Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Lord of the Flies

'Jista’ jkollok l-aqwa professuri jservu ta’ mħallfin. Jista’ jkollok qorti indurata bid-deheb u r-rakkmu.  Jista’ jkollok l-aħjar teknoloġiji. Jekk kawża ddum ma tinqata’, il-ġustizzja ma tkunx qed issir, ikun x’ikun l-eżitu'

Ministru Owen Bonnici / 10 t'Awwissu 2017 11:10
Din il-ġimgħa kienet ġimgħa sabiħa għal min għandu għal qalbu lil pajjiżna għaliex kellna riżultati u ħidma ’l quddiem favur sistema tal-ġustizzja aħjar, demokrazija iktar b’saħħitha u allura pajjiż iktar b’saħħtu.

F’waħda mill-attivitajiet li kellna din il-ġimgħa, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri għoġbu jispjega l-importanza tal-ġustizzja billi għamel referenza għall-ktieb famuż ta’ William Golding; Lord of the Flies.

Naħseb kulħadd xi darba jew oħra qraw l-istorja ta’ Ralph, Piggy, Jack u l-bqija jew raw l-adattament televiż tar-rumanz fiż-żewġ feature films li saru.  Essenzjalment dawn iż-żgħażagħ jew tfal isibu rwieħhom fuq gżira f’nofs ta’ baħar u minn nies edukati u organizzati spiċċaw slavaġ mingħajr l-iċken dell ta’ diċenza umana.

Il-ġustizzja hekk hi. Tintebaħ bl-importanza tagħha meta ma jkunx hemm amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk huwa kruċjali li dejjem intejbu l-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja kif għamilna fl-aħħar leġiżlatura u se nkomplu nwettqu f’din il-leġiżlatura.

Il-kawżi pendenti jonqsu

L-ikbar pjaga u l-iktar waħda li tinħass immedjatament hija dik tad-dewmien u dan hu wirt negattiv li writtna matul is-snin li qed nindirizzawh head on.

Jista’ jkollok l-aqwa professuri jservu ta’ mħallfin. Jista’ jkollok qorti indurata bid-deheb u r-rakkmu.  Jista’ jkollok l-aħjar teknoloġiji. Jekk kawża ddum ma tinqata’, il-ġustizzja ma tkunx qed issir, ikun x’ikun l-eżitu.

Illum qed naqtgħu l-frott tal-ħafna riformi li għamilna fl-aħħar erba’ snin. L-istatistika tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hija storja pożittiva – il-kawżi pendenti qed jonqsu kemm fiċ-ċivil u kemm fil-kriminal, l-output żdied prattikament kullimkien u prattikament f’kull awla qed jinqatgħu iktar kawżi milli jidħlu. L-iktar eżempju ċar hu dak tal-ġurijiet – f’temp ta’ sentejn l-ammont ta’ Ġurijiet pendenti niżel bi kwart!

F’awla fejn kellna l-problemi ta’ dewmien – l-Appelli Inferjuri fis-sede kriminali (jiġifieri l-Appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati) qed naraw li fl-aħħar qed jinqatgħu l-istess ammont ta’ kawżi kemm jidħlu u b’daqsxejn sforz ntejbu iktar ir-rendiment u jittiekel il-waiting time li jrid jgħaddi biex wieħed jinstemagħlu l-appell tiegħu.

F’awla oħra għad għandna problemi – fl-appelli minn deċiżjonijiet tal-Prim Awla. L-ammont ta’ sentenzi li qed jingħataw fl-Appell Superjuri huwa kbir ħafna – kulma trid tagħmel hu li tidħol fis-sit tal-qorti u tara l-elenku sħiħ ta’ sentenzi li ngħataw. Biss, peress li fil-Prim Awla qed jinqatgħu ferm iktar sentenzi minn qatt qabel, hemm sitwazzjoni ta’ dewmien li trid tiġi attakkata.

Irid jingħad ukoll li l-ammont ta’ kawżi li l-liġi trid li jingħataw prijorità fl-istadju tal-Appell qiegħed kulma jmur dejjem jikber. Dawk qed jingħataw fil-ħin u bla dewmien però b’detriment għall-kawżi “normali” li l-liġi ma tħarisx lejhom bħala prijorità.

Soluzzjoni tkun li l-Avukati jużaw iktar l-għodda li diġà tajniehom b’emendi li għamilna – ċioè li jekk jaqblu l-avukati taż-żewġ partijiet li jistrieħu fuq l-appell u r-risposta l-kawża tgħaddi dritt għas-sentenza. Jekk jiġri hekk is-sentenza tingħata bla dewmien mingħajr il-ħtieġa li toqgħod fil-kju tistenna li jmissek biex tgħid dak li għandek tgħid bil-fomm. Nemmen li rridu nqajmu iktar kuxjenza fuq din l-għodda u nħeġġu iktar avukati jużawha.

Soluzzjoni oħra se tkun riforma li se nwettqu hekk kif jerġa’ jiftaħ il-Parlament li jkun hemm sede oħrajn tal-Qorti tal-Appell (superjuri) fejn allura ma jkunx hemm tim wieħed biss ta’ tliet imħallef imma timijiet oħra li jaqtgħu n-natura ta’ kawżi li jassenjalhom il-Prim Imħallef minn żmien għal żmien. B’hekk flok fuq magna waħda, l-Appelli jibdew jaħdmu fuq tnejn jew tlieta.

Ringrazzjament

"L-istatistika tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hija storja pożittiva – il-kawżi pendenti qed jonqsu kemm fiċ-ċivil u kemm fil-kriminal"
Dawn ir-riżultati pożittivi ma jaqgħux mis-sema. Nistgħu naqblu jew ma naqblux fuq deċiżjonijiet jew sentenzi ta’ mħallfin u maġistrati – kif ġieli ma qbiltx jiena stess. Biss dawn ir-riżultati pożittivi huma frott il-ħidma tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-qorti, l-uffiċjali kollha tal-qorti u l-ħaddiema kollha mill-kbir saż-żgħir nett.

Grazzi minn qalbi.

Il-ħsad hu kbir

Il-ħsad hu kbir u l-ħaddiema huma ftit.  Biss, biex iżżid il-ħaddiema biex jaqtgħu l-ħsad irid ikollok spazju fiżiku. Kienu għalhekk għaqlin żewġ deċiżjonijiet li ħadna fl-aħħar leġiżlatura li ħallew impatt pożittiv immens fuq il-ħolqien ta’ spazju fiżiku ġdid u allura iktar ġudikanti u iktar staff biex il-kawżi jdumu inqas.

L-ewwel nett id-deċiżjoni li l-uffiċji tal-imħallfin kollha (għajr tal-kriminal) joħorġu mill-qrati u jkollhom l-uffiċji tagħhom fil-Binja San Thomas Moore li nfetħet fil-ħin u skont il-baġits. It-tieni nett id-deċiżjoni li noħorġu parti kbira mill-arkivji barra mill-Qorti u nirrilokaw (u ntejbu) it-training centre u l-librerija.  B’hekk issa ġie kreat post ta’ tliet awli ġodda li se jkunu qed joperaw sal-aħħar tas-sena.

Waħda minnhom diġà bdiet titħaddem b’suċċess. B’hekk se jkollok iktar kawżi appuntati, iktar sentenzi, bil-kawżi pendenti jkomplu jonqsu u d-dewmien ikompli jitkisser. B’hekk ukoll se jkun hemm iktar lok fejn il-kompliment tal-Ġudikatura u tal-Court Attorneys jiżdied, anke biex nindirizzaw aħjar l-isfidi li għandna quddiemna.

Impatt fuq iċ-ċittadini u l-ekonomija

Sistema tal-ġustizzja effiċjenti tħalli impatt pożittiv kemm fuq iċ-ċittadini u kemm fuq l-ekonomija u allura fuq l-impiegi f’pajjiżna.

Kuntent immens bl-impatt pożittiv li qed inħallu fuq is-sistema li għal ħafna snin kienet tħalliet tinxef mingħajr enerġija.

Iktar awtonomija amministrattiva

Biss, ir-riformi fil-Qrati m’għandhomx jintrabtu biss ma’ sforzi biex innaqqsu d-dewmien iżda rridu nsaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Ġudikanti.

Diġà għamilna ħafna meta biddilna l-metodu tal-ħatra, tad-dixxiplina u l-kondizzjonijiet ta’ impieg tal-Ġudikatura. Dawn ir-riformi se jħallu impieg tremend għas-snin li ġejjin.

Qatt mhu biżżejjed.  Irridu nagħmlu l-Qrati iktar awtonomi amministrattivament.

Fil-leġiżlatura li għaddiet il-Parlament kiseb l-awtonomija amministrattiva tiegħu b’riforma eċċellenti li wettaq l-iSpeaker Anglu Farrugia. F’din il-leġiżlatura rridu nwettqu l-istess tip ta’ riforma fejn jidħlu l-qrati sabiex ma jibqgħux jistrieħu la fuq il-Gvern u lanqas fuq il-Parlament biex joperaw bl-aħjar mod amministrattiv. F’dan kollu se nħarsu d-drittijiet tal-impjegati tal-Qorti li jiena, personalment, kburi ħafna bihom.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook