editorjal | Il-viżjoni hija s-soluzzjoni

'Il-viżjoni hija s-soluzzjoni. Bla viżjoni n-nies se jibqgħu jagħżlu lil Muscat u lill-Partit Laburista...Ma jaqbel lil ħadd, lanqas lill-Laburisti, li l-PN ikun fis-sitwazzjoni kritika li jinsab fiha llum...'

Argument li jidher li qed jaqbad sew f’diversi diskussjonijiet fi ċrieki soċjali differenti bħalissa, lil hinn mill-lenti tal-midja, ddur ma’ ammissjoni pjuttost inkwetanti u disturbanti għad-demokrazija ta’ kwalunkwe pajjiż. L-ammissjoni hija li l-Partit Nazzjonalista, għall-inqas fil-memorja ta’ bosta, qatt ma kien fis-sitwazzjoni li jinsab fiha bħalissa. Fil-fatt il-PN jinsab, hekk kif qiegħed nofs triq f’kampanja li għandha twassal għall-għażla ta’ Kap ġdid, agħar milli kien fl-ewwel ġimgħat wara t-tieni telfa enormi li sofra. U għaliex? Għaliex minflok qanqlet l-interess, din it-tiġrija għal Kap jidher li għamlet l-affarijiet agħar milli kienu?

L-ewwel nett, il-perjodu li matulu qed issir il-kampanja, minkejja li huwa inevitabbli xorta huwa mill-aktar sfortunat għall-istess partit. Is-sħana qawwija, il-fatt li l-‘eqqel’ tal-kampanja ġiet fix-xhur li fihom kulħadd ikun moħħu biex jiddeverti, isiefer, imur l-baħar u joqgħod jilgħaq ix-xemx, tefgħu din l-elezzjoni fil-qiegħ nett tal-prijoritajiet tan-nies. U fil-fatt, in-nuqqas ta’ entużjażmu fost firxa wiesa’ ta’ attivisti, hija xi ftit jew wisq palpabbli. Ta’ sikwit tiltaqa’ ma’ Nazzjonalisti, uħud minnhom tesserati u oħrajn li huma jew kienu kandidati fl-aħħar elezzjoni li privatament, anke ma’ din il-gazzetta, jgħidu li l-proċess kollu huwa wieħed tedjanti bi ftit xrar jittajjar. Donnu hemm sens ikrah ta’ rassenjazzjoni fost l-għeruq li l-elezzjoni li jmiss se tkun telgħa wieqfa, jekk mhux doloruża għal partit li kellu biex (jekk irridu nkunu onesti) inaqqas id-distakk b’eluf grazzi għall-każ Panama. Iżda li minflok, kabbar id-distakk kontrih b’1,000 vot.

Il-PN jeħtieġ kap kalamita li se jqajjem il-masses, joħloq diskussjoni, li se jagħmel xi ftit għedewwa imma bil-wisq aktar ħbieb

Fl-ewwel editorjal tal-ILLUM dwar il-PN minn mindu tilef ir-raba’ elezzjoni fuq skala nazzjonali b’marġini ta’ aktar minn 33,000 vot, minn dan l-ispazju konna għidna li l-kriżi li għaddej minnha l-PN, mhux waħda numerika daqs kemm hija eżistenzjali. Il-PN wara l-2003 tilef il-kolla li kienet tgħaqqdu permezz tal-viżjoni Ewropea u malli Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, dan il-partit sa dak iż-żmien rebbieħ, spiċċa orfni. Orfni minn viżjoni li teċita u tgħaqqad lill-masses warajh. Orfni minn dik it-tmexxija li kapaċi tgħaqqad warajha nies u gruppi b’ideat jew sfond soċjali differenti. U fil-fatt, il-PN ilu jara emoraġija kontinwa mill-2003. Fl-aħħar 14-il sena, il-PN rebaħ elezzjoni waħda biss, dik tal-2008. Rebħa minima u pirrika għall-aħħar, li aħjar ma rebaħ xejn.

Illum, f’dan il-punt kruċjali għall-PN, l-erba’ kandidati għall-Kap minkejja li lkoll qed jagħmlu punti tajbin u minkejja li lkoll għandhom għanijiet nobbli għall-PN, jidher li s’issa ħadd minnhom mhu qed joffri xi viżjoni elettrifikanti. Fejn iridu li l-pajjiż imur? Fiex iriduh jeċċella? Liema miżuri jridu jieħdu biex dan il-pajjiż jirrestawra l-wirt naturali tiegħu? Kontra min lesti li jeħduha biex l-istess wirt naturali jkun imħares? Iridu Malta li tiċċelebra l-multikulturaliżmu, jew li tippretendi li ma jeżistix? Kif se jindirizzaw il-kwistjoni tal-kirjiet? X’inhi l-viżjoni ekonomika tagħhom? Kif inhi differenti minn ta’ Muscat? Kif se jkunu, tanġibbilment differenti minn Simon Busuttil u Lawrence Gonzi, li ġew skreditati b’tant qawwa mill-elettorat? X’se joffru li huwa differenti minn dak li qed joffri l-Gvern preżenti fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-infrastruttura u fil-governanza?

Jekk il-PN se jipprova, min-naħa l-oħra li b’xi mod jikkopja jew jimxi fuq l-istrateġiji u l-politika ta’ Muscat, jew agħar minn hekk jibqa’ jilgħab f’idejn l-avversarju kif ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin, se jkompli jaffaċċja disfatti kbar

Wieħed jista’ jargumenta li din hija xi ftit ta’ lista twila żżejjed. Imma mhix. Mhux f’dan il-punt partikolari tal-istorja tal-PN. Il-PN jeħtieġ kap kalamita li se jqajjem il-masses, joħloq diskussjoni, li se jagħmel xi ftit għedewwa imma bil-wisq aktar ħbieb. Il-PN jeħtieġ li joffri viżjoni li ġġib kull interess settorjali fix-xejn, jeħtieġ jibbrilla billi jkun differenti mill-PL, billi jkollu Kap li se jirregala lura ir-relevanza lill-PN u jagħti raġuni valida għaliex in-nies jivvutaw lill-PN. Kap imdawwar bil-ħassieba, mhux bl-opportunisti u l-merċenarji.

Jekk il-PN se jipprova, min-naħa l-oħra li b’xi mod jikkopja jew jimxi fuq l-istrateġiji u l-politika ta’ Muscat, jew agħar minn hekk jibqa’ jilgħab f’idejn l-avversarju kif ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin, se jkompli jaffaċċja disfatti kbar.

Il-PN qatt ma kien daqshekk f’qagħda kritika. Apparti l-kaċċa fl-apert li qed issir fuq ċerti kandidati u apparti li għall-ewwel darba l-PN qed jonxor il-ħwejjeġ maħmuġin kollha barra, illum qed jiffaċċja bażi u għeruq li qatt ma kien diżilluz daqs illum.

Il-viżjoni hija s-soluzzjoni. Bla viżjoni n-nies se jibqgħu jagħżlu lil Muscat u lill-Partit Laburista, li llum saħansitra seraq it-titlu li kellu l-PN tal-partit ‘naturali tal-gvern’.

Nittamaw li fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, din il-kampanja teċita naqra iktar u tagħti iktar dawl ta’ fejn il-PN se jmur minn issa ’l quddiem. Ma jaqbel lil ħadd, lanqas lill-Laburisti, li l-PN ikun fis-sitwazzjoni kritika li jinsab fiha llum.

More in Blogs