Opinjoni | Alternattiva għall-ivf

Bħalissa fid-dinja tagħna huma biss 25% li qed jirnexxilhom jaslu għat-tnissil u għat-twelid ta’ tarbija tant mixtieqa

Ftit snin ilu sirt naf li hemm alternattiva iżjed effettiva għall-invitro fertilization (IVF). U kont ktibt ittra dwarha fil-gazzetta lokali Times of Malta. Minn dakinhar ’l hawn ġie f’idejja iżjed tagħrif u se nagħmel l-istess għall-qarrejja tal-gazzetta ILLUM.

Il-metodu alternattiv għall-IVF jissejjaħ Na Pro Technology u r-rata ta’ suċċess tiegħu tasal sal-lum għal 80% tal-pazjenti, li jirnexxilhom joħorġu tqal b’mod naturali.

Differenza kbira

Id-differenza kbira bejn l-IVF u n-Na Pro Technology hija din: l-IVF ma tinvestigax u lanqas tikkura x’inhu jwassal għall-infertilità fil-pazjenti, waqt li t-Teknoloġija Na Pro tinqeda b’tekniċi dijanjostiċi differenti biex tidentifika x’qed iwassal għall-infertilità.

Wieħed jibqa’ skantat bir-rata ta’ suċċess ta’ dan il-metodu mqabbel mal-IVF, li l-għan tiegħu mhux li jipproduċu tarbija waħda imma diversi embrijuni biex minnhom jintgħażel l-aħjar wieħed u jisfa trasferit fil-ġuf!

Xi jsir minnhom l-embrijuni żejda? Il-ġenituri għandhom diversi għażliet: jew jisfaw iffriżati għal xi snin u wara jkollhom jisfaw meqruda jew jingħataw b’mod anonimu lil xi mara oħra, jew jingħataw għal tiftix mediku. Qed nagħti stampa tal-IVF in ġenerali u mhux ta’ kif inhi l-istampa f’Malta biss.

Id-dinja tal-punent in ġenerali biex koppja tasal biex tipprova twelled bl-IVF, jeħtiġilha toħroġ eluf ta’ dollari jew ewro kull darba li tipprova. Hekk kienet is-sitwazzjoni hawn Malta qabel mal-Gvern daħal fil-qasam tal-operazzjonijiet tal-IVF u b’hekk fetaħ il-bibien anke għal min hu nieqes mill-flus meħtieġa biex dawn iseħħu.

Tama fiergħa

Imma xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-kotra l-kbira tal-ġenituri li jidħlu għal dan il-metodu qed ikunu offerti t-tama fiergħa li se jkunu kapaċi jwelldu tarbija li tant xtaqu. Għax bħalissa fid-dinja tagħna huma biss 25% li qed jirnexxilhom jaslu għat-tnissil u għat-twelid ta’ tarbija tant mixtieqa!

L-ewwel tarbija IVF

Is-sena d-dieħla Louise Brown, l-ewwel tarbija li twieldet bil-metodu IVF, biċċa xogħol enormi tat-tabib Robert Edwards. Skont Elizabeth Howard, edukatriċi tal-familji, kwart ta’ miljun tarbija fl-Ingilterra twieldu b’riżultat tal-IVF se tagħlaq 40 sena. Kull wieħed u waħda minnhom huma għeżież u l-ġenituri tagħhom għaddew minn ħafna qtigħ il-qalb u xi drabi għamlu sagrifiċċji finanzjarji enormi biex ikollhom familja.

Ir-rumanz ta’ Aldous Huxley kien profetiku. Għax l-IVF intenzjonalment tipproduċi diversi embrijuni li minnhom tagħżel dak li jidher “l-aħjar” u tagħtih iċ-ċans li jgħix. Anzi ċerti pajjiżi jippermettu għażla bejn maskili u femminili permezz tal-IVF, jippermettu wkoll eżami ġenetiku mhux biex jistħarrġu għal xi mard serju iżda wkoll għal xi diżordni ieħor li bla ma jafu l-ġenituri futuri jkunu qed iġorru.

Għaliex mhuwiex popolari

Għaliex il-metodu Na Pro Technology mhuwiex popolari bħall-IVF? Sempliċiment għax ftit wisq hemm flus li għandhom bħala għan it-tiftix fit-Teknoloġija Na Pro, għax ħafna mil-finanzi fid-dinja qed imorru fl-IVF bir-riżultat li t-tekniki diretti lejn il-fertilita mhux qed isir tiftix fuqhom u t-tobba qed jitilfu l-ħiliet meħtieġa biex jużaw il-metodi li jaħdmu biex jagħtu lura l-fertilità naturali.

Xi dnub meta fid-dinja medika jeżisti metodu moralment aċċettabbli għal kullħadd, li joffri alternattiva etika għall-IVF li għadu mhux imxerred mad-dinja!

Hawn Malta

Il-Gvern Malti għamel sew li qed jieħu sehem fl-ispiża finanzjarja biex il-koppji li jixtiequ jkollhom tarbija jkunu jistgħu japplikaw mingħajr ma jidħlu fi spiża esaġerata. Ma jistax il-Gvern jinqeda bil-finanzi tiegħu biex jgħin metodu li qed jikseb riżultati ferm iżjed inkoraġġanti minn dawk tal-IVF?

U l-Knisja f’Malta ma tistax tagħti iżjed pubbliċità lill-metodu Na Pro Technology li etikament huwa ghal kollox aċċettabbli mill-aspett etiku? Jiena naħseb li din hi għalqa fejn tista’ sseħħ il-koperazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat kif ukoll l-Università.

More in Blogs