opinjoni | Id-diżastru tal-MATSEC

'Għal dan il-falliment xi ħaġa gravi qed tiġri żgur. Minkejja l-miljuni kbar li qed jintefqu fuq ir-riżorsi u l-bini ta’ skejjel, eluf ta’ studenti qed jeħlu mill-eżamijiet tal-matrikola'

Ritratt li deher f’ħarġa reċenti ta’ The Times of Malta (15 ta’ Lulju) juri sitt żgħażagħ, subien u bniet jidħqu jaraw materjal mill-mowbajl. Fil-fatt dan jidher li kien stock photo li fih l-istudenti kienu qishom qed jaqraw ir-riżultati tal-falliment tagħhom fl-eżamijiet tal-Matsec. Skont il-Bord tal-Eżami, din is-sena weħlu tnejn minn kull tliet studenti li taw l-eżami biex jidħlu l-Università.

Għal dan il-falliment xi ħaġa gravi qed tiġri żgur. Minkejja l-miljuni kbar li qed jintefqu fuq ir-riżorsi u l-bini ta’ skejjel, eluf ta’ studenti qed jeħlu mill-eżamijiet tal-matrikola.

Dan qed jiġri għal diversi raġunijiet, fuq kollox minħabba n-nuqqas ta’ kreattività u sistema riġida ta’ kif għadu jsir it-tagħlim. Imma hemm l-ironija taqta’ bħar-ritratt li deher fl-ewwel paġna tat-Times of Malta, xbiha li tisfida l-isforzi kollha li qed isiru biex Malta jkollha sistema li tikkompara ma’ dik Ewropea.

Hu ċert li meħtieġa analiżi tar-riżultati li ż-żgħażagħ tagħna qed jiksbu.

Campus FM

Kif jixraq, Campus FM baqa’ jżomm livell għoli ta’ xandir kulturali-edukattiv. Fost l-aħjar programmi hemm dawk li jippreżentaw il-Professur Charles Briffa, il-Professur Carm Borg, Dr Keith Sciberras, Sergio Grech, Celaine Buhagiar u George Peresso.

Il-ħasra hi li minn fuq Campus FM għebu r-radjudrammi ta’ livell għoli li kien jidħol għalihom u li kienu rebbieħa f’diversi konkorsi tal-Awtorità tax-Xandir.

It-teatru tar-relevanza

Jidher li l-kummiedja Balzunetta Towers (Alfred Sant / Albert Marshall / Sean Buhagiar) intlaqgħet b’suċċess. Inħadmet f’żona fejn tlaqqgħu flimkien tliet istituzzjonijiet: il-HQ tal-Pulizija, il-Kurja u t-territorju tal-konkatidral.

Ftakart fiż-żmien meta ma’ grupp kbir ta’ studenti tal-Liċeo l-Ġdid (is-Sixth Form tal-Belt) konna ħdimna l-proġett dwar it-twaqqigħ tal-kerrejjiet in-naħa tal-Baviera. Kienet battikata biex ħarġu lir-residenti taż-żona. Dak kien teatru mimli ħajja u l-istudenti kienu mimlijin enerġija u entużjażmu. Fuq kollox, kien teatru soċjalment relevanti.

Hemm bżonn id soda iżda minflok, waslet id moħbija bbażata fuq ħafna fehmiet mhux moħmija

 Mexxej ġdid għall-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem eżattament x’laqtu. U aktar ma ssemmew kandidati possibbli, aktar l-affarijiet dehru jitħawdu. Kien hemm bżonn id soda iżda minflok, waslet id moħbija bbażata fuq ħafna fehmiet mhux moħmija.

 Dwar il-V18

Skont id-deċiżjonijiet tal-panel li qed imexxi l-V18, il-pubbliku ma jimpurtahx mid-dinamika tal-organizzazzjoni, mit-transfers, eċċetera. Stqarrijiet bħal dawn, ftit xhur biss qabel jitħabbar il-ftuħ tal-festi kulturali, juru kemm il-pubbliku mhuwiex stmat u kemm l-ispirtu tal-V18 qatt ma ttieħed bis-serjetà. Sadanittant, tħabbar is-suċċess ta’ ‘Balzunetta Towers’, li kellu pubbliku qawwi fejn tidħol l-attendenza. Għalhekk kif jista’ jingħad li l-organizzazzjoni tal-V18 ma tikkonċernax lill-pubbliku?

Kif wieħed jistenna l-V18 tħalli xi wirt għat-tul, jekk il-pubbliku diġà qed ikun virtwalment ikkanċellat mill-aġenda kulturali futura?

Sadanittant, diversi artisti Maltin qamu fuq tagħhom u pprotestaw bil-qawwi kontra l-organizzazzjoni tal-V18.

Zammit Dimech għall-Ewropa

Ġietu waħda tajba lill-Partit Nazzjonalista. Il-veteran Dr Francis Zammit Dimech ġie elett biex jimla s-sitt post allokat lil Malta bħala membru Parlamentari Ewropew. Bl-esperjenza u l-istatura politika tiegħu, Zammit Diemch mela l-post vakanti li ħalliet Therese Comodini Cachia.

Dr Zammit Dimech wiegħed li se jagħti l-kontribut tiegħu lil Malta fil-fora Ewropej tal-edukazzjoni.

L-Isqof Grech u r-refuġjati

L-Isqof Mario Grech reġa’ tkellem dwar l-indifferenza ta’ bosta Maltin fejn tidħol il-kawża tar-refuġjati. L-Ewropa qed terġa’ titwebbel tagħti daharha lir-refuġjati minflok ma toffrilhom kenn u solidarjetà. Dan jgħodd għall-każ ta’ Malta wkoll.

Ma baqax fejn jitfaċċaw l-isfreġji: issa nibtu l-gabbani illegali fil-Bajja tal-Mistra. Diġà telgħu mal-għaxar gabbani bla permess, b’avviżi biex l-għamara (ta’ ġewwa u ta’ barra) ma tintmessx. Suppost li uffiċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar qed jieħdu passi regolatorji kull jumejn biex l-abbuż jeqaf.

S’issa ma ġara xejn.

More in Blogs