Opinjoni | Bniedem avżat nofsu salvat

Kieku Malta għadha magħluqa fil-fosdqa provinċjali ta’ darba, kieku ma jimpurtax illi jkollna kummissarju illi wara karriera primarjament iddedikata għall-ġbir tas-souvenirs tal-Inter qed imexxi Korp tal-Pulizija fl-investigazzjoni tad-delitt tas-seklu. 

Għaddiet ġimgħa oħra mill-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u l-ħajja għadha titħabat biex tirritorna għan-normalità. Imma mingħajr wisq suċċess.

Dan mhux minħabba xi nuqqas da parti tal-gvern. Anzi l-gvern għamel minn kollox sabiex jagħti l-impressjoni illi kollox baqa’ miexi bħal qabel. Imma l-gvern qiegħed jinsa element ferm importanti: mentri delitti preċedenti illi skussaw l-opinjoni pubblika ġraw meta Malta kienet ftit aktar minn belt żgħira ’l barra mill-kosta ta’ Sqallija, illum, Malta hija membru tal-UE u għaldaqstant, hija dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni pubblika u taħt skrutinju ferm aktar rigoruż.

Kieku Malta għadha magħluqa fil-fosdqa provinċjali ta’ darba, kieku ma jimpurtax illi jkollna kummissarju illi wara karriera primarjament iddedikata għall-ġbir tas-souvenirs tal-Inter qed imexxi Korp tal-Pulizija fl-investigazzjoni tad-delitt tas-seklu.

Kieku l-anqas jimporta illi dan il-Kummissarju sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet erbat ijiem wara d-delitt meta biċ-ċar ma kienx ippreparat għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, lokali u barranin, u nuqqas kbir ta’ komunikattiva.

U l-anqas jimporta illi l-Parlament Malti għal kważi ħmistax ma dehrlux illi għandu jissospendi l-ordni tal-ġurnata u jiddibatti l-istat tal-pajjiż wara dan id-delitt faħxi. Jew x’miżuri għandhom jittieħdu sabiex wieħed jara x’nuqqasijiet seta’ kien hemm fis-sigurtà tal-pajjiż u x’miżuri għandhom jittieħdu sabiex jevitaw li allaħares qatt ikollna katavri eċċellenti oħra.

U wisq anqas jimporta illi l-Prim Ministru ma dehrlux illi għandu jħassar iż-żjara li kellu ppjanata fid-Dubai sabiex jonora l-kuntratt illi l-gvern tiegħu għamel ma’ Henley & Partners. Il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija ma tippermettix pawsa għalkemm Muscat serrħilna rasna illi l-bejgħ tal-passaporti mhux qed isir għall-flus imma ħalli nattiraw ‘it-talent’.

Xejn ma dan kien jimporta kieku bqajna gżira waħedna semi-iżolati mill-kumplament tad-dinja. Imma llum l-affarijiet inbiddlu. Barra mill-fatt illi l-ekonomija tiddependi bil-kbir fuq żewġ setturi ferm delikati, jiġifieri dawk tas-servizzi finanzjarji u tal-imħatri diġitali, illum sirna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. U rridu jew ma rridux ikollna noqogħdu għall-kejl li mhux neċessarjament dak li aħna konna mdorrijin bih.

Matul dawn l-aħħar snin, kien hemm ħafna tgergir fost in-nies illi ppretendew interventi aktar robusti da parti tal-UE u speċjalment da parti tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet lokali. Kif għidt xi ġimgħat ilu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss skont il-poteri li jingħatawlha mit-Trattati. Meta l-Kummissjoni m’għandhiex tali poteri, ma tkun tista’ tagħmel xejn.

U l-gvernijiet nazzjonali, u mhux biss dak Malti, huma ferm ġelużi illi ma jċedu l-anqas pulzier mis-sovranità nazzjonali sakemm mhux meħtieġ skont it-trattati tal-UE.

Fil-passat, il-gvern Malti rnexxielu jisfrutta dan il-fatt f’bosta okkażjonijiet bħal meta ħareġ bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Ġaladarba ma teżistix ċittadinanza Ewropea imma waħda nazzjonali, il-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew ftit li xejn setgħu jintervjenu meta l-gvern Malti beda jbigħ il-passaporti qisu kwalunkwe prodott oħra b’differenza ta’ pajjiżi membri oħra illi kienu aktar ristrettivi f’dan ir-rigward.

Wieħed irid jgħid ukoll illi Muscat jidher illi huwa ferm komdu fil-kurituri ta’ Brusell u jgawdi minn appoġġ u ħbiberiji eċċellenti, fosthom dik tal-president tal-Kummissjoni, Jean Claude Juncker. Aktar ma jgħaddi żmien aktar l-istatura tiegħu setgħet tikber, u dana speċjalment wara l-presidenza tal-Kunsill Ewropew illi mxiet ħarir u ġiet akklamata minn bosta.

Dana minkejja illi l-mod kif ġie ġestit l-iskandlu tal-Panama Papers u l-allegazzjonijiet illi saru dwar Egrant qanqlu tħassib fost bosta. Kif qanqal tħassib il-mod kif ġiet ġestita ż-żjara tal-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew.

Imma minkejja kollox naħseb illi jkun ġust illi wieħed igħid illi Muscat u l-gvern tiegħu s’issa ħelsuha frank minn kritika u kundanna ħarxa mill-Ewropa u tħallew fil-libertà illi jagħmlu illi jridu u jixtiequ. Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jidher biċ-ċar illi l-affarijiet mhux ser jibqgħu hekk.

It-ton fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-ġimgħa l-oħra kif ukoll fid-dibattitu tal-Parlament Ewropew ta’ nhar it-Tlieta li għadda juri biċ-ċar illi l-klima fl-Ewropa fir-rigward ta’ pajjiżna nbidlet. Barra mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, kienet l-istess Merkel illi esprimiet ix-xokk tal-Ewropa kollha għad-delitt infami ta’ ftit jiem qabel u awgurat illi l-gvern Malti jagħmel minn kollox sabiex jiskopri min qatilha.

Il-president tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani ma tantx wera fiduċja fl-awtoritajiet Maltin u sejjaħ għall-investigazzjoni internazzjonali, sejħa li l-Prim Ministru apparentement laqa’.

Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew ma tantx tefa’ dawl sabiħ fuq pajjiżna. Ċerti membri Ewropej bħad-deputati tal-ħodor, Sven Giegold u Eva Jolly kienu ferm sbukkati fil-kritika tagħhom tal-gvern Malti.

Dawn iż-żewġ deputati kienu preċedentement talbu lill-Kummissjoni tinvestiga s-sistema lokali ta’ kontra l-ħasil ta’ flus peress illi l-gvern Malti ma ħax azzjoni kontra uffiċjali għolja tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea ma deherlix illi għandha tagħmel hekk għalissa imma talbet aktar informazzjoni minn Malta.

Giegold hu wkoll membru tal-kumitat Pana u jaf is-sitwazzjoni lokali sew. Fid-dibattitu parlamentari, qal li hu ċar għala xi ħadd poġġa bomba taħt il-karozza ta’ Daphne u mhux tal-Kummissarju tal-Pulizija jew tal-Avukat Ġenerali għax kienet Daphne illi kienet tiġġieled kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità u mhux l-awtoritajiet.

Kemm Gielgold kif ukoll id-deputata konservattiva Monica Macovei sejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru. Din tal-aħħar l-anqas qagħdet tomgħodHa u staqsiet min ser jinvestiga l-Prim Ministru.

Il-viċi president anzjan tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans u r-rappreżentant tal-Kunsill Ewropew, l-Estonjan Mattis Massikas dehru kunfidenti illi l-awtoritjiet Maltin kienu ser jagħmlu ħilithom biex jinvestigaw il-qtil. Imma Timmermans kellu ukoll twissija serja li m’għandhiex tittieħed leġġerment: “Malta trid turi lill-Ewropa u lid-dinja illi r-regoli u liġijiet huma sodi u f’saħħithom. Imma jekk problemi aktar ġeneriċi jew ta’ natura sistemika jitfaċċaw, dawn iridu jiġi indirizzati irrispettivament mill-konsegwenzi.”

Il-kliem ta’ Tajani u ta’ Timmermans għandhom jittieħdu b’serjetà kbira mill-gvern Malti. Għadna ma wasalniex biex niġu ttimbrati bħal Polonja jew l-Ungerija li għandhom gvernijiet awtoritarji li spiss jispiċċaw f’xi kwistjoni mal-Kummissjoni u mal-Parlament. Imma m’aħniex ’il bogħod milli niġu meqjusin bħala stat imqareb li ħsiebu biss biex jisġiċċa mir-regoli tal-bon governanza.

Kien hemm min fostna illi oġġezzjoni għal-laqam ta’ “stat mafjuż” illi bosta ġurnali barranin użaw fil-konfront ta’ Malta. Imma kien l-istess kap tas-soċjalisti Ewropej, Gianni Pittella illi xebbah l-attakk fuq Daphne Caruana Galizia mal-attentati fuq Falcone u Borsellino li kienu t-tnejn vittmi eċċellenti tal-Mafja.

U ż-żjara ta’ din il-ġimgħa tal-Kummissjoni parlamentari Taljana anti-mafja mmexxija mill-ekd-ministru Rosy Bindi fakkrietna, jekk kellna bżonn niftakru, dwar il-possibilità ta’ infiltrazzjoni mafjuża fl-oqsma ekonomiċi u finanzjarji tagħna.

Din iż-żjara kompliet tesponi l-fjask tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-gvern Malti. Rosy Bindi rrimarkat illi l-Kummissarju tal-Pulizija ma sabx ħin jiltaqa’ magħhom. Ma neskludiex illi verament kien imħabbat imma ċertament seta’ jibgħat uffiċjal għoli minfloku. In-nuqqas tas-sur Cutajar illi jiltaqa’ mal-Kummissjoni anti-mafja hija indikazzjoni oħra tal-istat ta’ assedju li qiegħda taħkem il-gvern.

Ir-rimarki misoġeni ta’ Tony Zarb fir-rigward tan-nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja kompla juri kemm ċertu atteġjamenti antiki qatt mhuma ’l bogħod li joħorġu fil-wiċċ. Fortunatament, dawn ir-rimarki sfaw ikkundannati universalment imma l-ħsara laħqet saret.

Il-gvern Malti ġie mwissi u issal-gvern għandu jirreaġixxi bil-kalma għas-sitwazzjoni bla preċedent illi nħolqot. Il-gvern Malti għandu jifhem illi l-futur tas-setturi finanzjarji u tal-logħob diġitali fost l-oħrajn, biex ma nsemmux ukoll it-turiżmu, jiddependi fuq il-mod kif il-kumplament tad-dinja tħares lejn Malta. Għandu jifhem illi jekk ser jibqa’ jikkomporta ruħu b’mod leġġer, ser jikbru l-pressjonijiet sabiex jiġu eliminati l-aġevolazzjonijiet fiskali illi jattiraw tant flus u xogħol hawn Malta a skapitu tal-pajjiżi ġirien tagħna.

L-għajnejn tad-dinja u tal-Ewropa ser jibqgħu fuq Malta. It-twissijiet kienu ċari illi jekk m’aħniex sejrin inpoġġu l-affarijiet ta’ pajjiżna f’posthom, ser ikun hemm konsegwenzi. Bniedem avżat nofsu salvat.

More in Blogs