Editorjal | Għix u ħalli lil min jgħix

'U la aħna tant aħna komdi, kif inhu komdu dan l-editorjal u tant aħna ċerti mis-saħħa u l-qawwa tal-argument tagħna mela allura m’għandna għalfejn ngħajru lil ħadd u m’għandna għalfejn nipprovaw inżebilħu ebda idea li ma taqbilx ma’ dik tagħna'

Mhumiex biss l-isfidi soċjali li baqgħu l-istess f’Malta, minkejja kull elezzjoni, imma anke l-isfidi li joffru kwistjonijiet morali u anke etiċi.

Din il-ġimgħa, erba’ snin wara l-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili li kien miftuħ għall-koppji tal-istess sess u għalhekk fetaħ it-triq għall-għaqda legali bejn dawn il-koppji. Qed niddiskutu ż-żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess.

Lil hinn minn dak li hu strettament politiku u legali imma, biex wieħed jasal għal xi forma ta’ konklużjoni jew pożizzjoni dwar din il-kwistjoni jeħtieġ imur iktar fil-fond, fil-fundament. Li tkun taqbel ma’ żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess, kif jaqbel dan l-editorjal, ifisser li taqbel illi l-imħabba umana f’kull forma tagħha hija sabiħa u għandha tkun iċċelebrata. Kull imħabba, għax hija sabiħa, naturali u tmur lil hinn mill-għażliet razzjonali u rraġunati għandha tkun ugwali. Ugwali fl-istatus legali, ugwali fil-mod kif is-soċjetà tħares lejha u ugwali f’kull ambitu soċjali u familjari.

Kull imħabba, għax hija sabiħa, naturali u tmur lil hinn mill-għażliet razzjonali u rraġunati għandha tkun ugwali. Ugwali fl-istatus legali, ugwali fil-mod kif is-soċjetà tħares lejha u ugwali f’kull ambitu soċjali u familjari.

It-tieni, biex taqbel maż-żwiġijiet bejn koppji tal-istess jeħtieġ tifhem illi kull dritt mogħti, mhux dritt meħud. Dak li qed jiċċelebraw koppja tal-istess sess, mhu qed jiġu xejn, mhu qed inaqqar xejn u mhu qed ikisser xejn mill-ġmiel, l-armonija u l-bżonn soċjali ta’ koppji eterosesswali u tal-familji Maltin u Għawdxin. Daqskemm, koppja LGBTIQ tħobb lis-sieħeb tal-istess sess, daqshekk ieħor tħobb lil ommha u lil missierha u daqstant tapprezza s-sbuħija ta’ dik il-familja li rawmitha u tatha l-valuri.

It-tielet, l-ebda valur mhu suprem. Għax jekk il-valur tal-imħabba huwa ugwalment sabiħ, mela sabiħ dejjem taħt kwalunkwe forma.

U fl-aħħar, biex tkun verament favur aktar drittijiet u mhux sempliċiment ‘politikament’ favur, jew favur għax hekk jaqbillek, jeħtieġ tifhem li lil hinn mill-karta hemm l-aspett uman. Hemm il-kuntentizza tan-nies, hemm is-sens ta’ sigurtà, hemm is-sens ta’ sodisfazzjon, is-sens li persuna tħoss li għandha skop u għandha post fis-soċjetà. Sens illi dak li ksibt int hu daqstant imprezzabbli daqs dak li kiseb min huwa differenti minnek.

Jekk ma fhimtx dan, mela għadek ma fhimt xejn.

Jekk taħseb li Liġi għal żwieġ ugwali hija libertinaġġ, xi ħaġa moralment ħażina jew xi ħaġa li tmur kontra n-natura u allura ma tista’ qatt tkun ugwali, ma tista’ qatt u qatt tivvota favur il-Liġi li hemm fil-Parlament. Vot favur, għax hekk jaqbel, huwa att travest ta' konvenjenza

Għalhekk dan l-editorjal jara bħala xi ftit jew wisq ta’ tqanżiħa dawk id-Deputati, l-aktar mill-Partit Nazzjonalista, li reġgħu qed ibeżżgħu bil-babaw jew bil-“libertinaġġ” kif sejħilha d-Deputat Edwin Vassallo.

Jekk taħseb li Liġi għal żwieġ ugwali hija libertinaġġ, xi ħaġa moralment ħażina jew xi ħaġa li tmur kontra n-natura u allura ma tista’ qatt tkun ugwali, ma tista’ qatt u qatt tivvota favur il-Liġi li hemm fil-Parlament. Vot favur huwa att travest ta' konvenjenza.

U huwa f’dan il-punt illi dan l-editorjal ma jaqbel assolutament xejn mal-attakk verbali li sar fuq nies bħal Edwin Vassallo u l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech. Sezzjoni mdaqqsa tal-popolazzjoni, ngħidu li hija kbira sew, ma taqbel xejn mal-linja ta’ dan l-editorjal. Tħoss illi l-imħabba bejn raġel u raġel hija minnha nfisha inferjuri. Din is-sezzjoni, jew parti minnha jista’ jkun li tivvota lil nies bħal Vassallo u Fenech biex dak li jemmnu illi huwa valur għalihom ikun rappreżentat fil-Parlament.

Jekk li tkun liberali jfisser li tkun ukoll iggwidat mill-prinċipju msemmi iktar kmieni illi, l-ebda valur mhu suprem, allura lanqas jekk inħossu li għandna raġun u lanqas jekk inħossu u nemmnu li l-ugwaljanza hija prijorità m’għandna nħossu li t-twemmin tagħna jagħmilna superjuri.

lanqas jekk inħossu li għandna raġun u lanqas jekk inħossu u nemmnu li l-ugwaljanza hija prijorità m’għandna nħossu li t-twemmin tagħna jagħmilna superjuri

Il-kuluri tal-qawsalla, li jżejnu l-bandiera assoċjata mal-omosesswalità hija propju dik, qawsalla ta’ kuluri differenti. Kull persuna u ħsieb huwa qawsalla differenti.

U la aħna tant aħna komdi, kif inhu komdu dan l-editorjal u tant aħna ċerti mis-saħħa u l-qawwa tal-argument tagħna mela allura m’għandna għalfejn ngħajru lil ħadd u m’għandna għalfejn nipprovaw inżebilħu ebda idea li ma taqbilx ma’ dik tagħna.

Kif inħobbu ngħidu, u kif jgħidu dawk il-miljuni kbar favur id-drittijiet ugwali; live and let live, għix u ħalli lil min jgħix.

More in Blogs