Bijografija | Frank Kitz (1849-1923)

Kitz beda jistampa fl-1881 verżjoni Ingliża tal-ġurnal Freiheit (Ħelsien)

Frank Kitz, li ismu propju kien Francis Platt, twieled f’Londra fl-1849. Huwa kien il-wild illeġittmu ta’ Mary Platt u John Lewis. Missieru kien arloġġar u ommu seftura.

Kitz kellu jfendi għal rasu, jaħdem bħala qaddej, porter u messaġġier. Huwa ddekora l-ħitan ta’ kamartu bi stampi tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Kitz attenda kull laqgħa tal-moviment radikali f’Londra. Fl-irvell ta’ Hyde Park fl-1866 irnexxielu bi ftit jevita li jkun arrestat.

Huwa beda jaħdem ta’ żebbiegħ tad-drapp. Meta waqaf minn dan ix-xogħol, huwa beda jiġġerra fit-toroq tax-xlokk tal-Ingilterra; huwa daħal fl-armata imma ħarab kemm-il darba.

Huwa rritorna Londra u beda jgħix fl-1873 f’Soho. Hawnhekk issieħeb mad-Democratic and Trades Alliance Association li kienet il-fdal tal-Ewwel Internazzjonal fl-Ingilterra. L-imseħbin kienu kważi kollha ħajjata u skrapan. L-aktar elementi rivoluzzjonarji ffurmaw il-Manhood Suffrage League, u Kitz inħatar segretarju.

Fl-1877 telaq u beda jipprova joħloq grupp soċjalisti u internazzjonali f’Londra. Huwa kien imħeġġeġ minn Johann Neve (1844-1896) biex jifforma sezzjoni Ingliża tal-moviment soċjalist. L-English Revolutionary Society twaqqfet fl-1878.

Kitz beda jistampa fl-1881 verżjoni Ingliża tal-ġurnal Freiheit (Ħelsien). F’dawn iż-żminijiet Kitz kien bla flus u ntefa’ ’l barra minn daru.

Huwa attenda l-Kungress Internazzjonali Soċjalist bħala delegat. Kitz tkellem fil-laqgħa tal-Stratford Dialectical and Radical Club. Flimkien ma’ Joe Lane (1851-1920) beda jmexxi propaganda f’Homerton u Mile End. Huma waqqfu l-Labour Emancipation League. Il-Lega ma kinetx anarkista iżda maż-żmien imxiet f’dik id-direzzjoni.

Il-Lega affiljat mas-Social Democratic Federation; meta xi wħud telqu, il-Lega ġiet ittrasformata bħala s-Socialist League.

Kitz, flimkien ma’ Charles Mowbray (1850-1910), waqqaf stamperija. Huma bdew jistampaw propaganda antimilitarista u waħħluhom mal-ħitan fl-East End ta’ Londra. F’Awwissu 1885 Kitz kien arrestat talli imblokka waqt li kien qed jitkellem fi Stratford.

Fl-1887 huwa beda kampanja madwar Londra biex iżid il-bejgħ ta’ Commonweal, il-ġurnal tal-Lega. Sal-1888 il-kurrent anarkist fil-Lega kien dominanti. Kitz inħatar segretarju, u flimkien ma’ Sam Mainwaring (1841-1907) huwa beda vjaġġ f’Wales. Huwa kien wieħed mill-kelliema fil-laqgħat matul l-Istrajk tal-Baċiri fl-1889.

Kitz għen lil Reynolds iwaqqaf is-Surrey Labourers Union li organizzat lis-sewwieqa tal-karozzi, ħaddiema manwali u lin-nisa ħassiela tal-‘laundry’. Iżda sal-1890 l-affarijiet fil-Lega marru għall-agħar. Kitz kellu nuqqas ta’ qbil ma’ Mowbray fuq l-użu ta’ bombi u rriżenja f’Marzu tal-istess sena. Fl-1910 Kitz tilef xogħlu bħala żebbiegħ tad-drapp. Huwa beda jgħix billi jarma posta fis-swieq tat-toroq.

Kitz kiteb il-memorji tiegħu, Recollections and Reflections, bejn Jannar u Lulju 1912. Dawn dehru fil-ġurnal anarkiku Freedom. Il-ġurnal appella għal finanzi biex jingħataw lil Kitz. Fl-appell il-ġurnal qal: “issa li għandu aktar minn 70 sena, huwa ma jistax aktar jaħdem biex jgħix... u kull ma jaqla’ hi l-miżerabbli penzjoni ta’ 10 xelini fil-ġimgħa ...”

Kitz miet fil-faqar f’Londra f’Jannar 1923.

More in Blogs