opinjoni | sinjali

Immanuel Mifsud jikteb dwar is-settur ambjentali 

Kuljum preċett, fuq il-mezzi soċjali, taqra diversi lmenti dwar is-sitwazzjoni ambjentali f’dan in-naqra ta’ pajjiż. Kuljum preċett. Min jilmenta minħabba t-traffiku; min jilmenta għax inqalgħu siġar antiki; min jilmenta għax jgħix fi triq bla triq; min jilmenta għax ma’ sbiħ il-jum jibda t-tħaffir, id-damdim u t-tregħid ma’ kullimkien; min jilmenta minħabba l-irresponsabbiltà ta’ ħafna li jarmu l-iskart kif jaqbel lilhom; min jilmenta minħabba d-dħaħen tat-traffiku mwaħħal; min jilmenta mid-daqq sal-erbgħat ta’ filgħodu… ilmenti li jidhru ta’ kuljum.

Inġenerali ssib li hemm żewġ tipi ta’ reazzjoni għal dan: issib min jappellalek tagħlaq ħalqek għax qiegħed tkun ‘negattiv’ u jixħetlek l-espressjoni klixè ta’ “Maltese gemgem,” u ssib min jipprova jispjegalek li dan huwa sinjal tal-progress li għamel il-pajjiż: li l-bini mhu xejn għajr dħul u ż-żejt li jdawwar ir-rota għalik, għalija u għal kulħadd.

Dwar il-ħsarat fiżiċi u viżwali li dan kollu qiegħed jikkawża ktibt kemm-il darba u ħafna oħrajn jiktbu u jikkummentaw ta’ kuljum. Imma hemm ukoll l-aspett psikoloġiku ta’ dan kollu. Hemm bżonn li nirrealizzaw ukoll li lkoll kemm aħna qegħdin inbatu psikoloġikament minħabba n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni lejn saħħitna u l-madwar tagħna min-naħa ta’ min għandu l-poter (u b’poter miniex nalludi biss għal dak politiku). Ħafna minna qegħdin nirrealizzaw li qegħdin ngħixu f’gaġġa li kulma jmur qiegħda tiċkien.

Bħala bnedmin, anzi bħala ħlejjaq, għandna bżonn l-ispazju tagħna, imma f’Malta dan l-ispazju m’għadux jeżisti. Biżżejjed li wieħed josserva r-ritratti li ħafna jtellgħu fuq Facebook miġbudin waqt il-vaganzi li jieħdu fis-sajf. Wieħed faċli josserva li hemm numru kbir ta’ dawn ir-ritratti miġbudin fil-kampanja, qalb il-ħdura, f’ambjenti rurali li minbarra l-ġmiel viżwali jagħtu wkoll ħjiel tal-kobor, tal-ftuħ, tan-nifs fil-fond li ma nistgħux nieħdu f’pajjiżna.

“Wieħed irid jifhem lil dawk il-familji li fix-xhur tas-sajf iridu joqogħdu bit-twieqi magħluqin minħabba t-trabijiet li hemm għax xi ħadd hemm fuq iddeċieda li m’għandux ikun hemm asfalt fit-triq; jew oħrajn li bilkemm jistgħu jorqdu għax hemm id-daqq tad-diskoteki sa kważi ż-żerniq” Immanuel Mifsud

Dawn ir-ritratti qegħdin jgħaddu messaġġ, anki jekk ma jkollhom xejn miktub taħthom. Dawn ir-ritratti huma dokumenti tal-qtugħ ta’ nifs li qegħdin inbatu bih. Xi ħaġa tgħidli li aktar milli l-ġmiel, dawn il-mumenti reġistrati bil-kamera tar-ritratti qegħdin jiġbdu x-xewqa li aħna wkoll inkunu nistgħu ngħixu f’ambjent simili imma nafu li, ormaj, din hija ħolma li mhijiex se sseħħ.

Fi kliem ieħor, dawn ir-ritratti qegħdin iwasslu l-karba siekta, il-weġgħa fis-silenzju, li ħafna minna qegħdin iħossu. Abbli wħud minn dawn il-ħafna lanqas huma konxji tal-weġgħat li għandhom, imma meta tanalizza r-ritratti li jtellgħu, bilfors li tintebaħ li hemm xi ħaġa ħażina fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dak li ġibed u tella’ r-ritratt.

Issa jista’ jkun li espressjonijiet li użajt bħal, “karba siekta” u “weġgħa fis-silenzju” jinstemgħu xi ftit esaġerati f’dan il-kuntest. Imma wieħed irid jifhem lil dawk il-familji li fix-xhur tas-sajf iridu joqogħdu bit-twieqi magħluqin minħabba t-trabijiet li hemm għax xi ħadd hemm fuq iddeċieda li m’għandux ikun hemm asfalt fit-triq; jew oħrajn li bilkemm jistgħu jorqdu għax hemm id-daqq tad-diskoteki sa kważi ż-żerniq; jew dawk li jifgaw minħabba li jgħixu fi triq prinċipali bis-sriebet ta’ karozzi mwaħħla l-ġurnata kollha; jew l-oħrajn li jgħixu fi mkejjen fejn kontinwament hemm żvilupp ta’ bini għaddej. Wieħed irid jifhem l-iskumdità li dawn il-familji jridu jgħixu biha kontinwament.

“Ma nistax nifhem għala bniedem li qiegħed jgħaddi kumment għandu jiġi kkritikat għax ikrah, għax niexef, għax oħxon, għax jilbes nuċċali, għax jilbes il-ġlekk fuq qmis b’nofs komma u x’naf jien” Immanuel Mifsud

Meta fil-bidu tas-snin disgħin il-pajjiż għadda minn bidla kbira bil-liberalizzazzjoni tal-media ħafna bdew jintebħu li din il-liberalizzazzjoni kienet tfisser libertà ikbar tal-espressjoni. Diversi suġġetti li llum lanqas għadek tisma’ bihom kienu għadhom tabù. Barra minn dan, ħafna bdew jieħdu gost li sabu mikrofnu lest għalihom. Sar il-ġugarell il-ġdid ta’ numru kbir ta’ nies li filgħodu u mqar fis-sigħat mudlama tal-lejl kienu jarmaw jitkellmu mingħajr, forsi, ma kienu konxji li l-poter, issa, kien qiegħed jisfurzahom jitkellmu minflok jagħlqu ħalqhom.

Imbagħad tfaċċa l-internet u bil-mod il-mod inħoloq l-ispazju biex dak li jkun jgħid li jrid fuq il-portali tal-aħbarijiet u siti simili. Il-problema hi, iżda, li l-kwalità ta’ dawn il-kummenti baqgħet fqira u qatt ma tjiebet. F’epoka fejn il-poplu ma jistax jiġi kkritikat (inkella dak li jkun jiġi ttimbrat ‘negattiv’ jew ‘arroganti’) qiegħed ikollna naċċettaw kollox. B’“kollox” miniex nifhem l-opinjonijet (li nifhmu huma dritt sagrosant ta’ kulħadd), imma ideat stupidi li juru l-faqar fil-ħsieb aktar milli ħaġa oħra. Pereżempju ma nistax nifhem għala bniedem li qiegħed jgħaddi kumment għandu jiġi kkritikat għax ikrah, għax niexef, għax oħxon, għax jilbes nuċċali, għax jilbes il-ġlekk fuq qmis b’nofs komma u x’naf jien.

Li niskanta huwa li malli xi ħadd jgħaddi kumment ta’ dan it-tip, se ssib oħrajn li jkomplu għaddejjin bl-istess stupidaġni. Ovvjament, min moħħu ma jagħtihx (u issa mhux se nidħol fil-merti ta’ għala moħħu ma jagħtihx) ikollu joqgħod fuq dak li jara, jew aħjar fuq dak li qalulu li għandu jara.

Hemm ħafna sinjali li juru li l-ekonomija f’dan il-pajjiż sejra tajjeb; hemm ħafna oħrajn li juru li dan il-poplu għad għandu ħafna u ħafna x’jirranġa. 

More in Blogs