opinjoni | Pluraliżmu anke fil-valuri

'L-Oppożizzjoni ma setgħetx tinjora l-fatt li għad għandha dipendenza qawwija fuq appoġġ minn l-agħar elementi ta’ intolleranza reliġjuża fil-pajjiż, dawk jiġifieri li għadhom iqisu d-drittijiet LGBTIQ bħal materja ta’ “immoralità pubblika”'

Wieħed mill-argumenti qawwija li lewnu d-dibattitu dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropa kien li Malta ħtieġilha tidħol fis-seklu għoxrin qabel ma taħseb biex tissieħeb fl-Unjoni. Kien argumentat li kien hemm il-ħtieġa ta’ progress fuq ħafna fronti qabel ma Malta setgħet tissieħeb fl-UE. In-naħa l-oħra tal-argument, ovvjament, dejjem kien li s-sħubija minnha nnifisha setgħet tkun il-katalist għat-tibdil tant meħtieġ fis-soċjetà Maltija. Għax il-bidla tista’ ddum biex isseħħ, imma fl-aħħar mhux possibli li tkun evitata. Kif jgħidu, tardare sí, scappare no!

Malta ssieħbet fl-UE fl-2004. Il-bidla fis-soċjetà Maltija għadha għaddejja, kultant b’ritmu mgħaġġel ħafna. Ir-referendum dwar id-divorzju li sar f’Mejju 2011 ħoloq terrimot, li, nistgħu ngħidu illi għadu għaddej.

Il-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ li l-Parlament approva iktar kmieni din il-ġimgħa kienet pass ieħor f’din id-direzzjoni. Kienet deskritta bħala “immorali” (Edwin Vassallo), “Marxista” (Clyde Puli), “kommunista” (Herman Schiavone) kif ukoll “tal-Korea ta’ Fuq ” (Tonio Fenech).

Dawn it-tikketti juru kif jaħdem moħħ dawk li qed jirreżistu din il-bidla. Mid-dehra ħadd minn dawn il-kritiċi tal-leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza fiż-żwieg ma fehem li dan il-pass kien ukoll il-konsegwenza loġika tal-emenda kostituzzjonali, approvata mill-Parlament fil-leġiżlatura l-oħra liema emenda kienet iċċarat li d-diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru kienet ipprojibita wkoll. L-intolleranti fost l-Insara fostna jgħidu li dawk li jappoġġaw l-ugwaljanza fiż-żwieġ huma “bla valuri”. Dawn għadhom ma rrealizzawx li l-valuri tagħhom mhumiex l-unika valuri. Qed ngħixu f’soċjetà bi pluralità ta’ valuri. Ħadd m’għandu monopolju, la dwar il-valuri u l-anqas dwar dak li hu tajjeb jew ħażin.

Hu possibli li ma naqblux, imma li ninsulentaw lil xulxin minħabba li nħaddnu valuri differenti ma jagħmilx sens

Uħud mill-kelliema ewlenin tal-Oppożizzjoni, minkejja li ddikjaraw l-appoġġ għal-liġi taħt konsiderazzjoni, xorta dehrilhom li kellhom jużaw il-ħin ta’ diskorshom bi kliem dispreġġattiv dwar dak propost. Dan il-lingwaġġ mimli insulti użat fid-dibattitu parlamentari sfortunatament jirrifletti fuq l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kollha, anke fuq dawk li għamlu sforz ġenwin u qagħdu attenti li jużaw  lingwaġġ konċiljattiv biex jikkomunikaw ħsibijiethom.

L-oppożizzjoni konservattiva qiegħda fir-rokna. Min-naħa l-waħda riedet tħabbar mal-erbat irjieħ tal-pajjiż li issa kkonvertiet u ser tkun fuq quddiem biex tiddefendi d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ. Min-naħa l-oħra iżda, l-Oppożizzjoni ma setgħetx tinjora l-fatt li għad għandha dipendenza qawwija fuq appoġġ minn l-agħar elementi ta’ intolleranza reliġjuża fil-pajjiż, dawk jiġifieri li għadhom iqisu d-drittijiet LGBTIQ bħal materja ta’ “immoralità pubblika”.  Edwin Vassallo kien l-iktar wieħed ċar fi kliemu meta ddikjara li l-kuxjenza tiegħu ma tippermettilux li jivvota favur dak li huwa ddeskriva bħala proposta leġiżlattiva “immorali”.  

Fi ftit sekondi Vassallo (u oħrajn) ħarbat dak li kien ilu jippjana Simon Busuttil sa minn meta kien elett Kap tal-PN. Dan wassal lil uħud biex jispekulaw dwar jekk l-Insara intolleranti, id-demokristjani u l-liberali fil-PN jistgħux jibqgħu jikkoabitaw wisq iktar.

Dan kollu jikkuntrasta mal-mod kif ġiebu ruħhom il-konservattivi fil-Partit Laburista. Dawn, minħabba kalkuli politiċi, ippreferew li jew jibqgħu ħalqhom magħluq inkella qagħdu attenti ħafna dwar dak li qalu. Jidher li tgħallmu xi ħaġa mid-dibattitu dwar id-divorzju!

L-approvazzjoni mill-Parliament tal-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ huwa pass ieħor ’il quddiem favur il-pluraliżmu tal-valuri. Il-Parlament aċċetta l-pluraliżmu tal-valuri u ddeċieda li kulħadd jixraqlu r-rispett. Għandna bżonn nifhmu, ilkoll kemm aħna, li qed ngħixu f’soċjetà bi pluralità ta’ valuri li lkoll jixirqilhom ir-rispett. Hu possibli li ma naqblux, imma li ninsulentaw lil xulxin minħabba li nħaddnu valuri differenti ma jagħmilx sens. Xejn mhu ser jibdel il-fatt li ħadd ma għandu monoplju fuq il-valuri li f’numru ta’ każi jikkontrastaw.

Malta llum introduċiet l-ugwaljanza fiż-żwieġ. M’aħniex ser indumu biex nindunaw li dan ser jagħmel lis-soċjetà tagħna waħda aħjar, għal kulħadd.

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com , http://carmelcacopardo.wordpress.com

 

More in Blogs