opinjoni | Post Election Blues

'Minn banda ngħidu li l-poplu huwa intelliġenti, sovran u x’naf jien, u mbagħad inqisuh ta’ ċuċ billi ġimgħa qabel jivvota nagħtuh il-laned tal-priserv, il-fliexken tal-inbid u l-qoffa mimlija pasti tal-ġamm u l-pastafrolla bir-ritratt gustuż tal-kandidat'

Ma nafx qagħditx il-qiegħa. L-impressjoni li nieħu minn fuq il-mezzi soċjali hija li għadha għaddejja d-danza makabra politika li ftit li xejn, jekk qatt, nieqfu niżfnu.

Xtaqt nagħmel ftit osservazzjonijiet ovvji dwar l-aħħar ġimgħat. M’iniex se nagħmel analiżi tar-riżultat elettorali għax persważ li l-paġni tal-gazzetti tal-lum se jkunu qegħdin joffru min jaf kemm-il waħda. Din kienet l-għaxar elezzjoni ġenerali li għext, anki jekk dik tal-1971 għandi biss impressjonijiet imċajpra tagħha. Għalkemm b’xorti tajba hemm baħar jaqsam bejn l-elezzjonijiet tal-lum u dawk tas-snin sebgħin u s-snin tmenin, għad hemm diversi ħwejjeġ li baqgħu l-istess.

Id-diviżjoni

Ewlenija fost dawn hija t-tendenza ‘naturali’ li l-pajjiż jispiċċa diviż. Anzi, inkun aktar korrett jekk ngħid li d-diviżjoni ssir aktar evidenti għaliex fir-realtà ċ-ċittadini ħuti dejjem huma maqsumin. Uħud jitkellmu u jikkundannaw il-fanatiżmu mingħajr ma, kif jgħidu, jindenjaw irwieħhom jaqbdu l-barri minn qrunu. Il-problema li nara jien hija li għalkemm nafu li hemm barri u li għandu qrun, mhux bilfors li se nagħrfu dal-barri fejn hu. Uħud jattribwixxu dan il-fanatiżmu għall-Mediterranjetà tagħna, kultura, jgħidu, li timxi fuq il-passjoni u mhux ir-raġuni; fuq l-għajjat minflok ir-riflessjoni; fuq l-isterija minflok il-kalma. Għalkemm l-isterjotipar tal-Mediterranju bħala tbaqbiq imqanqal fil-vini jiskomoda lil ħafna, xi ħjiel ta’ verità fil-klixè dejjem se jkun hemm.

Għalkemm b'xorti tajba hemm baħar jaqsam bejn l-elezzjonijiet tal-lum u dawk tas-snin sebgħin u s-snin tmenin, għad hemm diversi ħwejjeġ li baqgħu l-istess

Jien naħseb, iżda, li huma l-partiti nfushom li jħeġġu l-ħatab għall-ħuġġieġa. Kienet kampanja mqanqla, mimlija għajat u tgħajjir, b’żewġ politiċi jitqatlu quddiem it-televixin. Imma, ħalli ngħidha kif naraha: liema elezzjoni ma kellhiex kampanja ta’ dan it-tip? Meta, għallinqas f’dawn l-aħħar tletin sena, ma kellniex mass meetings li waqthom in-nagħġiżmu u l-ħamallaġni jilħqu livelli straordinarji? Inkella, jista’ jkun ukoll, li l-kilba li ħafna minna għandhom għall-istorbju u l-frattarija, imżewġa ma’ dak li l-istudjużi sejħulu l-istint tal-merħla, isibu s-sodisfazzjon kollu fil-manifestazzjonijiet tal-massa li jorganizzaw il-partiti. Il-mibegħda ma rajthiex espressa minn naħa waħda: hekk jew hekk biż-żmien dawn iż-żewġ mostri saru xbieha perfetta ta’ xulxin; illum, hawn min jgħid, anki ideoloġikament.

Mhux sewwa, allura, li nitkażaw bil-fanatiżmu tal-poplu, meta l-poplu ilu snin twal maħkum mill-magni tal-partiti. Bħalma mhux sew li minn banda ngħidu li l-poplu huwa intelliġenti, sovran u x’naf jien, u mbagħad inqisuh ta’ ċuċ billi ġimgħa qabel jivvota nagħtuh il-laned tal-priserv, il-fliexken tal-inbid u l-qoffa mimlija pasti tal-ġamm u l-pastafrolla bir-ritratt gustuż tal-kandidat. Dawn it-tattiċi (li mid-dehra jaħdmu ħafna mal-elettorat Malti) huma waħda mill-akbar umiljazzjonijiet li wieħed jista’ jagħti lil dan l-ispeċi ta’ poplu. Qisu bħal meta konna tfal u s-superjur tal-mużew kien jgħidilna, “Ħa ntik ħelwa u oqgħod kwiet.” Ironikament, imma, donnu li saret skorrettezza politika li tikkritika lill-poplu mbagħad. Anki t-telliefa jibqgħu jisħqu li l-poplu għandu dejjem raġun, li l-poplu tkellem, li l-poplu bagħat il-messaġġ tiegħu. U jekk xi ħadd ifettillu jiddubita mill-poplu jkun qiegħed jissogra li jispiċċa dekapitat għax jinstab ħati ta’ arroganza, klassiżmu u kburija.

ma nafx kif għandna l-wiċċ nippretendu li jkollna soċjetà kritika, ċittadinanza b’moħħ miftuħ, meta sa minn twelidhom nibdew inġorru magħna lit-tfal biex jisimgħu lill-kap iħambaq mingħajr ma jifhmu xejn

It-tfal

Reġgħet kienet elezzjoni li fiha rajna ħafna sfruttament tat-tfal. Jien ma nafx kif għandna l-wiċċ nippretendu li jkollna soċjetà kritika, ċittadinanza b’moħħ miftuħ, meta sa minn twelidhom nibdew inġorru magħna lit-tfal biex jisimgħu lill-kap iħambaq mingħajr ma jifhmu xejn. Rajt ritratti tal-Prim Ministru jġorr anki trabi tat-twelid libsin l-aħmar; u tfal ixejru bandiera tal-maduma kif jaraw ’l ommhom iċċapċap lill-Kap tal-Oppożizzjoni. L-iskantament tiegħi mhuwiex biss li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal ma jaraw xejn ħażin b’din l-imġiba, jew li l-politiċi jieħdu gost jistħajlu lilhom infushom bħal Ġesù jilqa’ t-tfal imkeċċija mill-appostli, imma li l-kummissarjat għat-tfal u l-Presidenza, żewġ entitajiet li spiss jitkellmu fuq id-drittijiet ta’ wlied ir-Repubblika, baqgħu ma qalu xejn u ħallew kollox għaddej qisu mhux hu. F’pajjiżi oħrajn, xeni bħal dawn jitqiesu oxxeni jekk mhux ukoll abbużivi. Mhux sewwa li t-tfal jiġu magħġuna bħal biċċa għaġina biex jaħsbu bħalna, biex jimxu mat-tradizzjoni tal-familja, li ma jmorrux jiddiskutu u joħorġu differenti; li ma jmorrux jaħsbu b'moħħhom minflok bil-moħħ nagħġi tagħna.

L-imsieken

Min għandu moħħu f’loku tkaża meta xi ħadd min-nagħaġ, li jaf juża l-photoshop, bidel il-wiċċ ta’ Joseph Muscat fuq ritratt ma’ dak ta’ tifel bid-downs u bidel il-messaġġ li kien deher fuq l-ewwel billboard tan-Nazzjonalisti. Issa ejjew niftakru kemm flejjes jinġabru għal nies bi bżonnijiet speċjali. U ma neħodha bi kbira xejn jekk dak li għamel dil-vavata jagħti kontribuzzjoni huwa wkoll meta jsir il-ġbir. L-istess bħal min tella’ messaġġ bit-tir li jweġġa’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni billi għajru omosesswali, meta niftaħru – u għala le? – li tul dawn l-aħħar ftit snin dal-pajjiż mhux biss laħaq paripassu ma’ pajjiżi oħrajn fejn jidħlu drittijiet ċivili imma, saħansitra, issuperahom.

Minkejja l-ġmiel ta’ liġjiet li l-pajjiż sawwar, għad hawn min jidentifika dawk meqjusin imsieken, dawk li qabel kienu fost l-imarġinati tal-pajjiż, u jużahom biex iweġġa’.

U dan juri kemm hija kbira l-ħtieġa li wara li bdilna l-liġijiet fil-parlament nibdew naħsbu bis-serjetà, u b’serjetà kbira ħafna, kif se naħdmu biex nibdlu l-liġi tat-triq.

Fuq nota oħra

Forsi ftit jafu li dawn l-aħħar jumejn, fuq il-kampus tal-Fakultà tal-Arti fl-Università Comenius fi Bratislava kien hemm konferenza biennali ta’ jumejn dwar il-lingwa Maltija, organizzata mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija. Imwaqqfa għaxar snin ilu, din l-assoċjazzjoni tiġbor fiha lingwisti mill-erbat irjieħ li jistudjaw aspetti lingwistiċi varji tal-lingwa Maltija. Nistħajjel li l-interess ta’ dawn l-istudjużi huwa immotivat mill-faxxinu li jaraw fl-ilsien Malti, faxxinu li tkun tixtieq ħafna li jkollhom il-mezzi tax-xandir Maltin.

More in Blogs