Opinjoni | Noqtlu żewġ għasafar b’ġebla waħda

'Il-maġġorparti tal-ħaddiema barranin jiġu hawn, jaħdmu, iħallsu t-taxxi imma ma jdumux hawn biżżejjed biex jakkumulaw xi dritt għall-pensjoni jew ikunu piż fuq is-sistema ta’ benefiċċji soċjali tagħna'

Il-Ħadd li għadda s-Sunday Times kellha artiklu fuq il-faċċata ta’ wara swar l-eluf ta’ ħaddiema li huma meħtieġa sabiex l-ekonomija tagħna tibqa’ għaddejja. F’dan l-artiklu ntqal illi Clive Caruana, il-kap ta’ JobsPlus qed jabbozza proposti lill-Kabinett dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u stqarr illi m’hemmx dubju illi eluf ta’ ħaddiema huma meħtieġa sabiex jissodisfaw id-domanda ta’ min iħaddem.

Skont is-Sur Caruana, il-pajjiż immassimizza l-potenzjal tal-manodopera maltija b’numru ta’ miżuri. Fl-aħħar snin, attirajna eluf ta’ barranin u issa hu ferm meħtieġ illi nerġgħu nattirawhom, u f’numri akbar. Peress illi l-ekonomija qiegħda tikber, hemm ħtieġa ta’ aktar ħaddiema. Fl-aħħar erba’ snin, il-medja ta’ tkabbir ekonomiku kien ta’ 6.4% u s-sena l-oħra biss, in-numru ta’ ħaddiema żdied b’10,500.

Skont is-Sur Caruana, soluzzjoni possibli hi li nattiraw Ewropej qiegħda sabiex jilħqu l-ħtiġijiet tal-ekonomija. Hu mistenni illi ser jipproponi lill-Kabinett illi jintlaħaq ftehim bilaterali ma’ pajjiżi fejn il-qagħad hu għoli sabiex inġibu ħaddiema minn hemm. Skont hu, tali miżura ħadmet f’pajjiżi oħra u tista’ taħdem hawn ukoll. Dan ma jistax isir mis-settur privat waħdu imma jrid jintervjeni l-gvern ukoll.  

Is-Sur Caruana wkoll sostna illi l-maġġorparti tal-ħaddiema barranin ma jdumux hawn. Ikkwota statistika illi turi illi anqas minn wieħed minn għaxra mill-ħaddiema barranin illi ġew Malta qabel l-2010 għadhom hawn. Is-Sur Caruana għorok idejh u stqarr illi dan hu ferm tajjeb għalina: il-maġġorparti tal-ħaddiema barranin jiġu hawn, jaħdmu, iħallsu t-taxxi imma ma jdumux hawn biżżejjed biex jakkumulaw xi dritt għall-pensjoni jew ikunu piż fuq is-sistema ta’ benefiċċji soċjali tagħna.

M’hemmx dubju illi fejn jidħol is-settur tas-suq tax-xogħol, għandna kriżi. Il-fatturi huma bosta. Tassew l-ekonomija kibret u għadha tikber. Imma dan waħdu ma jispjegax il-qagħda li ninsabu fiha. Fl-ewwel lok, ir-rata ta’ fertilità dejjem nieżla u qed jitwieldu anqas tfal u b’hekk, qed jidħlu anqas ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Huwu minnu illi l-parteċipazzjoni femminili qiegħda tikber. Imma hemm limitu kemm tali parteċipazzjoni tista’ tkompli tiżdied.  

Fit-tieni lok, it-tfal illum qed jieħdu aktar edukazzjoni u spiss jispiċċaw b’aktar kwalifiki. Min jiggradwa ser ifittex xogħol li jaqbel ma’ l-edukazzjoni li jkun irċieva.  Minħabba f’hekk, anqas u anqas qed ifittxu xogħol fil-pilastri tradizzjonali tal-ekonomija bħall-manifattura, il-bini, it-turiżmu u l-agrikoltura. Min jispiċċa jistudja l-università jew f’xi istitut tekniku mhux ser ifittex xogħol manwali imma xogħol illi jixraq il-kwalifiki tiegħu.

Imma lanqas ma nistgħu ma nsemmgħux illi f’dawn l-aħħar erba’ snin, is-settur pubbliku reġa’ beda jespandi. Hija tassew ironika illi fil-waqt illi s-Sur Caruana, il-kap tal-JobsPlus qed jgħidilna dwar il-ħtieġa ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin, l-istess JobsPlus qiegħda tniedi skemi fejn mijiet ta’ ħaddiema jaħdmu xogħol mill-anqas u jitħallsu biċ-ċiċri u mingħajr ma titħallsilhom il-bolla. Inkunu qed nilludu ruħna jekk ma nirrikonoxxux illi dan il-gvern reġa’ rxoxta l-ħares tal-impjieg mal-gvern li ħafna jfittxu għax spiss jispiċċaw ma jagħmlu prattikament ftit li xejn waqt illi fl-istess ħin ikunu jistgħu jaħdmu bla xkiel wara l-“ħin” tax-xogħol. Rajna f’dawn l-aħħar xhur illi l-esiġenzi elettorali jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe priorità ekonomika oħra.  Hija tassew ħasra għax b’hekk, il-potenzjal ta’ ħafna ħaddiema mhux qiegħed jiġi rrealizzat għax waqt illi jispiċċaw jaħdmu f’impjieg tassew stabbli, ikollhom paga baxxa u prospetti mill-anqas.

Madankollu, naħseb illi s-Sur Caruana qed joħlom bis-soluzzjoni illi qed joħroġ biha illi nġibu l-ħaddiema minn pajjiżi oħra Ewropej. Fl-ewwel lok, dawn il-ħaddiema diġa jistgħu jaħdmu f’pajjiżna mingħajr wisq xkiel. Meta wieħed jagħmel talba lil JobsPlus għal ħaddiema, dina tiġi ċċirkolata mal-Ewropa kollha u min irid jiġi, jista’ jagħmel hekk. Wieħed mis-suċċessi tas-suq waħdieni hu ż-żieda fil-mobbilità tal-ħaddiema minn pajjiż Ewropej għal ieħor.  

Jekk irridu nsolvu l-problema tax-xogħol, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu illi nirregolarizzaw il-qagħda ta’ dawn l-Afrikani fil-pajjiż illi ħafna minnhom qed jagħtu kontribut ferm siewi lill-ekonomija tagħna Joe Ellis

Fit-tieni lok, ħafna mill-pajjiżi Ewropej qegħdin jaffaċjaw problemi simili fil-qasam tax-xogħol. Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ Franċiż illi jħaddem impjant tal-bricks fi Franza. Semmieli l-problemi li jkollu sabiex isib ħaddiema tas-sengħa. U dan f’pajjiż fejn il-qagħad għadu għoli. Evidentement, ħafna nies xorta jiddejqu jaħdmu xogħol ta’ strapazz.

Meta l-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa daħlu fl-UE, sar ħafna diskors dwar il-problemi li ser joħolqu l-plumbers Pollakki. U effettivament fl-ewwel snin l-emigrazzjoni minn dawn il-pajjiżi lejn il-kumplament tal-Ewropa kienet ferm għolja. Bejn l-1992 u l-2015, il-populazzjoni tal-Ewropa tal-Lvant naqset bi18m jew 6%. Imma llum it-tendenza qiegħda tinbidel. Skont artiklu illi deher fil-ħarġa tas-27 t’Awwissu 2017 ta’ The Economist, mill-2010, l-emigrazzjoni naqset f’disgħa mill-ħdax-il pajjiż eks kommunista illi daħlu fl-UE. L-immigrazzjoni netta fir-Renju Unit mill-pajjiżi illi daħlu fl-UE fl-2004 niżlet għal 5,000 is-sena l-oħra meta kienet dejjem taqbeż it-30,000 bejn 2010 u 2015. Fl-Ewropa tal-Lvant, illum faċli ssib xogħol. Ir-rata tal-qagħad tvarja minn 5.3% fir-Rumanija għal 2.9% fir-Repubblika Ċeka. 73% tal-kumpaniji tal-manifatturi Ungeriżi jgħidu li ma jistgħux isibu l-ħaddiema li jridu. Is-salarji żdiedu b’5% f’sena fir-Repubblika Ċeka u 15% fl-Ungerija.  

F’artiklu ieħor fid-19 ta’ Jannar 2017 fl-istess ġurnal, issemmiet fabbrika fil-Litwanja fejn 40 impjieg jew wieħed minn kull tmien impjiegi ma mtlewx.  Dana peress illi dejjem hemm anqas u anqas ħaddiema. Minħabba f’hekk, bosta pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant qed ifasslu skemi sabiex jattiraw l-emigranti tagħhom lura lejn pajjiżhom. Għalkemm ir-riżultati ma jidhrux illi kienu spettakulari, jidher ċar illi t-tendenza qiegħda tinbidel. Anqas ħaddiema qed jemigraw mill-Ewropa tal-Lvant fil-waqt illi dawn il-pajjiżi qegħdin jimportaw ħaddiema minn pajjiżi ifqar bħall-Ukrajina, il-Belarus u r-Russja.

Niskanta kif is-Sur Caruana jidher illi ma ndunax b’dawn l-iżviluppi. Meta l-Ġermanja fetħet il-bibien tagħha lir-rifuġjati sirjani, għamlet dan mhux biss b’sens ta’ altruwiżmu. Għamlet hekk minħabba l-ħtieġa dejjem tikber tal-ekonomija tedeska għall-ħaddiema tas-sengħa, ħaddiema tal-id u għall-professjonisti. Is-Sirjani huma ferm edukati u għalhekk, għandhom valur ekonomiku qawwi.

il-preġudizzji razzjali tagħna ser ikunu ta’ xkiel għal aktar tkabbir ekonomiku ġaladarba l-gvern sfortunatament mhux lest illi jmur kontrihom u jeduka l-poplu illi kulħadd hu l-istess taħt il-kappa tax-xemx Joe Ellis

Meta aħna qegħdin fuq waħda mir-rotot prinċipali tal-immigrazzjoni klandestina mill-Afrika għall-Ewropa, tiskanta kif is-sur Caruana ma jiġihx f’moħħu illi jipprova jagħmel xi ftehim ma’ xi pajjiż Afrikan sabiex nibdew nimpurtaw il-ħaddiema minn hemm. Ċertament l-imprendituri Maltin mhumiex ser jgħidhulu le għal dawn il-ħaddiema. Mur fuq kwalunkwe lant tax-xogħol u żgur ser tintlaqat bil-preżenza tal-Afrikani. U m’hawn l-ebda trakk taż-żibel fil-pajjiż mingħajr żewġ Afrikani fuq denbu.

Muscat jaħseb li għamel xi kapolavur illi m’għadhomx jiġu dgħajjes bil-klandestini fuq ix-xtut tagħna. Tassew miraklu li ħadd ma jaf kif ġara. Madankollu, dawn l-Afrikani qed jispiċċaw l-Italja u mbagħad bosta minnhom jiġu hawn kull kif. Sfortunatament, qatt ma jistgħu jiġu regularizzati minħabba r-regola ta’ Dublin. Jekk irridu nsolvu l-problema tax-xogħol, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu (barra li nerġgħu nibdew inċekknu s-settur pubbliku li dan il-gvern nefaħ sew) hu illi nirregularizzaw il-qagħda ta’ dawn l-Afrikani fil-pajjiż illi ħafna minnhom qed jagħtu kontribut ferm siewi lill-ekonomija tagħna.

Jekk pajjiżna jibda jimporta l-ħaddiema mill-pajjiżi Afrikani, inaqqas it-traffiku tal-klandestini u jkun jista’ jirregolarizza aktar min jidħol u ma jidħolx fil-pajjiż. Ħadd ma jkun jista’ jidħol fil-pajjiż mingħajr id-dokumenti tiegħu u mingħajr ma nkunu nafu l-identità tiegħu. B’hekk, meta jispiċċa ż-żmien li wieħed jista’ joqgħod hawn, ikun aktar possibli illi jintbagħat lura pajjiżu.  

Inkunu qed noqtlu żewġ għasafar b’ġebla waħda. Ma naħsibx illi s-Sur Caruana ma ġitux f’moħħu din l-idea. Imma x’aktarx jaf illi din mhix politikament aċċettabli għax hawn wisq oppożizzjoni għall-immigrazzjoni ta’ suwed f’pajjiżna.  

Fl-aħħar mill-aħħar, il-preġudizzji razzjali tagħna ser ikunu ta’ xkiel għal aktar tkabbir ekonomiku ġaladarba l-gvern sfortunatament mhux lest illi jmur kontrihom u jeduka l-poplu illi kulħadd hu l-istess taħt il-kappa tax-xemx, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda tiegħu.

More in Blogs