Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Owen iħobb jiċċajta

Carmel Cacopardo jgħid li l-proposta tal-Gvern tfisser li l-Parlament, mhux ser ikollu l-possibilità li jgħarbel lil dawk nominati mill-Gvern

Carmel Cacopardo / 6 t'Ottubru 2017 11:04
Iktar kmieni din il-ġimgħa, Owen Bonnici, il-Ministru tal-Ġustizzja, spjega lill-istampa l-proposti tal-Gvern biex il-Parlament ikun f’pożizzjoni li jeżamina l-ħatriet politiċi tal-Gvern. Kien qed jirreferi għall-ħatriet ta’ dawk li jmexxu d-diversi awtoritajiet jew aġenziji tal-Gvern inkella tal-ambaxxaturi li jinħatru minn barra ċ-ċivil: fi ftit kliem il-ħatriet politiċi li jagħmel il-Gvern.

Ir-reazzjoni naturali għad-dikjarazzjoni ta’ Owen Bonnici hi li l-proposta tal-Gvern hi pass (żgħir) ’il quddiem. Imma meta tara d-dettalji tal-proposta hu ċar li din mhi xejn għajr daħq fil-wiċċ. Il-Kumitat Parlamentari li ser jinħatar ser ikun jista’ jgħarbel il-ħatriet politiċi li l-Gvern ikun qed jikkonsidra li jagħmel billi jibagħtilhom mistoqsijiet bil-miktub. Imbagħad, skont it-tweġibiet li jirċievi kif ukoll xi mistoqsijiet supplementari li jistgħu jkunu meħtieġa, il-Kumitat Parlamentari jkun mistenni li jagħti parir lill-Gvern dwar il-ħatriet taħt konsiderazzjoni.

Dan hu fermi ’l bogħod minn dak li hu mistenni f’demokrazija moderna.

Il-Parlament, direttament inkella permezz ta’ kumitat permanenti tiegħu m’għandux sempliċiment jagħti parir. Għandu jiddeċiedi dwar jekk dawk nominati mill-Gvern humiex addattati għall-ħatriet li jkunu ġew nominati. Dan għandu jsir wara li dawk nominati jkunu ġew eżaminati waqt laqgħa pubblika kif jagħmlu regolarment il-kumitati permanenti tas-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-kumitati Parlamentari ta’ diversi pajjiżi oħra. Dan ikun jista’ jsir kemm-il darba l-Parlament jieħu lura mingħad il-Gvern il-poteri li ċedielu tul is-snin.

"'Ir-reazzjoni naturali għad-dikjarazzjoni ta’ Owen Bonnici hi li l-proposta tal-Gvern hi pass (żgħir) ’il quddiem. Imma meta tara d-dettalji tal-proposta hu ċar li din mhi xejn għajr daħq fil-wiċċ.'"
Carmel Cacopardo
L-iskrutinju Parlamentari jfisser ħafna iktar milli twieġeb numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub. Li teżamina lill-persuni nominati biex tara kemm huma addattati għall-ħatriet li għalihom ikunu kkunsidrati jmur lil hinn minn eżami superfiċjali tal-kompetenza professjonali tagħhom.  Tfisser ukoll l-eżami bil-lenti tal-ħidma tagħhom biex ikun aċċertat jekk humiex kapaċi jieqfu kontra l-pressjoni politika li ħafna drabi tfittex li tinfluwenza l-ġudizzju tagħhom favur dak li fil-mument ikun jaqbel politikament u allura, bosta drabi, jkun kontra dak li hu xieraq u ġust.

Dan l-eżerċizzju, biex isir sewwa, ma jsirx permezz ta’ mistoqsijiet bil-miktub imma b’mistoqsijiet li jsiru u jkunu mwieġba dak il-ħin stess li jsiru fil-pubbliku. Għax it-tweġiba importanti għal kull mistoqsija li issir ma tikkonsistix biss fil-kliem li jingħad bħala tweġiba. Ir-reazzjonijiet bħall-espressjoni tal-wiċċ u l-mod kif il-persuna iġġib ruħha (dak li normalment nirreferu għalih bħala body language) huwa ħafna drabi iktar relevanti mid-diskorsi twal u jduru mal-lewża li ħafna drabi ma jwieġbu xejn. Dan jgħodd kemm għal tweġibiet bil-kitba kif ukoll għal tweġibiet bil-fomm.

"'Il-proposta tal-Gvern kif imfissra minn Owen Bonnici tfisser li l-Parlament, permezz tal-Kumitat Permanenti tiegħu mhux ser ikollu l-possibilità li jgħarbel bis-serjetà lil dawk nominati mill-Gvern.'"
Carmel Cacopardo
Matul il-kampanja elettorali ta’ ftit xhur ilu kienu qalulna li l-istituzzjonijiet jeħtieġ li jkunu mħarsa mill-maniġġi tal-Partit Laburista – għax kellhom ikunu Labour-proof! Fir-realtà l-istituzzjonijiet u l-aġenziji pubbliċi għandhom jinżammu ’l bogħod kemm jista’ jkun minn indħil tal-Gvern tal-ġurnata fil-mod kif jitmexxew l-affarijiet minn jum għall-ieħor. Dan jista’ jsir billi jkun assigurat li t-tmexxija tagħhom ma tkunx f’idejn min jitmexxa minn imnieħru politikament imma minn persuni kompetenti u kwalifikati.

Il-proposta tal-Gvern kif imfissra minn Owen Bonnici tfisser li l-Parlament, permezz tal-Kumitat Permanenti tiegħu mhux ser ikollu l-possibilità li jgħarbel bis-serjetà lil dawk nominati mill-Gvern. Il-Parlament, biex jagħmel xogħlu sewwa jeħtieġ li jkollu l-awtorità li jżomm dawk il-ħatriet li jkun jidhirlu li ma jkunux addattati. Biex dan ikun possibli hu neċessarju li l-proposti tal-Gvern jinbidlu b’mod sostanzjali.

Kien għal dan l-iskop li kemm fl-aħħar elezzjoni ġenerali kif ukoll f’dik ta’ qabilha, Alternattiva Demokratika fil-manifest elettorali tagħha ressqet proposta li tista’ titħaddem b’mod ferm iktar effettiv u dan biex il-Parlament (jew il-kumitati tiegħu) ikollhom l-awtorità li jiddeċiedu u mhux sempliċiment li jagħtu l-pariri, u dan wara smigħ pubbliku li ma jkollux limitazzjonijiet imposti fuqu.

Hekk isir f’demokrazija b’saħħitha.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook