idea li jiena bully u ngħid li jogħġobni u ħadd ma jista’ għalija.

Biex niġġieldu l-impunità rridu niġġieldu din il-mentalità. U biex niġġieldu din il-mentalità jrid ikollna r-rieda li nieqfu naċċettaw kollox. Li nieqfu nieħdu l-inazzjoni bħala n-norma. Li nieqfu nħallu lil ħaddieħor ‘jagħmel li jrid’. Iridu naċċertaw li jkollna politiċi li jemmnu fil-libertà, imma mhux l-libertà li tirfes fuq ħaddieħor.

Int liberu li tagħmel li trid. Basta dak li trid ikun strettament fil-konfini tal-liġi u basta dak li trid int ma jimpinġi qatt fuq il-libertà ta’ ħaddieħor. Jekk nifhmu dan, nibdew nieqfu nitkellmu dwar l-impunità.

More in Blogs