opinjoni | Awtogowl

'Muscat iħobb jimxi mal-kurrent u jipprova ma jxellifx is-sentiment populari. Is-suċċess politiku tiegħu hu dovut mhux ftit għall-fatt li jindirizza l-ħtiġijiet klijentari tan-nies, anke ta’ Nazzjonalisti'

Din il-ġimgħa, il-ġurnal Olandiż De Volksrant ippubblika intervista mal-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat. Minn dak li ġie rrapurtat, donnu din l-intervista kienet tirrigwarda biss il-Brexit. Ma qrajtx l-intervista oriġinali bl-Olandiż li ma nafx, imma l-verżjoni tagħha li dehret f’diversi ġurnali hi prattikament l-istess.

F’din l-intervista, Muscat qata’ figura ferm tajba. Muscat ipproġetta ruħu b’suċċess bħala statista Ewropew li tkellem dwar il-kwistjoni tal-Brexit b’ekwilibriju u anke forsi ftit gravitas. Bħala Malti (insomma Għawdxi), minkejja li ftit naqbel miegħu dwar kif imexxi il-politika domestika, ħassejtni kburi bil-mod kif il-Prim Ministru tiegħi tkellem dwar waħda mill-akbar problemi li qiegħda taffaċja l-Ewropa. Naħseb li wieħed mill-ingredjenti li kkontribwew għas-suċċess politiku ta’ Muscat hu li jikkalibra l-messaġġ skont l-udjenza tiegħu. Ċertament ma kienx ħa jitkellem bl-istess mod kieku indirizza xi ġemgħa f’xi każin il-Ħadd filgħodu.

Muscat stqarr li għall-ewwel darba, qiegħed jibda jemmen li Brexit mhux se jseħħ. Qal li qed jara sinjali ta’ tama li l-affarijiet ser jinbidlu. B’mod diplomatiku stqarr li mhux qiegħed jgħid li l-Brittaniċi żbaljaw, imma li s-sentiment qed jinbidel. Skont Muscat, in-nies qed jaraw li l-vot fundamentalment validu tagħhom, ingħata risposta imma ma joffrix soluzzjonijiet. Ir-referendum

kien demokratiku, imma rriżulta f’sitwazzjoni li biha kulħadd jitlef. Id-dubji qed jikbru skont Muscat. Fl-aktar parti possibbilment interessanti tal-intervista tiegħu, huwa awgura li jitfaċċa mexxej politiku fir-Renju Unit li jkollu kuraġġ u jindirizza l-qagħda l-ġdida. Xi ħadd li jgħid: ejjew inpoġġu l-ftehim aħħari dwar il-Brexit għall-vot popolari. U f’passaġġ ieħor ferm interessanti stqarr, “Ir-rieda tal-poplu jista’ jkollha konsegwenzi diżastrużi kif l-istorja tgħallimna. M’għandix għalfejn insemmi xi eżempji, imma dawn tant huma koroh li jqanqlu l-għadab tal-ħbieb tiegħi Britanniċi.”

Verament ir-Renju Unit diġà kellu mexxej li ppropona li jerġa’ jsir referendum biex japprova l-ftehim aħħari. Tim Farron u l-Liberal-Demokratiċi ilhom jipproponu dan it-tieni vot imma l-elettorat Brittaniku ma tantx ta kashom fl-aħħar elezzjoni, għalkemm żiedu ftit n-numru ta’ siġġijiet. Imma issa anke s-sindku popolari ta’ Londra, il-Laburista (u Musulman) Sadiq Khan, qed

jipproponi li fil-manifest elettorali għall-elezzjoni li jmiss (li tista’ tiġi qabel mistenni), il-Partit Laburista jintrabat li ma joħroġx mill-UE jew li jżomm referendum ieħor dwar il-ftehim aħħari.

Wieħed ma jeskludix li din is-sejħa taqbad art u li l-Liberal-Demokratiċi jżidu fl-appoġġ tagħhom, speċjalment jekk il-Partit Laburista jibqa’ ambigwu dwar jekk iridx jibqa’ fis-suq waħdieni jew le.

Minkejja li ftit naqbel miegħu dwar kif imexxi il-politika domestika, ħassejtni kburi bil-mod kif il-Prim Ministru tiegħi tkellem dwar waħda mill-akbar problemi li qiegħda taffaċja l-Ewropa

Imma l-iskop tiegħi llum mhuwiex biex nikteb dwar il-Brexit li dwarha ktibt kemm-il darba u żgur li nikteb drabi oħra. Illum xtaqt ninnota l-kuntrast bejn il-mod kif Muscat jikkomporta ruħu fuq il-platea domestika u dik barranija. Meta jitkellem hawn Malta, Muscat huwa anqas riżervat u ekwilibrat fil-kummenti tiegħu. Wieħed jistennieha din għax ovvjament, Muscat m’għandhux għalfejn jirbaħ voti meta jintervistawh l-Olanda. U għaldaqstant, il-kummenti tiegħu ma jonqsux milli jieħdu bixra anke populista għaliex l-iskop aħħari hu li wieħed jakkwista l-poter billi jiġbor kemm jista’ jkun voti. U li jxejjen lill-antagonista tiegħu li f’dawn l-aħħar snin kien Simon Busuttil. U fil-proċess ma joqgħodx lura milli anke jbaxxih ħalli jilħaq tali skop.

Tajjeb li Muscat jirrifletti ftit dwar dan. Fuq kollox għandu jirrifletti ftit fuq l-istat tal-politika fir-Renju Unit. Il-partiti prinċipali Ingliżi qed isegwu politika li hija kkundizjonata minn dak li jaħsbu li l-poplu jrid, speċjalment wara l-vot fir-referendum. Verament referendum huwa għodda imperfetta għall-aħħar għax bosta individwi jikkundizzjonaw il-vot tagħhom għal elf u ħaġa li mhux

neċessarjament ikollha x’taqsam mal-kwistjoni tar-referendum. Imma l-fatt jibqa’ li minkejja li bosta huma d-deputati u mexxejja, kemm fil-politika kif ukoll fil-kummerċ u f’oqsma oħra bħal kultura, agrikoltura u saħħa li jafu ben tajjeb li l-Brexit se jikkawża kaos sħiħ u konsegwenzi ferm serji, ftit huma dawk li apertament qed isaqsu jekk id-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku tat-23 ta’ Ġunju 2016 għandhiex tiġi ridiskussa jew le.

Din hi l-problema tal-politika llum, f’kuntest nieqes mir-riġiditajiet ideoloġiċi tal-passat: il-politiku spiċċa ma jmexxix imma jħalli min imexxih. U dan mhux fir-Renju Unit biss. L-istat ta’ impotenza li fih tinsab il-klassi politika tar-Renju Unit li mhix kapaċi tiġġestixxi l-bidla enormi li l-ħruġ mill-UE se ġġib magħha huwa ċar daqs il-kristall. Ħruġ li ġie provokat minħabba l-logħob intern fil-Partit Konservattiv u l-akwiexxenza ta’ Jeremy Corbyn. Din hi lezzjoni li kulħadd irid jitgħallem minnha u Muscat fuq kollox. Għax Muscat iħobb jimxi mal-kurrent u

jipprova ma jxellifx is-sentiment populari. Is-suċċess politiku tiegħu hu dovut mhux ftit għall-fatt li jindirizza l-ħtiġijiet klijentari tan-nies, anke ta’ Nazzjonalisti.

Il-fatt hu li tmexxija effettiva ma tfissirx biss li tagħmel l-almu tiegħek biex taqdi n-nies u li timxi kif jixtiequ n-nies. Tajjeb li wieħed jara u jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies. Imma fuq kollox tmexxija effettiva tfisser li wieħed jassigura l-prosperità u s-serenità tal-poplu, affarijiet li żgur ser jiġu serjament mhedda b’avventura b’tant nuqqas ta’ ħsieb bħalma hi l-Brexit. Tfisser ukoll li wieħed jagħmel l-għażliet strateġiċi u l-ispiża kapitali meħtieġa sabiex issostni l-momentum ekonomiku li dan il-pajjiż b’tant sagrifiċċju u impenn irnexxielu jilħaq. Wisq nieħu l-impressjoni li Muscat, filwaqt li qed jaħleb ir-riżultati ta’ dan il-momentum ekonomiku li l-gvernijiet ta’ qablu rnexxielhom jiġġeneraw, ftit li xejn qed jagħti każ il-futur u speċjalment kif ser insostnu u nkattru r-riżultati li lħaqqna s’issa.

Hemm element ieħor li jrid jagħti każ Muscat. L-isforzi tiegħu sabiex jipproġetta ruħu fuq il-platea internazzjonali dejjem ser jibqgħu kundizzjonati bil-mod kif qed jiġġestixxi l-kwistjoni tal-Panama Papers. M’hemmx għalfejn nitkellem fit-tul dwar dan. Din il-ġimgħa, il-ħames imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Pakistan unanimament skwalifikaw lill-Prim Ministru Nawaz Sharif milli jibqa’ deputat minħabba l-mod kif uża kumpaniji f’postijiet magħrufa għall-evasjoni tat-taxxa. Tajjeb li nfakkru li fis-sebgħin sena kemm ilu l-Pakistan indipendenti, l-ebda Prim Ministru qatt ma spiċċa l-mandat tiegħu għax spiss kien jispiċċa imtajjar b’xi kolp ta’ stat. Imma Sharif kellu jirriżenja minn Prim Ministru. Intant hawn Malta, pajjiż tal-UE, l-awtoritajiet kompetenti kollha, fosthom l-FIAU u l-Pulizija ma jidhru li ma ħadu l-ebda passi dwar il-ħemel ta’ allegazzjonijiet serji li saru wara l-kxif tal-Panama Papers u li issa huma l-oġġett ta’ mhux anqas minn erba’ inkjesti maġisterjali.

Trid aktar minn intervista fuq ġurnal Olandiż sabiex takkwista rispettabbilità universali. Jidher li Muscat jaf kif għandu jikkomporta ruħu. Allura l-fatt li jonqos milli jagħmel hekk, li jispiċċa jibni l-politika tiegħu esklussivament fuq l-indirizz ta’ ħtiġijiet klijentari li jinżlu balzmu ma’ l-elettorat, ma jkun qed jagħmel ġid la lilu nnifsu u anqas u anqas lill-pajjiż. U l-anqas jista’ jistenna li jiġi universalment osannat, la f’Malta u l-anqas barra minnha, meta jonqos milli jieħu azzjoni deċisiva dwar dak li ġie żvelat fil-Panama Papers. Il-kwistjoni hi jekk Muscat huwiex fil-libertà li jieħu tali azzjoni deċisiva. Kif jidhru l-affarijiet, għalkemm l-inkjesti maġisterjali għadhom ma ġewx konklużi, ir-revelazzjonijiet tal-Panama Papers kif ukoll dawk suċċessivi ser jibqgħu mażżra m’għonq Muscat. Jista’ faċilment jaspira għall-posizzjoni f’xi struttura komunitarja imma r-reazzjoni tiegħu għal dawn ir-rivelazzjonijiet tista’ faċilment tikkomprometti tali possibblità. Ħasra li wieħed iħalli l-karriera politika tiegħu tiġi mminata minn nuqqasijiet evitabbli. L-istorja hija mimlija b’eżempji simili. Ftakru biss fl-eżempu ta’ Dominique Strauss Kahn. Jidher għalhekk li Muscat mhux se jirnexxielu jissupera l-barriera li ħoloq hu stess għal suċċess akbar minn dak li kellu s’issa. Anzi tali nuqqasijiet jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-waqgħa finali tiegħu kif l-istorja ukoll turina.

More in Blogs