opinjoni | Għażla waħda ċara kristall!

L-opinjonista Manuel Micallef jgħid kif it-tħabbira tal-elezzjoni 'qabdet lill-PN fuq sieq waħda' waqt li 'l-PL huwa preparat bi proposti konkreti'

Il-ġurnata minn kmieni turi. Għaddiet ġimgħa mill-bidu tal-kampanja elettorali u diġà nistgħu nagħmlu ċertu konklużjonijiet.

Bla dubju din se tkun kampanja qasira imma qalila. L-għażla li għandna quddiemna hija waħda ċara kristall: jew Joseph Muscat inkella Simon Busuttil & Co. Jew il-pajjiż jibqa miexi ’l quddiem bir-ritmu li qabad fl-aħħar erba’ snin inkella nżommu l-brejkijiet jekk ma nagħfsux ir-reverse.

Mal-ewwel ġimgħa l-Partit Laburista diġà wera li huwa ppreparat u għandu proposti konkreti. Maħsubin, maħdumin u kkalkulati u li fuq kollox huma fattibli. L-aħbar ta’ iktar tnaqqis fit-taxxi u l-piżijiet tal-familji, iż-żidiet fil-pagi u fl-opportunitajiet tal-impjiegi u ż-żidiet fil-pensjonijiet kif ukoll il-pjan ta’ titjib fl-infrastruttura tat-toroq niżlu tajjeb ħafna mal-elettorat u juru li l-għajta tal-Partit Laburista li l-aqwa żmien għall-pajjiżna għadu ġej hija waħda sinċiera u li qiegħda fuq l-għatba biex titwettaq.

Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista deher ċar li bit-tħabbira tad-data tal-elezzjoni ġenerali inqabad fuq sieq waħda. L-ewwel jiem kienu karatterizzati minn retorika politika li ilna nisimgħu matul l-aħħar erba’ snin. Għajta mibnija fuq spekulazzjonijiet ta’ tixħim u korruzzjoni u tieqaf hemm. L-istrateġija tan-nazzjonalisti hija waħda li tixħet it-tajn u tnissel is-suspetti u d-dubji bit-tama li xi ftit tajn jeħel u d-dubju jista’ jibqa’ fl-imħuħ tan-nies. Proposti konkreti u fattibli ma smajna xejn.

Li tgħid li se ssaħħaħ l-istituzzjonijiet kostituzzjonali tal-pajjiż wara kampanja ta’ tmaqdir u kritika ħarxa kontra l-istess istituzzjonijiet u min imexxihom iwassluk biex tagħmel iktar mistoqsijiet milli ssib is-soluzzjonijiet. Fuq dan ukoll il-PN m’għandux il-kredibilta’ li takkwista l-fiduċja tal-poplu.  Li trid li l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar bid-due terzi fil-parlament però’ jekk dan ma jkunx possibli jinħatar mill-gvern u sakemm isir dan jinħatar kummissarju tal-pulizija direttament mill-gvern tagħmel l-istess proposta waħda nejja u nieqsa minn kull serjetà. L-istess dwar il-proposta li minn se jmur jgħix Għawdex se jingħata somma ta’ għaxart elef ewro. Proposta fjakka għall-aħħar. La nafu min se jibbenefika minn din l-offerta. La nafu kemm se tiġi tiswa. Lanqas nafu x’impatt se tħalli fuq l-ekonomija għawdxija. Meta mistoqsi l-Kap tal-PN qal li skont id-drapp infasslu l-libsa u d-dettalji jingħataw 100 jum wara li tiddaħħal. Kummiedja mibnija fuq il-falzita’!

Jgħid li jrid it-trasparenza u l-onestà fil-politika mbagħad jinnegozja deals ma’ negozjanti biex jieħu flus kbar għall-partit u jiddikjarahom f’dokumenti foloz! U jibqa’ ma jippublikahomx

Meta wieħed jisma’ dawn l-hekk imsejħa proposti iktar jibda jħokk rasu u jgħid kif il-PN qed iwiegħed li se joħroġ b’iktar minn manifest elettorali wieħed! Il-Kap tal-PN ma rnexxielux jibni partit li jista’ joffri alternattiva għall-gvern preżenti. Għalhekk ried isib mezz kif jaħbi dan il-fatt u talab lil Marlene Farrugia biex tkun forcina. It-talba għamilha lil ħaddieħor ukoll imma dawn kienu intelliġenti biżżejjed li ma jħallux min jinqeda bihom għall-iskopijiet ta’ moħħu! Sal-lum għadna ma nafux x’se jkun ir-rwol tal-Partit Demokratiku mal-PN u jekk hux se jkun l-uniku partit li għall-elezzjoni ġenerali lanqas biss għandu manifest elettorali. Bir-raġun wieħed jasal biex jgħid li din hija koalizzjoni ta’ konfużjoni. Poġġew ħdejn xulxin mhux għax għandhom l-interess nazzjonali u l-ġid tal-poplu imma għax għandhom grudge personali kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-PN bil-palata tal-PD ilhom li imbarkaw fuq kampanja li effettivament tista’ twassal biex tiddistabilizza lill-pajjiż u taljena lill-poplu mill-ġid kollu li ħoloq dan il-gvern fi żmien relattivament qasir. Għalihom ma jinteressahomx x’jiġri wara imma l-importanti li jieħdu l-poter biex iqaċċtu lil Joseph Muscat minn Kastilja. Il-Kap tal-oppożizzjoni spiċċa jagħmel l-akkużi hu, jiġġudikahom hu u jagħti s-sentenza hu. Simon Busuttil ma kienx kapaċi jmexxi l-partit tiegħu u għalhekk dar għal forcina. Ma kienx kapaċi jħejji ruħu għal kampanja elettorali aħseb u ara kemm huwa mħejji biex imexxi gvern. Tant huwa hekk li spiċċa li l-unika karta li għandu hija l-akkużi ta’ korruzzjoni li ħarġet bihom Caruana Galizia. Akkużi li kienu karatterizzati minn nuqqas ta’ provi konkreti. Fejn ixomm id-duħħan jgħid li nħaraq bin-nar! Mhux biss imma waqt li jgħid mod jagħmel mod ieħor. Jgħid li jrid it-trasparenza u l-onestà fil-politika mbagħad jinnegozja deals ma’ negozjanti biex jieħu flus kbar għall-partit u jiddikjarahom f’dokumenti foloz! U jibqa’ ma jippublikahomx. Addio l-kredibiltà anke fuq governanza tajba.

Anke fid-diskorsi toħroġ id-differenza. Filwaqt li Simon Busuttil irid iqaċċat l-irjus u jitfa’ n-nies il-ħabs skont is-sentenzi li jaqta’ hu, Joseph Muscat irid l-għaqda fost il-poplu u minkejja l-attakki kontinwi kontrih u familtu jibqa’ jisħaq fuq is-serenità u t-tolleranza.

L-elezzjoni mhux se tintrebaħ bil-voti tal-fanatiċi jew l-akkaniti tal-partiti. Tintrebaħ bil-voti ta’ min għandu rasu fuq għonqu u ma jinġibidx bl-ispag. Għal dawn l-għażla hija ċara. Fuq naħa għandek Gvern li ħadem u stinka biex biddel il-pajjiż għall-aħjar u waqt li jametti fejn żbalja joħroġ b’iktar proposti konkreti u innovattivi u Partit li mhux imħejji u jrid minn ħaddieħor biex saħansitra jikkontesta elezzjoni ġenerali.

Konvint li erba’ ġimghat oħra l-poplu se jivvota bi ħġaru biex l-aqwa żmien ta’ pajjiżna ngħixuh tassew.   

Manuel Micallef huwa opinjonista regolari fuq il-gazzetta ILLUM

More in Blogs