Opinjoni | Konvenzjoni Kostituzzjonali: bżonn ta’ bidla mill-qiegħ

Carmel Cacopardo jsostni li wasal iż-żmien li nikkunsidraw il-Kostituzzjoni fit-totalità tagħha, u mhux biċċa biċċa

Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali ilha s-snin fuq l-aġenda politika tal-pajjiż. Tul is-snin il-Kostituzzjoni ta’ Malta ġiet imraqqa’ diversi drabi, ġeneralment biex jissolvew problemi tal-mument.

Wasal iż-żmien li nikkunsidraw il-Kostituzzjoni fit-totalità tagħha, u mhux biċċa biċċa. Il-kostituzzjoni tal-lum teħtieġ dawra sew. Għandna ħtieġa ta’ kostituzzjoni li tista’ sservina fiż-żminijiet tal-lum.

Hu meħtieġ li jkun indirizzat b’mod immedjat ir-rwol tal-eżekuttiv (jiġifieri tal-Gvern) fil-ħatra, il-kompożizzjoni u l-ħidma tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet b’tali mod u manjiera li dawn ikunu jistgħu jiffunzjonaw sewwa. Mhux kwistjoni li l-eżekuttiv iċedi mill-poteri tiegħu, kif qal riċentement il-Ministru Owen Bonnici meta fil-Parlament kien qed jagħti bidu għad-diskussjoni dwar involviment minimu tal-Parlament fil-ħatriet pubbliċi. Hu iktar każ li l-Parlament jieħu lura l-poteri tiegħu li ċeda jew tilef tul is-snin.

Dan hu difett bażiku fil-qasam kostituzzjonali Malti.

'Malta hi deskritta bħala demokrazija Parlamentari. Fuq il-karta l-Parlament Malti għandu s-setgħa li jiddeċiedi, imma tul is-snin kontinwament evita li jindirizza l-iżbilanċ fil-poter bejn il-Kabinett u l-Parlament. Sakemm ikun indirizzat dan l-iżbilanċ, ftit li xejn nistgħu nimxu ’l quddiem u t-tibdil li jsir ikun essenzjalment wieħed kosmetiku.' Carmel Cacopardo

Malta hi deskritta bħala demokrazija Parlamentari. Fuq il-karta l-Parlament Malti għandu s-setgħa li jiddeċiedi, imma tul is-snin kontinwament evita li jindirizza l-iżbilanċ fil-poter bejn il-Kabinett u l-Parlament. Sakemm ikun indirizzat dan l-iżbilanċ, ftit li xejn nistgħu nimxu ’l quddiem u t-tibdil li jsir ikun essenzjalment wieħed kosmetiku.

Il-mod kif isiru l-ħatriet pubbliċi qiegħed taħt il-lenti. Id-dibattitu pubbliku bħalissa qed jiffoka fuq il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-istat. Hu dibattitu li ilu għaddej is-snin, imma riċentement żied fl-intensità tiegħu minħabba dak li seħħ tul dawn l-aħħar snin.

Sfortunatament, kif isir ħafna drabi, id-diskussjoni pubblika xi drabi tiżgarra u tiffoka żżejjed fuq il-persuna flok fuq il-kariga. Eżempju ta’ dan hi d-diskussjoni kurrenti dwar l-Avukat Ġenerali. Kien ikun ferm iktar għaqli għall-pajjiż kieku flok isiru attakki fuq Dr Peter Grech, l-Avukat Ġenerali, niddiskutu l-funzjoni tal-uffiċċju li jokkupa, u kif r-responsabbiltajiet li l-Parlament għabba bihom lil dan l-uffiċċju tul is-snin dgħajjef ir-rwol kostituzzjonali tiegħu.

Proposta dettaljata li diġà saret, imma li tħalliet fuq l-ixkaffa, hi dik tal-Kummissjoni Bonello dwar ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja: dakinhar kien propost li r-responsabbiltà għall-prosekuzzjoni pubblika m’għandhiex tibqa’ tal-Avukat Ġenerali imma li għandu jinħoloq uffiċċju separat li jkollu resposabbiltà għal dan. Il-proposta saret imma għadu ma sar xejn dwarha. Naħseb li hu ċar għal kulħadd li l-Parlament mhux ser jiċċaqlaq waħdu u dan għax donnu ma jridx jirfes kallijiet.

L-arranġamenti kostituzzjonali li huma l-bażi tal-Kostituzzjoni tal-1964, minkejja t-tibdiliet kollha li saru fil-kostituzzjoni (inklużi dawk li fl-1974 bidlu lil Malta minn Monarkija Kostituzzjonali għal Repubblika) għadhom kollha hemm.

'Il-Parlament wera biċ-ċar tul is-snin li mhuwiex kapaċi li jindirizza: għandu ħtieġa tas-soċjetà ċivili (dik reali, mhux 4 ismijiet li ma jirrappreżentaw lil ħadd) biex tgħinu u tiggwidah sakemm jaqbad it-triq li twassal biex il-poter politiku jkun f’postu, f’idejn il-Parlament.' Carmel Cacopardo

Fl-1964, mal-Indipendenza, il-parti l-kbira tal-poteri li kellha r-Reġina u li hi kienet teżerċita permezz tal-Gvernatur għaddew għand il-Prim Ministru, soġġett għas-sorveljanza tejoretika tal-Parlament.

Għal iktar minn ħamsin sena l-Parliament ma kienx kapaċi jiċċaqlaq dwar dan. L-ebda Prim Ministru ma kellu l-kuraġġ li jmur quddiem il-Parlament u jagħtih lura l-poteri kollha li f’demokrazija Parlamentari għandhom ikunu f’idejn il-Parlament. L-anqas il-Parlament ma ħa inizjattiva dwar dan, għax il-mod kif dan hu kompost jagħmilha impossibli li jkun hemm min jieħu l-inizjattiva mingħajr ma jaqlagħha fuq rasu.

Id-daqs kbir tal-Kabinett flimkien mal-ħatra ta’ prattikament il-Membri Parlamentari kollha tan-naħa tal-Gvern fuq xi bord inkella b’xi responsabbiltà amministrattiva hu minnu nnifsu dikjarazzjoni ċara li l-Gvern irid jorbot idejn il-membri parlamentari tiegħu biex dawn iżommu ħalqhom magħluq.

Dan mhux qed jagħmlu biss il-Gvern tal-lum, imma għamlu wkoll il-Gvern ta’ qablu. Dan, fil-fehma tiegħi hu l-qalba tal-argument kollu, li l-Parlament wera biċ-ċar tul is-snin li mhuwiex kapaċi li jindirizza: għandu ħtieġa tas-soċjetà ċivili (dik reali, mhux 4 ismijiet li ma jirrappreżentaw lil ħadd) biex tgħinu u tiggwidah sakemm jaqbad it-triq li twassal biex il-poter politiku jkun f’postu, f’idejn il-Parlament.

Din hi r-raġuni reali l-għala r-riforma elettorali meħtieġa hi kontinwament injorata: għax hu biss b’Parlament kompost b’mod differenti li l-affarijiet jistgħu jiċċaqalqu.

More in Blogs