opinjoni | Nippjanaw b’attenzjoni

'L-intensità tax-xita u ż-żmien li fih din tagħmel qiegħed iħarbat kull qasam ta’ ħidma. L-infrastruttura tat-toroq tagħna rari kampat. Issa qed issir agħar'

In-natura umana hi dejjem imħassba dwar dak li jista’ jinqala’ fil-futur. Iżda xi minn daqqiet ftit nirrealizzaw illi aħna stess nistgħu nagħġnu parti mhux żgħira mill-futur bl-imġiba tagħna llum. Sfortunatament ħafna drabi hemm baħar jaqsam bejn il-mod kif inġibu ruħna u l-futur li nixtiequ naraw.

Il-futur tagħna hu wieħed komuni, ilkoll qegħdin f’baħar wieħed, kif spjegat tant tajjeb fir-rapport Bruntland tal-1987 ta’ Ġnus Magħquda, intitolat Our Common Future. Dan ir-rapport, imħejji minn kummissjoni internazzjonali mmexxija mill-eks Prim Ministru Soċjalista tan-Norveġja Gro Harlem Brundtland, poġġa t-tema tal-iżvilupp sostenibbli fuq il-palk tad-diskussjoni dinjija. Jenfasizza li aħna m’aħniex biss responsabbli wieħed lejn l-ieħor illum, imma fuq kollox aħna responsabbli wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Jeħtieġ li dak li nagħmlu llum inqisuh bir-reqqa minħabba li jista’ jkollu impatt mhux żgħir fuq l-għażliet li jkunu jistgħu jagħmlu l-ġenerazzjonijiet li għadhom ma twildux.

L-impatt tal-attività tagħna fuq il-klima hu wieħed mill-każi fejn dan l-impatt diġà qed jinħass. It-tibdil fil-klima qed ikollu effett fuq kulma nagħmlu. L-intensità tax-xita u ż-żmien li fih din tagħmel qiegħed iħarbat kull qasam ta’ ħidma. L-infrastruttura tat-toroq tagħna rari kampat. Issa qed issir agħar.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-gazzetta Ingliża, The Guardian, irrapurtat li l-possibilità li jintlaħqu l-miri tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima hi biss ta’ madwar ħamsa fil-mija. Flok ma nżommu t-temperatura milli taqbeż żewġ gradi Celsius iktar milli kienet qabel l-era industrijali, hu probabbli li t-temperatura tad-dinja jkollha żieda ta’ madwar ħames gradi Celsius.

Dan jindika l-ħtieġa li hemm għal ippjanar adegwat biex ikunu implimentati xogħlijiet urġenti biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ madwar il-kosta

Il-konsegwenzi antiċipati ta’ dan kollu huma katastrofiċi. Rapport ippubblikat f'April ta’ din is-sena infurmana li s-silġ li jiksi tmenin fil-mija ta’ Greenland qed idub b’rata ferm iktar mgħaġġla milli kien idub fil-passat. Qed nitkellmu dwar area ta’ madwar 1.7 miljun kilometru kwadru. Dan ifisser li l-livell tal-baħar, bħala riżultat ta’ dan il-fattur biss, jista’ jogħla sostanzjalment. Dan l-għoli jista’ jlaħħaq sa 7 metri.  

Dan mhux il-futur li nixtiequ. Kull żieda fil-għoli tal-livell tal-baħar, anke jekk żgħira, thedded il-ħidma mal-kosta u tpoġġi f’diffikultà kbira l-użu tal-faċilitajiet kollha mat-tul ta’ u viċin l-istess kosta. Hemm ukoll il-possibiltà li jinqerdu l-komunitajiet mal-kosta. Gżejjer sħaħ jistgħu jisparixxu billi jispiċċaw taħt wiċċ il-baħar. Dan hu l-futur li jġib it-tibdil fil-klima: futur ta’ komunitajiet sħaħ li jsiru refuġjati tal-klima, imbuttatti bħala riżultat taż-żieda fil-għoli tal-baħar ’il bogħod minn arthom biex isibu xi mkien fejn iqiegħdu saqajhom. Dan mhux ser jiġri biss ’il bogħod, fl-Oċean Paċifiku, imma wkoll madwarna fil-Mediterran.

Ħarsu ftit madwarkom u kkunsidraw il-lokalitajiet mat-tul tal-kosta Maltija: l-Imsida, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà, Tas-Sliema, Marsaskala, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, Birżebbuġa, Marsalforn, ix-Xlendi u bosta lokalitajiet oħra.

Il-qarrejja bla dubju jiftakru f’dawk id-drabi meta jitla’ l-baħar fl-Imsida. F’każ minnhom l-iktar riċenti nhar il-11 ta’ Mejju 2016 il-bidla fl-għoli kienet ta’ madwar metru u l-ilma baħar spiċċa fit-toroq iħarbat it-traffiku. Dan il-fenomenu nirreferu għalih bħala ‘il-Milgħuba’.  Ma jseħħx biss fl-Imsida imma wkoll fuq skala ftit iżgħar fil-Bajja ta’ San Ġorg f’Birżebbuġa fejn jikkawża inkonvenjent lis-sewwieqa tal-karozzi.

Issa dan il-fenomenu jseħħ għal ħin qasir u ġeneralment limitat. Immaġinaw il-problemi kbar li jkollna jekk ikun ta’ natura permanenti. Dan hu li ser ikun ikkawżat bħala riżultat tat-tibdil fil-klima. Partijiet kbar mill-kosta Maltija huma żviluppati b’mod intensiv. Għadna toroq, bini residenzjali kif ukoll kemm l-infrastruttura kif ukoll il-faċilitajiet ewlenin tat-turiżmu. Dan apparti l-infrastruttura tal-portijiet li żviluppajna tul is-snin bħala pajjiż imdawwar bil-baħar. Dan jindika l-ħtieġa li hemm għal ippjanar adegwat biex ikunu implimentati xogħlijiet urġenti biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ madwar il-kosta. Dan hu meħtieġ biex nilqgħu għat-tibdil li ser iġġib il-bidla fil-klima.

Jekk nistennew ħafna iktar jaf ikun tard wisq.

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

[email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs