Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-qħab ta’ Kastilja

Immanuel Mifsud jgħid li Tony Zarb 'ma setax waqa' iktar fil-baxx' wara li l-ġimgħa l-oħra ikkritika lin-nisa li pprotestaw quddiem Kastilja

Immanuel Mifsud / 1 ta' Novembru 2017 08:25
Bdejt nikteb dan l-artiklu fuq bank fi Queen’s Park, Toronto. Dan il-ġnien imdaqqas, inawgurat fl-1860 minn Dwardu, il-Prinċep ta’ Wales, huwa ddedikat lir-Reġina Vittorja, dik li aħna għadna b’xi mod inqimu billi ħallejnieha bilqiegħda fuq tron f’waħda mill-aktar pjazez importanti f’Malta.

Queen’s Park baqa’ wkoll magħruf għal dak li seħħ fit-3 ta’ April 2011, meta eluf ta’ nisa (u xi ftit irġiel ukoll) organizzaw dik li baqgħet magħrufa bħala Slut Walk, il-Mixja tal-Qħab, bi protesta kontra kumment li kien għadda uffiċjal tal-pulizija dwar nisa li jilbsu mqaċċat.

Waqt forum dwar każijiet ta’ stupri fil-kampus tal-universitajiet, il-pulizija Michael Sanguinetti qal li jekk ma jridux jiġu stuprati n-nisa m’għandhomx jilbsu bħall-qħab. Il-kumment qajjem rabja kbira fost in-nisa f’Toronto u bi protesta saret l-ewwel Mixja tal-Qħab.

Ma kontx se nikteb fuq il-Mixjiet tal-Qħab għax kelli suġġett ieħor f’moħħi, iżda wara nofs ta’ nhar naqra fuq dak il-bank, minkejja temperatura pjuttost baxxa, naqra l-kumment tal-eks-segretarju ġenerali tal-General Workers Union, fuq il-paġna tal-facebook tiegħu.

B’referenza għall-ġest politikament b’saħħtu li għamlu xi nisa quddiem Kastilja, Zarb ipprova jirredikolahom billi xebbahhom ma’ prostituti mxennqa għas-sess.

Anki li kieku ma kien ħadd, Zarb ma setax jaqa’ aktar fil-baxx milli waqa’; aħseb u ara meta tqis li dan huwa min huwa. Ħalliha li kultant żmien jibda jgħajjar lil dak u lil oħra “tradituri ta’ pajjiżna”, imma biex ixebbah lin-nisa li qegħdin jipprotestaw bid-dritt kollu ma’ prostituti verament waqa’ fil-baxx. L-insult mhuwiex biss lejn in-nisa tat-tined quddiem Kastilja, imma lejn in-nisa kollha, inklużi l-prostituti nfushom.

Wara l-kumment li kien għadda, Michael Sanguinetti, waħdu jew bl-għajnuna ta’ xi ħadd, irrealizza li b’dak il-kumment kien wettaq żball u għamel apoloġija. Zarb mhux talli (sal-ħin li qed nikteb dan l-artiklu) ma talabx skuża, talli tella’ messaġġ ieħor li biex kompla ġandar l-istorja: bażikament argumenta li għandu d-dritt jgħid dan għax jemmen fil-libertà tal-espressjoni.

Kollox sew, dawk li jemmnu bid-dritt assolut tal-espressjoni, jinkludu wkoll id-dritt li toffendi – u Zarb offenda ħafna nies (nisa) bil-kumment tiegħu. Imma mill-banda l-oħra l-istess dritt tal-espressjoni jinkludi wkoll id-dritt li dak li jkun jiddiżapprova – anki bil-qawwa kollha – il-kummenti li jinħassu sfavorevoli.

Fi kliem ieħor kellna d-dritt li nesprimu d-diżgust tagħna bil-kummenti sessisti u baxxi ta’ Tony Zarb. L-eks-segretarju ġenerali tal-General Workers Union ma jistax – wara li offenda lin-nisa – jippretendi li ħaddieħor ma jitkażax b’dak li kiteb.

Il-kummenti ta’ Zarb ikomplu juru dak li ili nsostni għal ftit żmien mhux ħażin: li hemm baħar jaqsam bejn il-liġi tal-parlament u l-liġi tat-triq. Filwaqt li matul iż-żmien, daqqa bil-lajma u daqqa bl-għaġla, il-pajjiż ħadem għall-ugwaljanza bejn il-gruppi differenti soċjali, l-imħuħ tan-nies mhux dejjem huma sinkronizzati.

"'Zarb ipprova jirredikolahom billi xebbahhom ma’ prostituti mxennqa għas-sess. Anki li kieku ma kien ħadd, Zarb ma setax jaqa’ aktar fil-baxx milli waqa’'"
Immanuel Mifsud
Ħa nieħdu lil dan Zarb, pereżempju. Kien gvern Laburista, bħal dak li jappoġġja Zarb, li taħt it-tmexxija ta’ Pawlu Boffa, saħaq u lleġiżla favur id-dritt universali tal-vot. Kien il-Partit Laburista li kellu l-ewwel nisa parlamentari, li laħħaq l-ewwel ministru u l-ewwel president tar-Repubblika mara.

Kien il-Partit Laburista li ftit tax-xhur ilu nieda programm biex iressaq aktar nisa lejn il-ħajja politika. Wieħed jeħodha benfatt li dawn l-azzjonijiet juru attitudni favur ugwaljanza bejn is-sessi. Il-kummenti ta’ Zarb, allura, mhux joffendu lin-nisa imma, loġikament (għalkemm il-loġika mhux dejjem tirbaħ) anki lill-kredu tal-partit li jħaddan huwa stess.

U jkomplu juru, il-kummenti ta’ Zarb (u ta’ dawk li komplew jappoġġjawh b’kummenti stupidi, infantili, baxxi u supersessisti) li l-maċiżmu għadu ma nqeridx, u ninsabu ’l bogħod ħafna sakemm forsi jinqered.

"'F’era li fiha sar kważi skandlu li tkun negattiv, li tiddubita, li tesprimi l-pessimiżmu, sar aktar diffiċli li ma tkunx. Ma jistax ikun li nibqgħu nemmnu li l-għaqda hija possibbli (u mixtieqa) u mbagħad nitgħajru u ngħajru'"
Immanuel Mifsud
Il-grupp ta nisa li fetħu l-kampijiet fil-pjazza ta’ Kastilja u xxebbhu ma’ prostituti, waqt li xi rġiel fuq facebook qagħdu taparsi jinkwetaw fejn se jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom waqt l-ikkampjar, qed jagħmel dan bi protesta kontra l-gvern biex jitneħħew il-kummissarju tal-pulizija u l-avukat ġenerali.

Dan wara l-assassinju ta’ ġurnalista (mara) li kellna ftit tal-jiem ilu. Dawn in-nisa qegħdin jitolbu li l-karigi l-aktar importanti għaż-żamma tal-ordni u tal-ġustizzja f’Malta għandhom isiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari u qegħdin isostnu dan għax jibżgħu li l-pajjiż, minkejja l-ġid li qed jingħad li għandu, qiegħed ifalli f’oqsma oħra.

M’għandniex xi ngħidu, nofs il-pajjiż mhux se jaqbel ma’ dawn in-nisa tal-kampijiet, għax, ħalli ngħiduha kif inhi, kif jista’ qatt ikun li Malta tingħaqad? Imqar il-mewt, l-assassinju, komplew jifirdu l-poplu li qatt ma kien poplu.

F’era li fiha sar kważi skandlu li tkun negattiv, li tiddubita, li tesprimi l-pessimiżmu, sar aktar diffiċli li ma tkunx. Ma jistax ikun li nibqgħu nemmnu li l-għaqda hija possibbli (u mixtieqa) u mbagħad nitgħajru u ngħajru.

Għax, fir-realtà, x’għaqda hemm meta raġel jgħajjar grupp nisa qħab? Jew tradituri?

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook