Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Stabbilità u trankwillità

Owen Bonnici jgħid li l-familja tipika Maltija hi familja li tagħraf x’inhu s-sewwa minn dak li mhux u li taf tagħżel min irid il-ġid għal pajjiżna

Ministru Owen Bonnici / 8 ta' Novembru 2017 15:53
Hemm prinċipju sagrosant u kruċjali li n-nies u l-familji Maltin u Għawdxin iridu stabbilità u trankwillità fil-ħajja tagħhom.

Il-familja tipika Maltija hi familja bieżla magħmula minn nies li jaħdmu u jagħmlu sagrifiċċji għal uliedhom biex jarawhom jimxu ’l quddiem. Il-familja tipika Maltija hi familja qalbha tajba, li tħobb tgħin lil ħaddieħor u li temmen f’Malta u f’pajjiżna. Il-familja tipika Maltija hi familja li tagħraf x’inhu s-sewwa minn dak li mhux u li taf tagħżel min irid il-ġid għal pajjiżna.

Il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia heżżeż lill-familji Maltin u Għawdxin għaliex il-familji Maltin u Għawdxin jobogħdu l-vjolenza, jemmnu fit-tolleranza u jemmnu fil-paċi. Il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia xxokkja lil kulħadd għaliex dan l-att mar kontra dak kollu li nemmnu aħna bħala Maltin: li tista’ ma taqbilx mal-argument u l-ideat ta’ dak li jkun (kif kont ma naqbilx jien mal-istil ta’ ħafna mill-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia) imma tiddefendi d-dritt li dak li jkun ma jaqbilx miegħek.

"'Nemmen li l-Prim Ministru Joseph Muscat mexa bl-aqwa mod possibbli fil-ġranet iebsin wara l-qtil brutali u viljakk ta’ Daphne Caruana Galizia. Wera l-ħila kollha tiegħu biex minkejja x-xokk li ħakem lil kulħadd, jiggwida lil dan il-pajjiż b’deċiżjonijiet għaqlin u f’waqthom meħuda b’kalma u serenità.'"
Owen Bonnici
Kif dejjem ngħidu- nhar ta’ Ħadd meta l-familji jiltaqgħu madwar mejda għall-ikel ikun hemm ideat diversi. Wieħed jista’ jaqbel ma’ veduta u l-ieħor jaqbel ma’ veduta oħra iżda fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ familja b’saħħitha u magħquda.

Nemmen li l-Prim Ministru Joseph Muscat mexa bl-aqwa mod possibbli fil-ġranet iebsin wara l-qtil brutali u viljakk ta’ Daphne Caruana Galizia. Wera l-ħila kollha tiegħu biex minkejja x-xokk li ħakem lil kulħadd, jiggwida lil dan il-pajjiż b’deċiżjonijiet għaqlin u f’waqthom meħuda b’kalma u serenità.

Jien rajtu b’għajnejja jaħdem il-ħin kollu biex kemm jista’ jkun jattira kunsens u għaqda fl-istituzzjonijiet li jridu jagħmlu xogħolhom b’serenità. Rajtu b’għajnejja jaħdem il-ħin kollu biex pajjiżna jsellem b’mod meqjus lill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Rajtu jieħu deċiżjonijiet biex min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil barbaru jimxi ’l quddiem u jiżvela dak li jaf. Rajtu jitkellem mal-aqwa ġurnalisti fid-dinja fejn spjegalhom bil-kalma l-affarijiet kif inhuma bl-iswed fuq l-abjad.

Jgħid l-affarijiet kif inhuma

L-iktar ħaġa li għoġbitni f’dan kollu hi li l-Prim Ministru qal l-affarijiet kif inhuma. Ma kienx ipokrita. Qal ċar u tond li Daphne Caruana Galizia kien hemm mumenti fejn kienet tagħmel xogħol ġurnalistiku riċerkat u meqjus però f’mumenti oħra kienet taqa’ f’livelli ta’ gossip. Qal ukoll li hu jiddefendi sal-aħħar id-dritt li wieħed jikkritika lill-Gvern bl-iktar mod iebes u aħrax possibbli iżda jiddefendi wkoll id-dritt li jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu skont proċessi ċivili kif iridu l-prinċipji tas-saltna tad-dritt.

Ħaddieħor mexa b’mod għal kollox differenti u n-nies għarfet l-ipokrezija mill-onestà.

Is-saltna tad-dritt

F’dawn l-aħħar jiem intqal ħafna diskors dwar is-saltna tad-dritt. Essenzjalment il-faction radikali tal-Partit Nazzjonalista ħarġet tgħid li f’pajjiżna għandna katakliżma u diżastru għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma wettqux xogħolhom u rrepetew miljun darba li dawn għandhom jitneħħew.

L-ammont ta’ gideb li ntqal fil-konfront kemm tal-AG u kemm fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija weġġa’ lil kull min hu onest u serju f’pajjiżna.

Ħalli ngħid għaliex.

Il-klikka radikali tal-PN ħarġet tgħid li l-AG għandu jirriżenja għax ma investigax lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-każ tal-Panama. Il-verità hi li l-AG taħt is-sistema legali tagħna m’għandu ebda poter ta’ investigazzjoni. L-AG ma jinvestiga lil ħadd u ma jinvestiga xejn. L-AG għandu rwol ta’ prosekutur pubbliku jiġifieri jidħol fix-xena minn mindu l-Pulizija tressaq ħati l -Qorti ’l quddiem (fil-każijiet l-iktar importanti) u mhux qabel.

Issa jkun hemm min jgħid – imma żomm l-AG għandu d-dritt li joħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni fil-każijiet is-serji. Iva hekk hu – dan l-Ordni hu effettivament talba lill-Qorti biex isir elenku tal-ħwejjeġ li għandu suspettat. Dan il-poter għandha l-FIAU mingħajr il-bżonn li tagħmel talbiet lill-Qorti u fil-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi l-FIAU jidher li użatu għaliex mir-rapporti llikjati li ħarġu hemm referenza ta’ ħafna assi u ħwejjeġ. Fil-prattika – ladarba l-FIAU dan il-poter għandha diġà – l-AG juża dan il-poter biss meta jkun mitlub mill-AGs barranin fuq xi suspettat barrani li jkun konness ma’ Malta.

Issa jkun hemm min jgħid: imma żomm l-AG huwa wkoll ċ-Chairperson tal-FIAU. Iva veru, imma Chairperson tal-FIAU hu Chairperson ta’ Board of Governors. Ma għandu ebda poteri eżekuttivi – dawk il-poteri eżekuttivi għandu biss id-Direttur tal-FIAU u l-istaff tiegħu. Tant hu hekk li ta’ din il-mansjoni ċ-Chairperson tal-FIAU jithallas biss €4,000 għaliex kif għidt, iċ-Chairperson mhuwiex wieħed eżekuttiv imma semplicement jippresedi Board of Governors. Rapporti ma jirċevix u kwalunkwe rapport ta’ aġir suspettuż imur mingħand id-Direttur dritt għand il-Pulizija.

Niġu issa għall-Kummissarju tal-Pulizija.

Ikun hemm min jgħid – il-Kummissarju tal-Pulizija raqad għal sena u nofs fuq rapport li wasal għandu mill-FIAU dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Din ukoll hi kritika inġusta. Ħalli ngħid għaliex.

"'Il-klikka radikali tal-PN ħarġet tgħid li l-AG għandu jirriżenja għax ma investigax lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-każ tal-Panama. Il-verità hi li l-AG taħt is-sistema legali tagħna m’għandu ebda poter ta’ investigazzjoni. L-AG ma jinvestiga lil ħadd u ma jinvestiga xejn. L-AG għandu rwol ta’ prosekutur pubbliku.'"
Owen Bonnici
Fis-sistema legali tagħna, biex xi ħadd jitressaq il-Qorti l-Pulizija trid tissodisfa eżami: ċioè jekk fuq bażi ta’ probbabbiltà hemmx iktar ċans milli le li persuna li titressaq tinstab ħatja. Is-sempliċi suspett mhux biżżejjed. L-FIAU tibgħat rapport lill-Pulizija kull meta jkollha suspett. Però l-Pulizija ma tistax tressaq in-nies il-Qorti fuq bażi ta’ suspett biss, iżda għandha obbligu tinvestiga ulterjorment u mbagħad jekk jidhrilha li hemm bażi ta’ probbabbiltà li din il-persuna tinsab ħatja li tressaq. Inkella l-inġustizzja ssir mod ieħor – li jitressqu persuni innoċenti għal xejn b’xejn u l-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil tfakkarna preċiż x’jiġri meta jsir hekk.

Minn stqarrijiet pubbliċi li għamlet il-Pulizija – għaliex l-Eżekuttiv f’dan il-pajjiż ma jkunx jaf dettalji dwar investigazzjonijiet – irriżultalha li s-suspett wara investigazzjonijiet ma rriżultax li kien wieħed li jwassal għall-arraignment ta’ persuna. Allura għax irriżulta hekk mill-invetigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija hi pupazza u korrotta?

Hu x’inhu – għax fis-sistema tagħna hemm ir-Rule of Law u s-Saltna tad-Dritt – l-eks Kap tal-Oppożizzjoni għamel użu mid-dritt li għandu li jitlob Maġistrat Inkwerenti jinvestiga dak kollu li jixtieq. U hekk għamel. U hemm il-maġistrati inkwerenti li qed jinvestigaw u qed jikkonduċu l-inkjesti. Allura fejn hu n-nuqqas ta’ rule of law?

Ringrazzjament

Nirringrazzja lill-poplu kollu ta’ rieda tajba li f’dan il-mument diffiċli għal pajjiżna wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ngħaqad ponn wieħed u aġixxa b’maturità u f’unjoni. Grazzi lill-awtoritajiet tas-sagrifiċċji li jagħmlu u nħeġġiġhom jagħtu dak kollu li jafu sabiex il-qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia jinstab illum qabel għada.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook