Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Ħnieżer

Ir-rewwixta tal-ħnieżer, bl-għajnuna tal-annimali l-oħrajn, twassal għal rivoluzzjoni sħiħa

Immanuel Mifsud / 7 t'Ottubru 2017 16:04
Peppa Pig hija ħanżira ta’ erba’ snin. Titkellem tajjeb bl-Ingliż (għax hija Ingliża) u tħobb taqbeż fl-għadajjar kollha tjun. Ħuha, iżgħar minnha, jismu George. Peppa u George għandhom omm u missier … ħnieżer ukoll.

Old Major, Napoleon, Snowball, Squealer, Minimus u Pinkeye wkoll huma ħnieżer. Tal-ewwel jispira rewwixta f’razzett, bħalma Karl Marx ispira r-rivoluzzjoni komunista li proprju f’dan ix-xahar tagħlaq mitt sena.

Ir-rewwixta tal-ħnieżer, bl-għajnuna tal-annimali l-oħrajn, twassal għal rivoluzzjoni sħiħa: jitneħħa l-bidwi min-nofs u tibda t-tmexxija annimaleska, bir-riedni sodi sodi f’idejn Napoleon u l-akkolti tiegħu.  Sfortunatament, l-istess bħall-bniedem, il-ħanżir moħħu biex ikun ugwali għall-annimali l-oħrajn tar-razzett, anzi ugwali aktar minn sħabu l-bestji.

Hemm ħnieżer li jtiru.

Jingħad li l-alla Demeter kienet tħobb ħafna l-ħnieżer bħala l-annimal tas-sagrifiċċju u l-istess l-alla Afrodite. Il-ħanżir kien l-annimal li jagħti l-idea ta’ abbundanza u fertilità u allura kien jitqies bħala annimal speċjali, anki jekk il-Lhud u l-Musulmani qisuh bħala annimal li jniġġes tant li t-tnejn jipprojbixxu li jittiekel.

Kemm il-ktieb tal-Levitiku kif ukoll id-Dewterenomju jamru li l-ħanżir ma jittikilx għax għandu difrejh maqsumin, u l-Koran ukoll jinkludi l-ħanżir mal-lista tal-ħaram, dawk il-ħwejjeġ li l-bniedem mhux imħolli jikkonsma.

Ara l-Insara, xorta oħra. Dawk jitħallew jieklu ħnieżer kemm iridu. Il-majjal, anzi, huwa laħam li jiġi kkunsmat ħafna, speċjalment (f’ċerti nħawi) fil-festi speċjali tal-kalendarju Kristjan.

F’Malta, pajjiż Nisrani pereċċellenza, il-ħanżir jittiekel bl-addoċċ, fil-forom kollha: perżut, murtadella, zalzett (imsajjar imma anki nej), mixwi, moqli …

 

Tisma’ b’ħafna li kultant żmien jagħmlu ħanżirata – ikla ġeneralment bejn grupp ta’ ħbieb li fiha jinxtewa ħanżir sħiħ u kulħadd iqatta’ u jiekol. Interessanti dan in-nom ‘ħanżirata’, għax mhux biss jindika li fil-platt se jkollok biċċa ħanżir (l-istess kif f’fenkata jkollok fenek u forsi f’lampukata jkollok il-lampuki) imma għax il-kelma nnifisha – ħanżirata – għandha konnotazzjonijiet ta’ ikel bl-addoċċ, f’porzjonijiet u ammonti kbar ħafna. Il-ħanżirata tagħti l-idea ta’ ħniżrija: tiekol ħafna, tiekol kulma tara b’għajnejk, tesaġera f’dak li tikkonsma.

Fil-kultura tagħna, mela, il-ħanżir, anki jekk mhuwiex meqjus bħala annimal imniġġes, u anki jekk il-majjal huwa ikla kkunsmata regolarment bi preparazzjonijiet differenti, għandu – nasal ngħid miskin – marbutin miegħu kunċetti negattivi. Huwa l-annimal assoċjat mal-konsum żejjed li, ma rridux ninsew, fit-tradizzjoni Nisranija huwa wieħed mis-seba’ dnubiet mejta.

Jekk il-ħanżirata hija attività u okkażjoni sabiħa, il-ħniżrija mhijiex. U mill-ħniżrija joħroġ il-ħanżir – mhux dak l-annimal roża jew iswed jew griż jew kannella – imma l-bniedem li jesaġera fil-konsum.

Fi kliem ieħor huwa possibbli, anzi possibbli ħafna li l-ħanżirata tkun attività mimlija ħniżrija, fejn il-ħnieżer m’humiex biss il-vittmi li jinxtwew biex jittieklu imma dawk li jieħdu ħsieb ix-xiwi għall-ikel: ħnieżer li jieklu l-ħnieżer.

Il-lingwa tagħna tassew interessanti, speċjalment meta tittratta s-suġġett tal-ħnieżer u l-ħniżrija.

Il-kelma ‘ħniżrija’ ma nużawhiex biss biex nindikaw ikel żejjed imma anki għall-ħmieġ u l-kruha. Min jaf, aħna u nitgħallmu nżommu l-lapes, kemm kienet tgħajjat magħna Miss Grima għax konna niktbu ‘mħanżer’.

Kienet tinsisti magħna li l-pitazz għandna nżommuh pulit u nadif; ma nagħmlux il-homework waqt li nieklu jew fuq il-mejda tal-ikel inkella ntebbgħuh bil-butir jew biz-zalza u l-pitazz nispiċċaw inħanżruh. U meta konna qegħdin nitgħallmu niktbu l-ittra elle, kienet tinsisti li l-elle nibdewha minn fuq għal isfel, mhux minn isfel għal fuq; u kull elle kellha tkun dritta dritta.

Meta Miss Grima kienet tiftaħ xi pitazz u fil-folja kienet tara sensiela ta’ ellijiet imxenglin jew mgħawġin, kienet terġa’ tibda tgħajjat u tgħid kemm il-paġna kienet imħanżra.

Ma nafx x’sar minnha Miss Grima. Jalla għadha tarmi s-saħħa u l-ġmiel li kienet issaħarna bih. Niftakar ċar, f’wieħed minn dawk il-waranofsinharijiet meta kien isaħħab, l-arloġġ tal-knisja jdoqq it-tlieta u nindunaw li fadal tliet kwarti oħra biex nisparaw ’il barra, lil Miss Grima taqralna l-istorja ta’ tliet ħnieżer li bnew dar kull wieħed.

Ġie l-lupu u d-dar tal-ewwel ħanżir, mibnija bit-tiben, ġabha tħin u tat-tieni ħanżir, mibnija biz-zkuk, ġabha l-istess. Imma t-tielet ħanżir kien għaqli u bena d-dar bil-ġebel u l-lupu ma rnexxilux iwaqqagħha.

Għax tassew, kif kienet tirrakkonta Miss Grima, hemm ħnieżer li jibnu bil-ġebel. Hemm ħnieżer li ħanżru kulma hawn bil-bini li bnew bil-ġebel. U hemm ħnieżer li tħanżru għax kielu kemm felħu mill-ispazju, u tiskanta, qatt ma għandhom biżżejjed – dejjem iridu aktar u aktar u aktar. U biex jieħdu dejjem aktar mingħajr ma jidhru li qegħdin jieħdu aktar, joħorġu bi stejjer ħelwin aktar minn ta’ Peppa Pig, jew Old Major u Napoleon.

Pereżempju: agħtuna aktar u nagħtuk lura ftit; jew, jekk tagħtuna ħafna ħafna rroddu lura naqra naqra. Jekk tħalluna ntellgħu aktar ġebel, lesti nagħtu xi ħaġa lil min ma jiflaħx u b’hekk nikkontribwixxu lis-soċjetà. Imma l-ewwel tridu tagħtuna biex inkunu nistgħu nagħtu.

Qisu xi ħadd imur il-bank ipoġġi turrun ċekkijiet ħoxnin u karti tal-mitt ewro, waqt li oħrajn jisimgħu l-munita taħbat fil-qiegħ ta’ żaqq il-karus, li balleċ, il-forma tiegħu hija ta’ ħanżir.

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook