Ittri Il-punt Blogs

opinjoni | Proprjetà vojta

Carmel Cacopardo jgħid li fil-postijiet fejn in-numru ta' proprjetajiet vakanti hu sostanzjali m'għandhomx jinħarġu permessi ta' żvilupp għal proġetti b'numru kbir ta' residenzi

Carmel Cacopardo / 18 ta' Mejju 2017 11:25
L-aħħar ċensiment, li sar fl-2011 u li r-riżultati tiegħu kienu ppubblikati lejn l-aħħar tal-2014, kien żvela li fil-gżejjer Maltin hi biss 68.2% tal-propjetà residenzjali li hi okkupata b’mod regolari. Il-bqija hi jew vojta (18.4%) inkella użata għal villeġġatura inkella għal xi użu ieħor sekondarju (13.3%).

Jekk inħarsu lejn l-informazzjoni fuq livell ta’ reġjuni, l-affarijiet ikunu ferm iktar ċari.

L-ammont ta’ proprjetà residenzjali użata tvarja bejn 79.5% fir-reġjun tal-Punet [bejn Ħad-Dingli, is-Siġġiewi u Ħal Balzan] u 46.4% fir-Reġjun ta’ Għawdex. L-informazzjoni kollha hi miġbura fit-Tabella Nru 1. Il-proprjetà vojta min-naħa l-oħra tvarja minn minimu ta’ 16% fir-reġju tat-Tramuntana [bejn in-Naxxar u l-Mellieħa] sa massimu ta’ 23.9% f’Għawdex, kif jidher fit-Tabella Nru 2.  Fl-aħħar, il- proprjetà li hi użata għall-villeġġatura inkella għal xi użu sekondarju tvarja minn persentaġġ insinifikanti ta’ 3% fir-reġjun tal-Port Nofsinhar [Belt sax-Xgħajra, sar-Raħal Ġdid u Ħal Luqa] għall-persentaġġ sostanzjali ta’ 29.7% f’Għawdex, bir-reġjun tat-Tramuntana [bejn in-Naxxar u l-Mellieħa], b’25.9% ikun viċin ħafna, kif inhu indikat fit-Tabella Nru 3. Din l-informazzjoni nġabret mir-rapport finali taċ-Ċensiment, paġni 221 u 222.

"Il-Gvern immexxi mill-PN żied iż-żona tal-iżvilupp permezz tal-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni li biha artijiet kbar saru tajbin għall-bini. Il-Partit Laburista fil-Gvern, min-naħa l-oħra ilu 4 snin jinkoraġixxi kull xorta ta’ żvilupp"
Din l-informazzjoni tfisser li l-ammont sostanzjali ta’ 31.8% tal-proprjetà residenzjali fil-gżejjer Maltin hi vojta inkella ma tantx hi użata. Dan ifisser ukoll total ta’ 71,080 biċċa proprjetà kif stabbilit f’Novembru 2011 meta sar iċ-Ċensiment. Illum, wara iktar minn ħames snin, din iċ-ċifra hi bla dubju ikbar, probabbilment viċin it-80,000. Dan ifisser medda ta’ art madwar għaxar darbiet id-daqs ta’ B’Kara. Jiġifieri meta tiġbor flimkien dawn il-proprjetajiet kollha, dawn jammontaw daqs għaxart ibliet daqs B’Kara vojta. B’Kara hi l-lokalità bl-ikbar popolazzjoni fil-gżejjer Maltin. Dan ifisser sparparjar kbir ta’ fondi pubbliċi għax bħala minimu jfisser li l-infiq fl-infrastruttura (toroq, elettriku, ilma, drenaġġ, telekomunikazzjonijiet) għal dawn l-għaxat ibliet vojta seta, bi ftit ħsieb u għaqal ġie evitat.

Sadanittant, waqt li għandna din il-proprjetà residenzjali kollha vojta jew ftit użata, l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli għaddejja żżid mal-problema. Dan isejħulu progress kif ukoll kontribut sinifikanti għall-ekonomija. Kemm Alternattiva Demokratika kif ukoll l-għaqdiet ambjentali f’Malta semmgħu leħinhom sewwa dwar dan “l-iżvilupp” esaġerat tul is-snin. Imma l-problema xorta baqgħet tikber. Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista t-tnejn ġew jaqgħu u jqumu mill-konsegwenzi.

Flok ma indirizzaw il-problema, il-Gvern immexxi mill-PN żied iż-żona tal-iżvilupp permezz tal-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni li biha artijiet kbar saru tajbin għall-bini. Il-Partit Laburista fil-Gvern, min-naħa l-oħra ilu 4 snin jinkoraġixxi kull xorta ta’ żvilupp b’mod li l-problema kompliet tikber.

F’Marzu li għadda kelli l-opportunità li nirrappreżenta numru ta’ residenti Mostin li kienu qed jopponu applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex art f’Tad-Durumblat il-Mosta jkun deċiż kif tista’ tiġi żviluppata. Din hi waħda mill-meded kbar ta’ art, f’dan il-każ tal-qies ta’ 38,600 metru kwadru li fl-2006 b’deċiżjoni ta’ Gvern immexxi mill-PN saret tajba għall-bini. Il-Mosta għandha ammont mhux żgħir ta’ proprjetajiet vojta jew użati ftit. F’Novembru 2011 dan kien jammonta għal 19.4% tal-proprjetà residenzjali kollha fil-Mosta. Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar aċċetta l-argumenti tiegħi u rrifjuta l-applikazzjoni. B’dan il-mod, tal-inqas temporanjament, din l-art ġiet salvata minn forzi tal-qerda ambjentali.

F’din is-sitwazzjoni, Alternattiva Demokratika jidhrilha li ammont ta’ proprjetajiet vakanti f’kull lokalità għandu jkun kriterju importanti biex ikunu deċiż applikazzjonijiet għal żvilupp sostanzjali. Anke meta jkunu kkunsidrati l-artijiet li l-PN fil-Gvern daħħal fiż-żona ta’ żvilupp, m’għandux jinħareġ permess jekk fil-lokalità jkun hemm kwantità sostanzjali ta’ proprjetajiet vojta.

Wasal iż-żmien li din is-sitwazzjoni tkun indirizzata u għal dan l-iskop il-manifest elettorali ta’ Alternattiva Demokratika qiegħed jagħmel din il-proposta speċifika: f’dawk il-lokalitajiet fejn in-numru ta’ proprjetajiet vakanti hu sostanzjali ma jinħarġux permessi ta’ żvilupp għal proġetti li jipproponu l-bini ta’ numru kbir ta’ residenzi addizzjonali. Dan għandu jkun l-ewwel pass biex tkun indirizzat il-problema tal-ammont kbir ta’ bini vojt fil-gżejjer Maltin kif ukoll tal-bini esaġerat li għaddej madwarna.   

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com

 


Reġjun


Nru             


%


Port. Nofsinhar


29107


75.9


Port. Tramuntana


46181


72.9


Xlokk


22279


71.6


Punent


19584


79.5


Tramuntana


23989


58.1


Għawdex/Kemmuna  


11630


46.4


 

Tabella 1: Proprjetà okkupata skont ir-reġjun   

 


Reġjun


Nru             


%


Port.Nofsinhar


1113


  3


Port.Tramuntana


6650


10.5


Xlokk


3294


10.6


Punent


633


2.6


Tramuntana


10692


25.9


Għawdex/Kemmuna


7444


29.7


 

Tabella 2: Proprjetà użata għall-villeġġatura jew għal xi użu sekondarju, skont ir-reġjun

 


Reġjun


Nru             


%


Port.Nofsinhar


8126


21.2


Port.Tramuntana


10556


16.7


Xlokk


5552


17.8


Punent


4420


17.9


Tramuntana


6582


16.0


Għawdex/Kemmuna 


5996


23.9


 

Tabella 3 : Proprjetà  vakanti skont ir-reġjun

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook