Opinjoni | Xquq fil-Pilastri ta’ Pajjiżna

Lee Bugeja Bartolo ifakkar li d-demokrazija iserraħ fuq erba pilastri; l-ġudikatura, l-eżekuttiv, il-legiżlattiv u l-midja  

F’Malta nħaddnu demokrazija rappreżentativa. Hekk tiddetermina l-Kostituzzjoni tagħna.

Għaliha ċ-ċentru tal-politika huwa l-bniedem u l-familja, u kull demokrazija matura tagħti leħen lill-istess poplu u taħdem qatiegħ għal ġid komuni ta' pajjizna.

Din id-demokrazija hi ferm differenti minn dik li tigwida lill-pajjiżi barranin bħall-Ażerbajġan u r-Russja.

Kienu diversi drabi f’dawn il-pajjiżi fejn ġurnalisiti, membri ta’ l-Oppożizzjoni u dawk minn kampijiet politiċi mhux minn tal-gvern ġew aggrediti, arrestati u saħansitra maqtula.

Pero xi tfisser eżatt id-demokrazija u kif ghandna nsaħħuha? Mingħajr ma nidħol f’teoriji twal ta’ xi tfisser id-demokrazija, se nagħmel referenza għal-analoġija sempliċi li tispjega x’issaħħah id-demokrazija.

Id-demokrazija iserraħ fuq erba pilastri; dawn huma l-ġudikatura, l-eżekuttiv, il-legiżlattiv u l-midja.

Kull wieħed minn dawn il-pilastri għandu rwol importanti ferm u għandu jaħdem b’mod awtonomu sabiex jiggarantixxu dak il-bilanċ ġust bejn qasam u ieħor u għalhekk il-proċess demokratiku jsir b' mod komplet.

Ninnota, li f'pajjiżna kien hemm ċirkostanzi fil-ġrajja tagħna fejn dan mhux dejjem seħħ. Dan l-aħħar il-Prim Imħallef ta’ sinjal li erġajna qbadna din it-triq.

Agħar minn hekk, jekk qasam minnhom jintmess, din l-istruttura fina tiddgħajjef u titriegħed sakemm titkisser. Dak li seħħ nhar it-Tnejn li għadda heżżez propju dan. Lis-Sinjura Caruana Galizia ma kontx nafha b’mod personali. Kienet persuna li taffaxxinani bil-pinna tagħha għal-kmand ferm b’saħħtu tal-Ingliż u b' messaġġ li jolqot fil-laħam il-ħaj.

Kien propju għalhekk li xi drabi kont nispiċċa diżżapuntant meta l-artikli tagħha jikxfu l-għawwar ta’ persuna pubblika fuq livell privat, dwar ħwejjeg ta’ ftit sustanza pubblika. Imma ngħiduha kif inhi; l-ħiliet investigattivi tagħha huma fost l-ogħla u dak li kixfet wera dehen u kuraġġ ta' ġurnalista.

Fl-aħħar snin il-kitbiet tagħha kienu vuċi kredibbli, tant, li anke spiċċaw jiddettaw l-aġenda politika ta' pajjizna.

Din is-sena stess hi ġiet rikonoxxuta bi premju ta' ġieħ, mill-Politico li huwa sit tal-aħbarijiet ta' fama, b' aġenda Ewropea. Huma l-ħiliet investigattivi, eċċezzjonali li qiegħdu lil Daphne fi klassi għaliha u ġabulha rispett professjonali mill-medja internazzjonali. Fosthom hemm is-sehem tagħha fl-iskandli tal-Panama.

Naħseb wieħed jrid jkun fiż-żarbun tagħha biex jifhem id-diffikultajiet li hi u l-familja tagħha kienu jgħaddu minnhom fil-ħajja soċjali. Il-kuraġġ li tikteb dak li hu, u tiżvelaħ anke jekk il-kontenut li jmur kontra kull awtorità jew nies ta' poter juri d-determinazzjoni tagħha biex b' għemilha, tħares d-demokrazija.

Il-ħasra hi li f' Malta, l-politika hi polarizzata fi tribujiet, u għalhekk malli jintrifes kallu politiku, sezzjoni tal-poplu donnu titlef is-sens ta’ raġunament u għemil. Minix se nipprova nipponta subgħajja lejn min seta’ għamel dan id-delitt. Dak ser inħallih f' idejn il-Pulizija. Hemm ħafna spekulazzjoni u dan mhux żmien fejn naqbżu ghal konklużjonijiet.

Iżda peress li b’saħħa nixtieq nara ġustizzja iseħħ, ma nistax ma ninutax nuqqasijiet gravi fl-investigazzjoni f’dawn l-aħħar jiem li qed ikabbru l-ixquq fil-pilastri ta’ pajjiżna. Li hu żgur hu, li dan hu delitt politiku.

U proprju minnħabba f'hekk, u wieħed ma jistax ma jażżardax u jtenn li l-klima politika taħraq li qed jesperjenza pajjiżna ħolqot xenarju ta' kompliċita, li jitfa' piż fuq il-Maltin u l-Għawdxin kollha, iżda fuq kollox il-gvern.

Hu l-istat li għandu obbligu u d-dover li jipproteġi l-ħajja taċ-ċittadin, aħseb u ara dak ta' ġurnalista li tkun mhedda.

Il-ġudikatura m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni; hija wieħed mill-iktar istituzzjonijiet ferm importanti għal pajjiżna, fejn l-Imħallfin u l-Maġistrati, jużaw il-miżien tal-liġi Maltija biex jaslu għal-verdett fil-qrati ta’ Malta u Għawdex.

Meta tkun ser ssir inkjesta f' Malta, l-Maġistrat maħtur jingħażel u jimxi skond skeda li tinħareg mill-qorti.

Il-Maġistrat maħtur għal dan id-delitt inzertat l-Maġistrat Scerri Herrera. Kulħadd jaf li bejn il-Maġistrat Sċerri Herrera u Caruana Galizia hemm storja twila u xejn pozittiva bejniethom.

Minħabba il-konflitt ta' interess li l-Maġistrat seta’ kellha, l-investigazzjoni damet ma bdiet 12- il siegħa għax kellu jinbidel il-Maġistrat. Każijiet bħal dawn jitobu kawtela iżda għemil li jittiehed fil-pront, għax investigazzjoni bħal din trid bilfors tibda f' ħin waqtu.

Huwa fatt li l-moħħ kriminali li wettaq dan l-att makabru għażel is-16 ta’ Ottubru għax kien jaf sew li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kien imissha tkun l-Maġistrat ta’ l-Għassa.

Fuq livell nazzjonali, l-Eżekuttiv jiġifieri l-Gvern, jaħtar lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta sabiex jinforza l-applikazzoni tal-Liġi. Preżentament Il-Korp tal-Pulziija jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali.

Fl-ogħla pożizzjoni f’dan il-Korp bħalissa, u ngħid bħalissa għax dan l-aħħar snin inbidel ta’ spiss, hemm il-Kummissarju Lawrence Cutajar. Kienu ħafna li diġa staqsew il-kredenzjali ta’ dan il-Kummissarju vis a vis irresponsabbiltajiet li l-pożizzjoni tiegħu tirrikkjedi. Ma nistax ma nsemmix l-aġir, jew in-nuqqas tiegħu, tal-Kummisarju Cutajar f’dan il-każ.

F’pajjiżi barranin demokratiċi każijiet ferm serji u xokkanti bħal dawn, l-pulizija fi ftit siegħat tal-attakk, tindirrizza lil-medja. U f’konferenzi l-medja tistaqsi u tiġbor informazzjoni sabiex tikkomunika mal-publiku; l-għan aħħari tal-medja.

Dan hu wieħed mill-bilanċi li tgħożż id-demokrazzija. F’dawn il-każijiet, żewġ pilastri tad-demokrazija; jiġifieri l-eżekuttiv u l-medja jkunu qed jaħdmu fl-istess waqt biex isaħħu d-demokrazija. Pero f’dan il-każ, din il-konferenza damet żmien twil wisq biex issir u l-Pulizija m’offriet l-ebda dawl ġdid fuq il-każ. Il-konklużjoni hija ċara daqs il-kristall; il-fiduċja tal-poplu f’dan il-korp kompliet tonqos għaliex l-mod u manjiera ta’ din il-konferenza kienet traskurata għal aħħar.

Id-dieqa u rabja li eluf ta’ Maltin esprimew fil-viġili u l-protesti madwar Malta u bliet Ewropew bħal Londra u Berlin, huwa propju għall-iktar raġuni taħraq għalfejn dan id-delitt huwa inaċċettabli f’pajjiż demokratiku – l-attentat biex jingħalaq ħalq ġurnalista.

Il-liberta tal-espressoni hija essenzjali sabiex il-medja; pilastru ieħor tad-demokrazija, tkun tista tagħmel xogħolha. Delitt makabru bħal dan jinstillla sens ta’ biża fil-ġurnalisti li għandhom vokazzjoni sabiex jinvestigaw u jwasslu l-fatti u l-verita` lill-pubbliku. Huma mumenti bħal dawn fejn jitnisslu xquq fil-pilastri tad-demokrazija. Għal bidu dawn ix-xquq ikunu żgħar u l-għajn ma tarahomx faċilment.

Pero maż-żmien dawn l-ixquq jibdew jikbru. Ix-xquq jikbru minn ġewwa għal-barra tal-pilastri sakemm dawn ma jkunux jifilħu iktar l-piż ta’ fuqhom. Bħalma siġġu ma jistax jagħmel xogħlu fuq tlett saqajn, l-istess id-demokrazija ma tistax tiffunzjona jekk waħda jew iktar minn dawn il-pilastri jikkrollaw.

Tassew id-demokrazija f’Malta qiegħda titriegħed bid-delitt politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

More in Blogs