Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Il-passi li jmiss

Il-Ministru Owen Bonnici jistaqsi jekk 'issa li l-arkitett tal-ħdura Simon Busuttil se jwarrab, titwarrab ukoll is–sistema kattiva li kien juża…jew le?'

Ministru Owen Bonnici / 11 ta' Settembru 2017 10:30
.
Il-poplu Malti normalment jagħti opportunità lill-Gvern li jkun għadu kemm ġie elett li jkompli jwettaq il-ħidma tiegħu fit-tieni leġiżlatura.  Sintendi din mhux regola tad-deheb u kien hemm fejn dan ma ġarax.  Iżda kemm meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern u anke meta l-Partit Laburista kien fil-Gvern l-poplu tah l-opportunità li jkompli jmexxi fit-tieni leġiżlatura.  Kien hemm ukoll ċirkostanzi fejn il-poplu jafda lill-partit it-tielet mandat biex ikompli jagħmel ix-xogħol tiegħu.

It-tieni mandat huwa differenti mill-ewwel wieħed. Fit-tieni mandat tkompli fejn tkun ħallejt iżda tieħu l-opportunità li ttejjeb fejn stajt għamilt aħjar fl-ewwel leġiżlatura u timplimenta bidliet li forsi minħabba pressjonijiet ta' ħin jew ċirkostanzi oħra ma stajtx twettaq.

F'dan it-tieni mandat irridu nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li wettaqna fl-ewwel leġiżlatura waqt li nżommu l-freskezza u l-impazjenza ta' min irid l-affarijiet ikomplu jinbidlu għall-aħjar.

Kultura

Fil-kamp kulturali l-pass li jmiss hu li nwettqu tliet miri: li nkabbru l-udjenzi, li nsaħħu l-professjonaliżmu u li noħolqu iktar karrieri u impiegi fis-settur.  Meta tqis kollox idur ma' kelma waħda: tisħiħ. Tisħiħ kemm tal-persuni li jikkunsmaw "is-servizzi", kemm tas-servizz innifsu u kemm ta' min iwettaq is-servizz.

Wara li fl-aħħar xhur żrajna ż-żerriegħa li waslet għal ħajja ġdida f'dan is-settur, issa rridu mmorru għall-pass li jmiss ta' tisħiħ ibbażat fuq dawn it-tliet miri.  U kulm'aħna nagħmlu qed idur madwarhom. 

Din il-ġimgħa pereżempju nidejna l-premju għall-Arti fejn il-Kunsill Malti għall-Arti se jkun qed jippremja lil dawk li eċċellaw fis-settur kulturali.  Dawn l-‘oscars’ biex ngħidulhom hekk għandhom l-għan li jippremjaw l-eċċellenza u l-professjonaliżmu. Għaliex wara kollox il-ħidma kultura toffri karrieri u professjonijiet bħal ħidmiet oħrajn u bħalma diversi professjonijiet jagħtu onorefiċenzi lil min ikun iddistingwa ruħu, fis-settur kulturali din m'għandhiex tkun eċċezzjoni.

Ġustizzja

Hekk ukoll fil-kamp tal-ġustizzja, wara li fl-ewwel leġiżlatura ffokajna fuq in-numru sabiex intaffu kemm nistgħu l-problema tal-backlogs speċjalment fil-kamp ċivili, f'din il-leġiżlatura rridu niffokaw dejjem iktar fuq il-kwalità.

"Din l-elezzjoni ssorprendietni negattivament għax qatt ma ħsibt li l-Partit Nazzjonalista kien se jaqa' fil-baxx u jmiss il-qiegħ daqs kemm qiegħed jagħmel issa"
Triq 'il quddiem hija l-ispeċjalizzazzjoni fejn irridu li fil-Qrati jkun hemm diversi sezzjonijiet li jkunu, anke amministrattivament, tailor made għall-esiġenzi tas-settur partikolari. Mhux biss il-ġudikanti, imma anke l-istaff tas-sezzjoni partikolari jridu jkunu iktar konoxxenti tas-settur li jkunu qegħdin jaħdmu fih.  B'hekk naraw li jkun hemm titjib u ammeljorament fejn tidħol il-kwalità tas-settur ġudizzjarju.

Jekk Alla jrid fil-ġimgħat li ġejjin se jkollna kull opportunità li nagħtu iktar spjega ta' fejn irridu naslu.

Xandir Nazzjonali

Is-survey li ġie ppubblikat din il-ġimgħa huwa prova, jekk kien hemm bżonn, li x-Xandir pubbliku jinsab miexi dejjem iktar 'il quddiem. L-udjenzi kulma jmur qegħdin jikbru u n-nies temmen fix-xandir nazzjonali għax huwa tajjeb.  Issa jien naf li fl-aħħar leġiżlatura kien hemm kritika mill-Oppożizzjoni dwar ix-Xandir Nazzjonali però onestament nemmen li din il-kritika kienet waħda fiergħa u inġusta. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-Kamra tal-Aħbarijiet isib Kap ta' esperjenza u integrità fil-persuna ta' Reno Bugeja u staff li għandhom passat ġurnalistiku mifrux u mħawwar ħafna. Jiena niftaħar li hu x'inhu l-passat ġurnalistiku tal-ġurnalisti tal-PBS, dawn ifittxu l-verità u l-korrettezza l-ewwel u qabel kollox u jaraw li jkunu l-aqwa u l-aħjar f'dak kollu li jagħmlu. 

Issa jekk wieħed irid jaqbad max-xagħra fl-għaġina persważ li mill-eluf ta' servizzi li jixxandru se jsib x'jikkritika f'xi wieħed. Anke jien, ġieli nkun qed nara l-aħbarijiet u ngħid: ara hawn ma misshomx qalu hekk - każ tipiku kien servizz tal-aħbarijiet riċenti dwar il-kmamar tan-nar li nemmen li l-kliem li ntuża seta' (anke jekk mhux apposta) kien insensittiv.  Imma hu x'inhu, nemmen li kulħadd jaqbel li l-ħaddiema tal–PBS qed joffru standards b'saħħithom u importanti.

Irrid ngħid kelma wkoll dwar iċ-Chairperson, Board ta' Diretturi u CEO tal-PBS.  Jekk taqbad karta u tniżżel l-isem ta' kull wieħed u waħda minnhom issib li l-esperjenza li lkoll għandhom hija impressjonanti. Kull wieħed u waħda minnhom għandhom kontribut enormi x'jagħtu u l-background tagħhom huwa wieħed miżgħud bl-esperjenza.  Meħudin flimkien jagħmlu core ta' persuni ta' talent kbir.  Huwa kruċjali li jaħdmu id f'id u b'sinergija sabiex il-PBS ikompli jimxi 'l quddiem u jissaħħaħ.

Ħidma ma taqta' xejn

S'intendi hawn semmejt biss tliet oqsma li huma fdati direttament lili.  Hemm is-setturi tal-ħarsien tal-konsumatur, l-indafa u l-Kunsilli Lokali b'mod partikolari li sħabi Deo Debattista u Silvio Parnis qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna fih. Diġà spjegaw il-viżjoni u l-mira tagħhom u fejn iridu jaslu u konvint li matul din il-leġiżlatura se naraw iktar riżultati u iktar progress.

Elezzjoni leadership

Jien u nikteb dan ir-rapport il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jitfgħu l-vot tagħhom għall-għażla ta' żewġ persuni li jridu jgħaddu għar-round finali biex imbagħad minn dawn it-tnejn jingħazel Kap tal-Partit Nazzjonalista.  Għalhekk jien ma nafx min ingħażel.

Din l-elezzjoni ssorprendietni negattivament għax qatt ma ħsibt li l-Partit Nazzjonalista kien se jaqa' fil-baxx u jmiss il-qiegħ daqs kemm qiegħed jagħmel issa.  Il-Partit Laburista kellu żewġt itlielaq importanti fl-aħħar ftit xhur u kemm min rebaħ u kemm min tilef ġab ruħu kif xieraq u fi spirtu ta' tellieqa bejn il-ħbieb. Qabbel kif ġibna ruħna aħna ma’ kif qed iġib ruħu l-Partit Nazzjonalista u l-poplu waħdu jasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar min hu l-iktar addattat biex imexxi lil pajjiżna.

L-attakk intern kien ukoll wieħed bla preċedent fejn l-istess riċetta eżatt li kien juża Simon Busuttil u l-klikka tiegħu (b'riżultat elettorali diżastruż) fuqna l-esponenti tal-Gvern intużat preċiż fuq ‘sħabhom’ stess. L-istess tattika, l-istess sistema, l-istess ħdura. Min qed isofri dawn l-attakki u l-ħdura llum meta konna qed insofruhom aħna lbieraħ qatt ma naf li għolla difer wieħed biex jgħid li dak kien ħażin u ma jixraqx jew imqar qabad it-telefon u esprima solidarjetà.

Nittama - għall-ġid tad-dibattitu politiku iktar minn kull ħaġa oħra -  li issa li l-arkitett tal-ħdura Simon Busuttil se jwarrab, titwarrab ukoll is–sistema kattiva li kien juża … jew le?

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook