Opinjoni | Hekk għandhom isiru l-affarijiet

Joe Ellis jikkummenta fuq ix-xnigħat sensazzjonali fil-kapitali Amerikana

Il-Ħadd li għadda ġraw xnigħat sensazzjonali fil-kapitali Amerikana, Washington D.C. illi dlonk daru mad-dinja kollha.

Skont dawn ix-xnigħat, Paul Manafort, li mexxa l-kampanja presidenzjali ta’ Trump għal ħames xhur is-sena l-oħra kien ser jagħti ruħu lill-Federal Bureau of Intelligence u jitressaq il-Qorti wara  l-investigazzjoni tal-Konsulent Speċjali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja, Robert Mueller.

Kien ilu jissemma’ illi Mueller kien laqqa’ Grand Jury illi sema’ x-xhieda u approva l-att ta’ akkużi kontra bosta individwi. Il-Grand Jury hija istituzzjoni Amerikana illi permezz tagħha l-akkużi kontra individwi jridu jiġu approvati minn ġurija magħmula minn 17 sa 23 ġurat.

Wara l-att tal-akkużi jiġu ssiġġillati minn imħallef federali sabiex kollox jibqa’ sigriet u jinfetħu biss wara l-arrest tal-akkużati.

Min hu Robert Mueller u x’qiegħed jagħmel? L-istorja hija pjuttost twila, speċjalment għal min ma segwiex l-kampanja Presidenzjali Amerikana tas-sena l-oħra u dak li qed jiġri fl-ewwel xhur tal-presidenza Trump. Meta f’Lulju 2016, WikiLeaks ippubblika l-emails tad-Democratic National Committee li jmexxi l-partit Demokratiku ta’ Hillary Clinton, mill-ewwel is-suspetti waqgħu fuq is-servizzi t’intelliġenza russa u l-FBI kienu diġà bdew l-investigazzjonijiet tagħhom. Imbagħad f’Ottubru u Novembru, ftit jiem qabel l-elezzjoni presidenzjali, WikiLeaks ippubblika għoxrin elf paġna ta’ emails tal-istess chairman tal-kampanja ta’ Clinton, John Podesta wara illi l-gmail account tiegħu kien ġie kompromess f’Marzu ta’ qabel.

Is-servizzi t’intelliġenza Amerikani kif ukoll bosta ditti privati kkonkludew illi dan kien xogħol ir-Russi li għaddew l-informazzjoni lil WikiLeaks sabiex jippubblikawhom. B’Julian Assange maqful fl-ambaxxata tal-Ecuador f’Londra, l-impressjoni ġenerali hi illi WikiLeaks sar ftit aktar mill-estensjoni tas-servizzi sigrieti Russi. Assange qatt ma ħeba l-antipatija tiegħu għal Clinton.

F’Diċembru 2016, il-President Obama ordna illi r-riżorsi kollha tal-intelliġenza Amerikana jintużaw sabiex jevalwaw l-influwenza Russa fuq il-proċess elettorali Amerikan u ordna ukoll ritorsjoni diplomatika. Wara l-insedjament tal-President Trump, bosta kumitati tal-Kungress Amerikan bdew jeżaminaw l-allegazzjonijiet ta’ influwenza Russa fil-proċess elettorali Amerikan.

Ta’ min ifakkar ukoll illi l-FBI lagħbet irwol ferm importanti waqt il-kampanja Presidenzjali. F’Lulju 2016, id-direttur tal-FBI, James Comey kien iddikjara illi ma kienx hemm lok illi tittieħed xi azzjoni fil-konfront ta’ Hilary Clinton għalkemm hi kienet estremament traskurata. Din id-dikjarazzjoni għamilha wara illi r-Repubblikani qajmu kjass sħiħ minħabba l-fatt illi Clinton kienet tibgħat emails uffiċjali minn server privat li kienet iżżomm fid-dar tagħha.

Ħallik illi Repubblikani prominenti bħal Karl Rowe wkoll kienu jagħmlu l-istess, probabilment sabiex jevitaw talbiet taħt il-Freedom of Information Act. Imbagħad ftit jiem qabel l-elezzjoni ta’ Novembru, l-istess James Comey informa lil Kungress illi l-FBI kienet qed teżamina emails ġodda sabiex tara kienx hemm xi ksur tal-liġi.

Wara rriżulta illi dawn l-emails ittieħdu mil-laptop ta’ Anthony Weiner, eks membru tal-Kungress u eks raġel tal-assistenta personali ta’ Clinton, Hama Abedin, illi ġie akkużat illi wettaq atti oxxeni ma’ minorenni u eventwalment, ġie kkundannat 21 xahar ħabs. Jumejn qabel l-elezzjoni. Comey iddikjara illi l-emails bejn Abedin u Hillary Clinton illi għal xi raġuni nstabu fuq il-laptop ta’ Weiner ma kien fihom ġdid. Imma Clinton u bosta osservaturi oħra attribwew it-telfa mhux mistennija tagħha għal din id-dikjarazzjoni mhux mistennija ta’ Comey f’mument daqshekk delikat tal-kampanja elettorali.

James Comey għall-parti l-kbira ta’ ħajtu kien reġistrat Repubblikan imma xorta ġie maħtur mill-president demokratiku Obama bħala s-seba’ direttur tal-FBI wara Robert Mueller. Meta l-FBI kompliet bl-investigazzjoni tagħha dwar ir-rabtiet bejn il-kampanja ta’ Trump u r-Russja, Trump prova jikseb assikurazzjoni mingħand Comey illi hu mhux qiegħed jiġi investigat.

Talab ukoll illi Michael Flynn illi Trump kien innomina bħala National Security Adviser jitħalla bi kwietu. Dan Flynn hu persunaġġ ferm kontroversjali li kellu jirriżenja ftit ġimgħat wara l-ħatra tiegħu għaliex instab illi kien gideb fuq il-kuntatti li kellu mal-ambaxxatur Russu. Kien ukoll tkeċċa fi żmien Obama.

Wara beda jikkummenta fuq RussiaToday u deher anke f’ċena bilqiegħda ħdejn Putin.  Anke r-rabtiet tiegħu mat-Turkija qajmu ħafna mistoqsijiet. Comey ma ried jagħti l-ebda assigurazzjoni lil Trump u dehrlu illi l-intervent tiegħu ma kienx f’postu.

Intant, persuna oħra qrib ta’ Trump mill-ewwel spiċċat fl-inkwiet tista’ tgħid għal istess raġuni. Is-senatur ta’ Alabama, Jeff Sessions, li wkoll kellu karriera ferm kontroversjali kien minn tal-ewwel illi ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-kampanja presidenzjali ta’ Trump u kien imexxi l-kumitat ta’ sigurtà nazzjonali tiegħu.

Sessions ġie nnominat għall-kariga ta’ Avukat Ġenerali imma wara rriżulta illi waqt l-udjenza ta’ konferma fis-Senat ma ddikjarax laqgħa li kellu mal-ambaxxatur Russu. Sessions stqarr illi din il-laqgħa kellha x’taqsam max-xogħol tiegħu ta’ senatur għalkemm jeżistu dubji kemm dan hu minnu. Sabiex jevita li jiġi akkużat bi sperġur, irrikuża ruħu mill-investigazzjoni tad-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-FBI dwar l-interferenza Russa fl-elezzjoni Amerikana.

Trump kemm-il darba wera l-għadab tiegħu għall-fatt illi l-FBI baqgħet tinvestiga r-rabtiet tal-kampanja tiegħu mar-Russi u illi Sessions irrikuża ruħu  Imbagħad fit-8 ta’ Mejju 2017, talab lil Sessions u lid-deputat Avukat Ġenerali, Rod Rosenstein jagħmlu każ biex jitkeċċa Comey. 

L-għada, Rosenstein lesta memorandum illi fiha kkritika l-operat ta’ Comey fir-rigward tal-emails ta’ Clinton, liema memorandum ġie approvat minn Sessions. Trump dlonk ra x-xoqqa f’moxtha u keċċa lil Comey.

Li ma pprevediex Trump kienet il-mossa suċċessiva ta’ Rosenstein. Bħala deputat Avukat Ġenerali, hu qiegħed jieħu ħsieb l-investigazzjoni dwar l-interferenza Russa fl-elezzjoni Amerikana wara r-rikuża ta’ Sessions. Rosenstein probabbilment ried jassigura illi l-investigazzjoni fl-interferenzi russi ma tixxekkielx jew tidgħajjef bit-tkeċċija ta’ Comey u ħatar lill-predeċessur ta’ Comey, Robert Mueller bħala Konsulent Speċjali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja sabiex jieħu taħt idejh l-investigazzjoni.

Mueller għaqqad tim formidabbli ta’ avukati u investigaturi b’esperjenza wiesgħa fi prosekuzzjoni ta’ każijiet li jaħarqu. Nhar it-Tnejn ix-xogħol ta’ Mueller beda’ jagħti l-frott. Manafort u Yates ma ġewx akkużati b’reati li għandhom x’jaqsmu mal-kampanja ta’ Trump.

Imma fil-kors tal-investigazzjoni tiegħu, Mueller sab illi Manafort kien irċieva xi $18m minn partit ukren pro-russu tal-eks President Ukren Viktor Yanokuvich sabiex jippromwovi l-kawża tiegħu fl-Amerika.  Manafort u Yates huma akkużati illi ħaslu dawn il-miljuni f’xiri ta’ appartamenti u oġġetti lussużi oħra.

Imma l-aktar illi qajmet għagħa kienet l-ammissjoni ta’ persuna li kellha x’taqsam mal-kampanja ta’ Trump, George Papadopoulos illi kien ġideb lill-FBI. Wara li ġie arrestat f’Lulju, Papadopoulos beda jikkollobora mal-FBI u stqarr illi ltaqa’ ma’ Malti, Joseph Mifsud illi jsejjaħ ruħu bħala professur f’Ruma u f’Londra sabiex jirranġa laqgħa bejn Trump u Putin.

Papadapoulos ddikjara ukoll illi Mifsud kien qallu li r-Russi kellhom il-‘ħmieġ’ fuq Clinton u laqqgħu ma’ Russa li ġiet deskritta bħala n-neputija ta’ Putin. Mifsud ċaħad dan kollu imma mhux magħruf jekk irċeviex xi flus mill-kampanja ta’ Trump.

L-istrateġija ta’ Mueller hija ċara: l-investigazzjoni tiegħu mhix limitata għall-interferenza Russa fl-elezzjoni Amerikana kif iridha Trump imma qed testendi għall-affarijiet finanzjarji tal-istess Trump u n-nies ta’ madwaru.  Hu magħruf illi t-tim ta’ Mueller għandu anke aċċess għad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta’ Trump, ħaġa li allarmatu ferm.

Min ma jikkoperax, ser jaffaċja akkużi ferm serji fejn jirriżultaw nuqqasijiet. Kif qed juri Papadopoulos, l-inċentiv sabiex wieħed jippatteġja huma ferm kbar u biex wieħed jagħmel hekk, irid jikkopera mal-investigaturi ta’ Mueller. Għadna fil-bidu ta’ nvestigazzjoni illi tista’ tikkawża terrimot politiku f’Washington tal-entità ta’ Watergate.

U Trump tant hu dgħajjef politikament li ma jażżardax illi jkeċċi lil Mueller kif Nixon kien keċċa lill-Konsulent Speċjali Archibald Cox fil-każ ta’ Watergate, tkeċċija li pprovokat ir-riżenja immedjata tal-Avukat-Ġenerali u d-deputat tiegħu tal-epoka u wittiet it-triq għar-riżenja ta’ Nixon.

Hekk isiru l-affarijiet fejn isaltan id-dritt. Anke l-President tal-Amerika u ħbiebu jridu jirrispondu għal għemilhom skont il-liġi u jridu jħallsu l-konsegwenzi għan-nuqqasijiet tagħhom. L-ebda poter ma jagħmlek ’il fuq mil-liġi.

More in Blogs