opinjoni | Impenn Serju għal Għawdex

Il-Kandidat Joe Ellis jgħid kif f'din il-kampanja elettorali, 'in-Nazzjonalisti għandhom ir-riħ fil-qala mentri l-moral tal-Laburisti mhu għoli xejn'

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Qiegħed dejjem jidher ċar li l-karta li lagħab Joseph Muscat mhix tagħti r-riżultat mixtieq. Jekk qed naqra s-sentiment popolari sew, jidher li n-Nazzjonalisti għandhom ir-riħ fil-qala mentri l-moral tal-Laburisti mhu għoli xejn. Forsi hemm minnhom li bdew ixommu l-possibbiltà ta’ telfa, ħaġa li sa ftit xhur ilu kienet biss fil-fantapolitika. 

Jidher li l-karta li lagħab Muscat li jsejjaħ elezzjoni kmieni u ta’ malajr ma poġġietx lill-partit Nazzjonalista fl-iżvantaġġ li forsi kien bassar. Illum qiegħed jidher ċar li l-PN, minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji li għandu, hu f’pożizzjoni li jagħmel kampanja elettorali effettiva. U l-fatt li hija qasira forsi hu ta’ vantaġġ għal istess PN bir-riżorsi limitati tiegħu.

Saret spiss l-akkuża li l-kampanja tal-PN hija bbażata fuq l-korruzzjoni imma hija nieqsa minn proposti speċifiċi. Ma nafx kif wieħed jista’ jagħmel din l-akkuża meta l-Partit Nazzjonalista kien diġà ħareġ b’seba’ policy documents matul il-leġiżlatura. Imma fi kwalunkwe każ, jum wara jum, il-PN beda jlaħħam il-proposti tiegħu u deher ċar li l-partit kien ipprepara ruħu għal din l-elezzjoni.  Forsi l-aktar li ħareġ ċar kemm il-PN ma nqabadx fuq sieq waħda kienet it-tnedija ta’ programm elettorali speċifiku għal Għawdex nhar il-Ġimgħa li għadda. Fl-istess waqt il-Partit Laburista kien għadu fil-proċess li jiffinalizza l-programm elettorali tiegħu u l-bieraħ nieda Kungress f’Malta u Għawdex għal dan l-iskop.

Dan il-manifest fih mitt proposta sabiex Għawdex jiġi fuq saqajh, jitwaqqaf id-deklin demografiku, u l-livell ekonomiku joqrob dak ta’ Malta. Fil-preżent, il-prodott gross domestiku ta’ Għawdex hu xi żewġ terzi dak ta’ Malta, differenza sostanzjali li bl-ebda mod mhi ġustifikabbli. Jeżisti l-periklu li bit-tendenzi preżenti, Għawdex ma jibqax komunità vibranti u vijabbli imma jsir post għax-xjuħ u għall-weekend. Diġà dan qed narawh bil-mijiet u eluf ta’ żgħażagħ li qed jitilqu lil Għawdex biex imorru jaħdmu u jgħixu f’Malta jew barra. 

Verament l-immigrazzjoni mhux xi fenomenu ġdid. Qabel il-gwerra, bosta kienu jsiefru f’postijiet bħal Bona jew it-Tuneżija. Wara l-gwerra, l-Ingilterra, il-Kanada u l-Awstralja saru d-destinazzjonijiet il-ġodda. Id-differenza hi l-immigrazzjoni li qiegħda ssir minn Għawdex illum hija tal-aktar nies edukati u kwalifikati. Dan l-aħħar żort l-Università fuq stedina tal-Grupp Universitarji Għawdxin u sirt naf li l-istudenti Għawdxin fl-Università huma madwar 1,200, 10% tal-popolazzjoni universitarja. Wieħed irid iżid ukoll mijiet jekk mhux aktar ta’ studenti li qed jistudjaw l-MCAST. Huwa ċar li sfida kbira għal Għawdex hi li jiġu ġġenerati biżżejjed impjiegi li jħaddmu dawn l-eluf ta’ studenti kwalifikati li ħerġin fuq is-suq tax-xogħol, sena wara l-oħra.

Fil-preżent, din l-isfida mhix tintlaqa’. Min jiggradwa, rari jsib xogħol kompatibbli mal-kwalifiċi akkademiċi tiegħu ġo Għawdex u l-uniku sbokk li spiss wieħed isib ikun f’Malta. Jekk l-iżbokk ikun fis-settur pubbliku, jitpoġġa fuq lista ta’ stennija sabiex imissu jibda jaħdem f’Għawdex. Jekk jaħdem fis-settur privat, irid jirrassenja ruħu li ma jmur qatt jaħdem Għawdex. Bosta jagħżlu li minflok ma joqogħdu jterrqu għal sigħat twal kuljum biex jaqsmu minn gżira għal oħra, jixtru post Malta. Spiss jiġri li dawn jaqtgħu l-kuntatt ma’ Għawdex u jaqsmu anqas u anqas. Qed jiġri wkoll li xi kultant, mhux biss it-tfal jispiċċaw jgħixu Malta imma anke l-ġenituri tagħhom ħalli jkunu qrib uliedhom u n-neputijiet tagħhom.

Anke l-ħajja soċjali u sportiva f’Għawdex qiegħda tiġi effetwata b’dan l-esodu. Għawdex hemm xena kulturali ferm vibranti u jeżistu bosta korijiet. Dawn spiċċaw f’pożizzjoni li ma jistgħux jagħmlu prova matul il-ġimgħa għaliex il-maġġorparti tal-koristi jew jistudjaw jew jaħdmu f’Malta. L-istess problema tolqot lill-klabbs sportivi.  ktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar Għawdex qed jispiċċa gżira tal-weekend u matul il-ġimgħa tkun mejta għal kollox.

Huwa ċar f’moħħi li sabiex Għawdex jirbaħ l-isfida li għandu, jrid jibda joħloq l-impjiegi li ż-żgħażagħ Għawdxin bil-kwalifiki li qed iġibu għandhom bżonn. Minn mindu għalqu l-fabbriki tax-Xewkija li kienu jħaddmu l-mijiet u jħallsu ferm tajjeb, ma rnexxilniex insibu xi ħaġa li tassorbi l-manodopera t’Għawdex, manodopera li qiegħda fl-istess waqt issir ferm aktar edukata u kwalifikata minn qatt qabel. Jekk din l-isfida ma tintlaqax, il-popolazzjoni ta’ Għawdex ser tibqa’ tonqos aktar u aktar, u Għawdex ser jispiċċa bħal Venezja li filwaqt li hija mimlija turisti matul il-jum, filgħaxija tkun baħħ. Wieħed jara l-kriżi t’Għawdex anke fil-fatt li llum bosta Għawdxin jippreferu li jinvestu f’Malta milli f’Għawdex għaliex hekk jaqbel. Dan qiegħed joħloq ċirku vizzjuż b’anqas u anqas investiment privat f’Għawdex u qed jaffetwa l-ħajja ekonomika tal-gżira.

Ir-risposta tal-Gvern Laburista għal din il-kriżi li ilha tinħema bil-mod il-mod kienet totalment inadekwata. Il-Partit Laburista wiegħed ħafna affarijiet f’Għawdex imma ma wettaq xejn minn dak li wiegħed. Il-proġetti li wiegħed, baqgħu wegħdiet u l-impjiegi f’Għawdex baqgħet kimera. Fil-fatt, bejn l-2013 u l-2015, in-numru ta’ Għawdxin li għandhom impjieg f’Malta żdied b’xi 600. Ir-risposta tal-Gvern Laburista għal din il-kriżi, kienet waħda: l-impjieg ta’ mijiet mal-gvern direttament jew indirettament. Spiss dawn l-impjiegi huma b’kundizzjonijiet deplorevoli, pagi baxxi ta’ madwar €600 fix-xahar bla ħlas ta’ Ħdud u festi pubbliċi doppji. Spiss qed jiġu impjegati ħaddiema ma’ kumpanija privata li mbagħad jiġu sekondati mal-gvern jew ma’ xi kumpanija pubblika bir-riżultat li jispiċċaw jitħallsu ferm anqas minn min ġie impjegat regolarment. Tiltaqa’ anke ma każijiet ta’ sfruttament ċar: impjieg li suppost hu part-time imma li jispiċċa b’erbgħin siegħa xogħol fil-ġimgħa mingħajr dritt ta’ leave jew sick leave.

Il-Gvern Laburista qed jagħmel minn kollox biex idaħħal kemm jista’ jkun nies fis-settur pubbliku, anke f’dawn l-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni. Dan hu attakk fuq is-settur privat li kellu preċedent fl-1987 meta minkejja li eluf ġew impjegati mal-gvern, il-Partit Laburista xorta tilef l-elezzjoni.  Hija tassew ħasra li wara tletin sena, il-PL reġa rrikorra għal dawn il-metodi li qed idagħjfu sew is-settur privat fil-gżira li qed jispiċċa jiddipendi fuq ħaddiema barranin u extra-komunitarji. 

Il-Partit Laburista wiegħed ħafna affarijiet f’Għawdex imma ma wettaq xejn minn dak li wiegħed. Il-proġetti li wiegħed baqgħu wegħdiet u l-impjiegi f’Għawdex baqgħet kimera

Il-Partit Nazzjonalista ma jemminx li kulħadd għandu jiddependi fuq il-gvern għal paga miżera, imma jrid li kulħadd joqgħod fuq saqajh sabiex jisfrutta l-potenzjal tiegħu kemm jista’ jkun. U dan appuntu hu l-iskop tal-ewwel manifest elettorali li qatt sar minn xi partit politiku speċifikament għal Għawdex. Mifrux fuq sittax-il kapitlu, il-manifest fih mitt proposta li huma ntiżi biex Għawdex jidfen il-kultura tal-klijentaliżmu u jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu. 

Il-PN qed jipproponi li l-istatus reġjonali ta’ Għawdex jiġi pproklamat fil-Kostituzjoni ta’ Malta.  Dan il-manifest qed jipproponi wkoll it-twaqqif ta’ Kunsill Reġjonali li ser ikun elett demokratikament. Dan il-Kunsill Reġjonali se jindirizza l-aspirazzjonijiet awtonomisti tal-Għawdxin u ser ikun il-forum fejn il-viżjoni u l-politika ta’ Għawdex ser tintiseġ. Ser ikun jista’ wkoll japplika għall-fondi Ewropej li hu kkalkulat jistgħu jammontaw sa €250m. Se jkun ukoll l-interlokutur mal-Gvern nazzjonali sabiex din il-viżjoni u politika titwettaq barra li jservi ta’ xprun għall-Ministeru għal Għawdex. Dan il-ministeru li mhux dejjem ta r-riżultati mixtieqa, u dan anke minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni minn ministeri oħrajn, ser ikollu uffiċjal f’kull ministeru sabiex jikkoordina l-ħidma bejnu u dawn il-ministeri. Qed jiġi propost ukoll li terġa’ titwaqqaf it-taqsima għall-politika u strateġija tal-Ministeru.

Possibilment waħda mill-aħjar proposti barra dik tal-Kunsill Reġjonali hi t-twaqqif ta’ Gozo Regional Development Agency sabiex tattira l-investiment lejn il-gżira u twettaq proġetti infrastrutturali. Raġuni prinċipali għat-telqa li hemm f’Għawdex hija n-negliġenza ta’ Malta Enterprise u l-predeċessuri tagħha. Sabiex din l-istruttura politika tirnexxi, huwa essenzjali li l-linji ta’ demarkazzjoni bejn il-Kunsill Regjonali, il-Ministeru għal Għawdex, il-Gozo Regional Development Agency u l-Kunsilli Lokali tiġi mmarkata sew u li dawn l-istrutturi jikkordinaw il-ħidma tagħhom.  

Li elenkajt s’issa huma biss xi wħud mill-ewwel għaxar proposti. Fost id-disgħin proposta l-oħra hemm dik li toffri €10,000 għal min jibda familja f’Għawdex. Din il-proposta qajmet ħafna tħassib fost bosta imma kulħadd għandu jserraħ rasu li ser ikun hemm salvagwardji adekwati sabiex din l-iskema ma tiġix abbużata. Proposta oħra hi li l-isptar ġenerali li spiċċa f’idejn il-Vitals Global Healthcare mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-pubbliku jerġa jiġi f’idejn pubbliċi, miżura li żgur ser togħġob lill-Għawdxin li ma niżlitilhom xejn tajjeb din il-privatizzazzjoni.

L-Għawdxin jistgħu jserrħu rashom li jekk il-PN jirbaħ l-elezzjoni li ġejja, il-gvern il-ġdid se jieħu ħsieb l-interessi tagħhom u ser iwettaq proposti ċari u li huma fattibbli. Dawn mhumiex wegħdiet fil-vojt imma proposti konkreti li huma meħtieġa sabiex iwaqfu d-deklin tal-gżira tagħna.

 

Joe Ellis huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex

More in Blogs