Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Oswiecim - Charlottesville

'Ebda mument tal-istorja, ikrah kemm kien ikrah, ma rnexxielu jgħallem lill-umanità lezzjoni iebsa biżżejjed biex ma tirrepetix il-waħx li tkun wettqet'

Immanuel Mifsud / 26 t'Awwissu 2017 12:42
Xi ħamsin kilometru ’l barra minn Krakovja, fin-naħa ta’ isfel tal-Polonja, hemm lokal b’popolazzjoni ta’ xi erbgħin elf ruħ kollox, jismu Oswiecim. Belt żgħira li għandha storja mqallba ħafna u li, sfortunatament, minkejja d-diversi avvenimenti sbieħ f’dan il-lokal, fosthom is-suċċessi sportivi partikolarment fil-hockey tas-silġ, Oswiecim hija magħrufa l-aktar għall-fatt li hemmhekk ittella’ l-akbar kamp tal-konċentrament fit-Tieni Gwerra Dinjija, magħruf bl-isem Ġermaniku Auschwitz.

Kuljum preċett, minn xi s-sitta u nofs ta’ filgħodu, jitfaċċa serp twil ta’ nies jistennew il-kamp u l-mużew tiegħu jiftħu għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu. Eluf ta’ nies iżuru l-post kuljum, sajf u xitwa. Nies ta’ kull età, ta’ nazzjonalitajiet differenti, jiddeċiedu li jżuru dan il-post fejn seħħew tant atti ta’ terrur, fosthom l-iggassjar ta’ eluf ta’ Lhud, Pollakki, Rom, omosesswali, komunisti, xhieda ta’ Ġeħova, qassisin Kattoliċi, intellettwali, artisti, nies bi bżonnijiet speċjali u oħrajn li kienu meqjusin bħala ‘devjanti’ jew ‘deġenerati’.

"Auschwitz għadu ħaj f’dak li ġara warajh, f’dak li ġara deċenni wara dak li ġara fih"
M’iniex se niddiskuti l-kontroversja li daħlu fiha storiċi leminin li saħqu li Auschwitz huwa mit ippropagat mix-xellug u minn dawk il-gruppi li jqisu rwieħhom vittmi. Sal-lum għadni ma nistax nifhem kif xi ħadd jista’ jinnega li seħħ dan kollu. Imma b’kumbinazzjoni, waqt li l-ġimgħa l-oħra kont qiegħed nerġa’ nżur dan il-post, proprju fl-14 ta’ Awwissu, l-anniversarju tal-mewt ta’ San Massimiljanu Kolbe (il-Franġiskan li talab biex jinqatel huwa minflok Pollakk ieħor) qrajt l-aħbarijiet ta’ dak li seħħ jumejn qabel f’Charlottesville, fl-Istati Uniti.

Id-dimostrazzjoni “Unite the Right”, imsejħa minn diversi gruppi faxxisti u neonazisti fl-Istati Uniti, li jemmnu bis-sħiħ fis-supremazija tar-razza l-bajda, spiċċat b’atti vjolenti u saħansitra mwiet. Fil-lejla ta’ qabel id-dimostrazzjoni, grupp ta’ faxxisti ħarġu fit-toroq bit-torċi f’idejhom biex jibdew jintimidaw il-popolazzjoni f’Charlottesville, l-aktar lil dawk ta’ dixxendenza Lhudija, nies suwed, u oħrajn li għalkemm bojod jissimpatizzaw ma’ dawn il-gruppi.

Waqt id-dimostrazzjoni “Unite the Right”, minbarra l-bandiera tal-Konfederati, dehret ukoll il-bandiera tas-suprematisti bojod u anki dik bl-iswastika nazista. Tul iż-żewġ dimostrazzjonijiet, dawn il-faxxisti kantaw slowgans razzisti kontra l-Lhud u kontra s-suwed, li kellhom messaġġ ovvju ħafna: ħadd ma jista’ jħossu ugwali għall-bojod.

L-avvenimenti mdemmija u intimidatorji f’Charlottesville ma jistgħux ma jfakkrux fit-tattiċi tal-iSturmabteilung, jew kif inhuma magħrufa aħjar, il-brownshirts: l-iskwadristi nazisti li xogħolhom kien li jintimidaw lill-‘għedewwa’ u jipprovokaw u jwettqu atti vjolenti fuq dawk ‘tan-naħa l-oħra’. Mhux ta’ b’xejn li f’Charlottesville dehret l-iswastika, għax l-istess ħsieb nazista qiegħed jiġi ppropagat minn dawn il-leminin Amerikani li donnhom insew il-fatt ovvju li pajjiżhom stess kien parti mill-gwerra kontra l-iswastika.

Tant mibegħda!

Fid-daħla lejn Auschwitz, ftit passi lil hinn mill-kanċell bil-famuża gidba nazista “Arbeit Macht Frei” hemm ħanut li jbigħ il-kotba u souvenirs tal-kamp. Ftit diffiċli tifhem kif post bħal dan ibigħ il-postcards b’ritratti tal-binjiet u tal-kanċell. Ftit ’il barra minn Birkenau, it-tieni kamp f’Osviecim, hemm ħanut ieħor li jbigħ il-kobta u s-souveniers, fosthom kalamiti għal mal-friġġ b’sentenza qasira ħafna miktuba fuqhom: “Qatt Iżjed”. Din il-qatt iżjed tinstema’ kull darba li nieħdu nifs u nqaħqħu l-aħħar duħħan tal-porvli mill-pulmun. Imma mbagħad, kif dejjem jiġri, ninsewha u nerġgħu għall-istess storja ta’ qabel, jew, aħjar, għall-istess storja ta’ dejjem. Ebda mument tal-istorja, ikrah kemm kien ikrah, ma rnexxielu jgħallem lill-umanità lezzjoni iebsa biżżejjed biex ma tirrepetix il-waħx li tkun wettqet. Wieħed irid jiftakar, pereżempju, li kemm f’Auschwitz u kemm f’Birkenau, inżammu priġunieri tal-gwerra wara li ġew illiberati mill-Armata l-Ħamra. Anki l-prassi ta’ kamp ta’ konċentrament ma mititx ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Ħalli ma ninsewx, pereżempju, il-kamp tal-konċentrament f’Omarska, fil-Bożnja u Ħerżegovina, li fl-1992, ħamsin sena wara Auschwitz, kien il-post fejn inżammu, f’kundizzjonijiet terribbli, mijiet ta’ Musulmani Bożnijaċi u Kroati. Jingħad li f’Omarska mijiet mietu bil-ġuħ, bis-swat u b’maltrattament. Dawk li ma mitux, sofrew vjolenza fiżika (swat, stupru u tortura) u anki psikoloġika.

Omarska ma kienx l-uniku kamp tal-konċentrament fil-kunflitt fl-ex-Jugoslavja. Kien hemm oħrajn, fosthom Manjaca, Trnopolje u Keraterm. Mhux biss it-terrur li seħħ ġo fihom li kien jixbah perfettament l-istorja ta’ Auschwitz u l-kampijiet tal-konċentrament nazisti, imma anki x’ġara wara: sensiela ta’ ‘rapporti’ u ‘studji storiċi’ li l-għan tagħhom kien li jinnegaw dak li ġara.

Il-punt hu li Auschwitz għadu ħaj mhux biss bħala mużew li jżuruh mijiet ta’ nies kuljum preċett, lanqas m’għadu ħaj biss bħala memorja. Auschwitz għadu ħaj f’dak li ġara warajh, f’dak li ġara deċenni wara dak li ġara fih. Auschwitz għadu ħaj f’dak li ġara f’Charlottesville u għadu ħaj f’dak li jiġri wara ħitan “ta’ sigurtà” li jagħlqu popli sħaħ, jagħsruhom dejjem aktar billi jnaqqrulhom (jew jaħtfulhom) l-art. Auschwitz jibqa’ ħaj kull fejn u kull darba xi ħadd jemmen li hemm razza superjuri fuq oħra, kulur tal-ġilda pur u ieħor maħmuġ.

Auschwitz jibqa’ ħaj kull darba xi ħadd jinżel fit-toroq, bil-bnadar u bit-torċi u bil-ponnijiet (anki jekk moħbija fil-bwiet tal-qalziet) jgħajjat li t-tali u t-talija għandhom jitilqu ’l hemm għax hawn mhux tagħhom.

U m’hemmx għalfejn tmur il-Polonja, jew il-Bożnja Ħerżegovina jew Charlottesville biex tisma’ l-ħanġra kontra “il-barrani”, hux veru?

Immanuel Mifsud twieled f'Malta fl-1967. Beda jikteb il-poeżija u l-proża meta kellu 16-il sena u beda jaħdem ukoll ma' gruppi teatrali esperimentali. Kien jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu stess u iktar tard xogħlijiet ta' Chekhov, Dario Fo, Max Frisch, Federico Garcia Lorca, David Mamet, Harold Pinter u Alfred Buttigieg. Diversi xogħlijiet ta' Immanuel Mifsud kienu tradotti u ppubblikati f'ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Il-proża ta' Mifsud mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tal-kritiċi Maltin u rebaħ l-unur Maltese Generation-X writer. Il-ġabra ta' stejjer qosra fl-2005 'Kimika' qajmu kontroversja u ntqal li kienu 'letteratura pornografika' u l-pubblikatur oriġinali waqqaf l-istampar ta' dan ix-xogħol. Iżda mbagħad dil-ġabra ġiet ippubblikata iktar tard f'dar tal-pubblikazzjoni oħra. Ironikament 'Kimika' spiċċa fit-tieni post fl-Unuri tal-Ktieb Nazzjonali tal-2005. Immanuel Mifsud jikteb ukoll għat-tfal, u ppubblika ġabra ta' stejjer qosra għat-tfal u ktieb bit-taħniniet. Fl-2002, il-ġabra ta' stejjer qosra L-Istejjer Strambi ta' Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju tal-Ktieb Nazzjonali u fl-2011 Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook