opinjoni | Lumija magħsura

'Għal Marlene Farrugia l-Partit Demokratiku qisu lumija magħsura li tarmiha wara li tkun użajtha'

L-għasir tal-lumi hu sustanzjuż u jagħmel ħafna ġid għas-saħħa. Imma xi ngħidu għal lumija magħsura?

Iktar kmieni din il-ġimgħa awgurajt lit-Tabib Anthony Buttigieg wara li hu ħabbar d-deċiżjoni tiegħu li fi ħsiebu jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku. Possibilment huwa jimla l-vakanza li nħolqot minn Marlene Farrugia wara li din iddeċidiet li ddabbar rasha wara biss ftit xhur fil-kariga.

It-Tabib Buttigieg hu persuna b’moħħu f’postu. L-għada tal-elezzjoni ġenerali, meta kellu ma’ wiċċu dikjarazzjoni ta’ Marlene Farrugia li hi ma kinitx teskludi li tikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-PN, wara li kien irriżenja Simon Busuttil, hu rriżenja mill-kariga ta’ deputat mexxej tal-PD. Bħala riżultat ta’ hekk ħa pożizzjoni ċara li kienet tikkuntrasta mal-impulsività ta’ Marlene Farrugia. Dakinhar Buttigieg kien iddikjara li dak li qalet Farrugia kien kontra dak li jemmen hu, għax fil-fehma tiegħu l-Partit Demokratiku kellu jkun separat u distint mill-Partit Nazzjonalista.

Alternattiva Demokratika ma jkollha l-ebda diffikultà li tesplora kif tista’ tikkoopera ma’ Partit Demokratiku mmexxi minn Anthony Buttigieg

Bħala riżultat ta’ din il-pożizzjoni huwa għamilha ċara illi d-disponibbilità tiegħu li jieħu sehem f’koalizzjoni ma kellha l-ebda impatt fuq id-determinazzjoni tiegħu li jħares l-identità tal-partit tiegħu. Li tkun alleat kritiku abbażi ta’ programm politiku miftiehem bl-ebda mod mhu komparabbli ma’ min żviluppa attitudni li jilgħaq kontinwament.

Mid-dehra Marlene Farrugia taħsibha mod ieħor għax diġà għamlitha ċara illi għadha tal-ħsieb li fi żmien ħames snin mill-ġdid tikkunsidra li tikkontesta għat-tmexxija tal-PN. Għax skontha, l-ebda wieħed mill-erba’ kandidati għal Kap tal-PN mhu kapaċi. Dan kollu sfortunatament jibgħat messaġġ wieħed u ċar: li l-mexxejja attwali tal-Partit Demokratiku tara l-futur tagħha u tal-partit tagħha bħala parti integrali mill-Partit Nazzjonalista. Għal Marlene Farrugia l-Partit Demokratiku qisu lumija magħsura li tarmiha wara li tkun użajtha.

Bħala riżultat tal-manuvri tagħha bl-iskop li tkun eletta irrispettivament mill-prezz politiku, Marlene Farrugia kkaġunat ħafna ħsara li teħtieġ li tkun rimedjata mingħajr iktar dewmien.

Alternattiva Demokratika ma jkollha l-ebda diffikultà li tesplora kif tista’ tikkoopera ma’ Partit Demokratiku mmexxi minn Anthony Buttigieg, liema eżerċizzju (fil-passat) kien abbandunat minħabba li l-impulsività kienet l-għodda ewlenija tat-tmexxija tal-PD sa mit-twaqqif tiegħu. Buttigieg hu persuna konsistenti u l-imġieba tiegħu tidher li taqbel ma dak li jgħid.

Hemm ħafna ħidma li teħtieġ li ssir u ftit wisq nies biex jagħmluha.

Fost il-kollegi enerġiċi ta’ Anthony Buttigieg hemm Timothy Alden li hu l-moħħ wara l-inizjattiva kurrenti tal-Partit Demokratiku biex jiżdied il-ħarsien tal-widien u tal-ilma tal-pjan billi possibbilment ikunu inklużi fil-qafas legali li ġie żviluppat għad-dimanju pubbliku fil-Kodiċi Ċivili. Alternattiva Demokratika tappoġġa din l-inizzjattiva.

Hi inizjattiva li timmerita appoġġ wiesa’ avolja forsi strateġikament kien ikun aħjar li l-ewwel tkun implimentata sewwa l-politika u r-regolamenti eżistenti li diġà joffru protezzjoni sostanzjali kemm kemm għall-widien kif ukoll għall-ilma tal-pjan.  

Il-futur tal-partiti ż-żgħar hu dipendenti fuq il-kooperazzjoni u fuq kemm aħna kapaċi li ma nisparpaljawx r-riżorsi limitati li hawn. Dan ikun ferm aħjar mill-impulsività u n-narċissiżmu li għamel ħsara sostanzjali.

Il-lumi magħsur għandu użu. Imma m’għandux ħajja twila.

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs