opinjoni | Għażla Delikata

Il-kandidat Nazzjonalista Joe Ellis jgħid kif l-elezzjoni bikrija wriet sinjal ta' dgħufija mill-Prim Ministru

Tlaqna. Nhar it-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru saffar is-suffara u ħabbar illi kien ser jagħti parir lill-President ixxolji l-Kamra u ssejjaħ elezzjoni fit-3 ta’ Ġunju 2017.  B’hekk, il-leġislatura ġiet xolta kważi sena qabel it-terminu naturali tagħha u tnediet kampanja elettorali qasira.

Kulħadd jaf għala ssejħet elezzjoni bikrija. Il-gvern ma sofra l-ebda telfa fil-parlament u baqa’ jgawdi maġġoranza b’saħħitha ta’ 5 siġġijiet. Ir-raġuni waħdanija illi ssejħet l-elezzjoni hi illi l-Prim Ministru Muscat ħass illi l-pożizzjoni tiegħu qiegħda tiġi mhedda bl-allegazzjonijiet illi kienu qed isiru illi l-kumpanija sigrieta Egrant hija tal-mara tiegħu. Għaddejja inkjesta maġisterjali fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet, inkjesta illi talabha l-istess Prim Ministru.  Nafu wkoll illi nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra marret tixhed quddiem il-maġistrat inkwirenti l-persuna ta’ nazzjonalità Russa illi kienet is-sors ta’ dawn ir-revelazzjonijiet.  Il-Prim Ministru żgur jaf kemm dawn ir-revelazzjonijiet qegħdin inaqqrulu mill-appoġġ. Probabbilment iġġudika illi jekk itawwal, ikun qed jirriskja illi jitlef aktar appoġġ u illi jinkixfu affarijiet ġodda illi jistgħu jagħmlulu aktar ħsara. U għaldaqstant, iddeċieda illi jmur għand il-poplu sabiex jikkonfermah fil-kariga.

Erba’ ġimgħat oħra nkunu nafu jekk l-azzar tal-Prim Ministru tahx ir-riżultat mixtieq jew le. Imma l-għażla illi jmur għall-elezzjoni ġġib magħha riskji kbar ukoll. Minkejja illi l-istħarriġ tal-opinjoni jistgħu qegħdin jagħtu vantaġġ lill-Partit Laburista, it-tali stħarriġ għandu jiġi interpretat b’kawtela estrema. Bħala kandidat nazzjonalista li llum għamiltha ma’ ħafna nies, nista’ nikkonferma kemm għad hawn biża’ fil-pajjiż. Bosta joqogħdu lura milli jidhru f’attività politika jew illi jakkumpanjaw kandidat waqt il-“house visits” minħabba illi jibżgħu b’riperkussjonijiet fuq ix-xogħol għalihom jew għal uliedhom. Hemm min anke ma jmurx “coffee morning” ta’ kandidat jew jippreferi illi d-donazzjoni tiegħu tibqa’ anonima minħabba l-biża’ ta’ riperkussjonijiet.  Jekk dan il-biża’ hux ġustifikat jew le, ma nafx imma l-wirt tal-Partit Laburista f’dan ir-rigward hu tassew tqil. Bosta għadhom jiftakru minn xiex għaddew fis-snin sebgħin u tmenin u jippreferu joqogħdu pass lura. Hu x’inhu l-każ, wieħed jiddubita kemm dawn it-tip ta’ nies ser iwieġbu sew meta xi ħadd anonimu jċemplilhom u jistaqsihom lil min ser jivvutaw.

L-għażla illi tissejjaħ elezzjoni f’dan il-mument probabilment ma tantx kienet mixtieqa mill-Partit Nazzjonalista illi għadu ma akkwistax is-saħħa organizzativa illi kellu. Imma l-mument jista’ jkun mhux daqshekk infeliċi għall-PN. Il-bażi nazzjonalista hija fil-mument tassew motivata wara l-allegazzjonijiet illi saru.  Dana deher ċar fl-aħħar maratona illi organizza l-partit illi fi kwistjoni ta’ ftit sigħat u b’avviż tassew minimu, ġabret is-somma ta’ €275,000. L-atmosfera kienet totalment differenti minn dik tal-maratona preċedenti tal-bidu ta’ Marzu. Il-parteċipazzjoni pubblika fil-manifestazzjonijiet pubbliċi tal-PN huwa wkoll xhieda ta’ dan.

Il-fatt illi l-kampanja hija qasira jista’ wkoll jiffavorixxi lill-PN illi għandu ferm anqas riżorsi finanzjarji milli għandu l-PL.  Kieku l-kampanja kienet itwal, il-PL kien żgur jisfrutta l-vantaġġ finanzjarju illi għandu mentri kif inhuma l-affarijiet, probabilment illi tali vantaġġ mhux ser jinħass daqshekk.

Hu x’inhu l-każ, din l-elezzjoni bikrija ma kinetx meħtieġa legalment u l-anqas ser issolvi xejn. Il-fatt illi l-Prim Ministru sejjaħha f’dan il-mument huwa sinjal ta’ dgħufija, sinjal li qed jibża’ illi l-pożizzjoni tiegħu ser tiġi mminata bl-allegazzjonijiet illi qed isiru. Qed bla dubju jistenna illi jekk ikollu rebħa elettorali, ikun jista’ jinjora dawn l-allegazzjonijiet u jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu. Imma l-affarijiet ma għandhomx u ma jistgħux jaħdmu hekk. Jekk fl-inkjesta illi qiegħda ssir, u l-inkjesta l-oħra illi issa nafu illi trid tinfetaħ fir-rigward tal-allegazzjonijiet separati tal-kap tal-oppożizzjoni illi Keith Schembri rċieva €100,000 minn kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna wara l-bejgħ ta’ tliet passaporti lil Russi, jikkonkludu illi jridu jinbdew proċeduri kriminali, ir-riżultat tal-elezzjoni mhu ser ikun sewa għal xejn. Għax hu tassew inkonċepibbli illi jinbdew tali proċeduri kriminali kontra persuni ferm qrib tal-Prim Ministru u l-Prim  Ministu ma jerfax ir-responsabilità politika tiegħu. 

Fit-toroq tiltaqa’ ma’ numru akbar ta’ nies illi qed jaħilfu illi mhumiex ser jerġgħu jivvutaw PL għal xi raġuni jew oħra. Huwa ċar illi din id-darba l-PL l-aktar illi ser jaffaċja l-problema biex joħroġ in-nies tiegħu jivvutaw

Għaldaqstant, huwa ċar daqs il-kristall illi dina l-elezzjoni mhi ser issolvi xejn fir-rigward tal-kriżi istituzzjonali illi rriżultat wara l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fuq skala bla preċedent illi saru.  Għaliex minkejja illi allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni qatt ma naqsu, ma niftakar qatt allegazzjoni illi fil-kont ta’ kumpanija illi allegatament hija kkontrollata minn mart il-Prim Ministru daħlu f’okkażjoni waħda aktar minn $1m u saru pagamenti regolari ta’ $100,000 minn kumpanija ta’ bint id-dittatur tal-Ażerbajġan, Alijev. Il-fatt illi Malta xtrat (u forsi għadha tixtri) iż-żejt mill-Ażerbajġan b’telf ta’ €14 m u illi Malta ser tixtri l-gass għal 18-il sena minn dan il-pajjiż u illi terz tal-power station il-ġdida tal-Electrogas hija tal-kumpanija taż-żejt ta’ dik il-pajjiż jagħtu aktar piż lil dawn l-allegazzjonijiet. 

Fl-opinjoni tiegħi, l-elezzjoni ser tiġi deċiża minn żewġ faxex speċifiċi tal-elettorat. Fl-ewwel lok, wieħed irid jara kif ser jivvutaw dawk li tradizzjonalment ivvutaw lill-PN imma fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-PL jew ma vvutawx.  Huwa ċar illi l-PN irkupra numru mhux ħażin ta’ votanti minn din il-faxxa imma mhux neċessarjament biżżejjed sabiex ikollu l-maġġoranza. Bosta minn dawn l-hekk imsejħa switchers jistgħu jagħżlu illi jerġgħu jivvutaw lil PL għax marru tajjeb ma’ dan il-gvern u jinsabu tajjeb ekonomikament. Dawn jiġu jaqgħu u jqumu mill-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li qegħdin isiru ladarba huma qegħdin sew. Oħrajn jistgħu jiddeċiedu illi ma jivvutawx għaliex għalkemm diżappuntati mill-gvern preżenti, għadhom imweġġgħin b’xi azzjoni li saritilhom fi żmien il-PN.

Il-faxxa l-oħra hija dik ta’ dawk illi vvutaw lill-PL fl-2008 u fl-2013 u llum huma disillużi b’dan il-gvern. L-istħarriġ tal-opinjoni konsistentement juru illi 3% tal-elettorat illi fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ivvutaw PL, issa ser jivvutaw PN.  U fit-toroq tiltaqa’ ma’ numru akbar ta’ nies illi qed jaħilfu illi mhumiex ser jerġgħu jivvutaw PL għal xi raġuni jew oħra. Huwa ċar illi din id-darba l-PL l-aktar illi ser jaffaċja l-problema biex joħroġ in-nies tiegħu jivvutaw.

Jiena nawgura illi ftit tassew ikunu dawk illi ma jmorrux jivvutaw. Il-vot mhuwiex karta tal-kreditu illi tintitolak tieħu dak kollu illi tixtieq. Imma huwa ċ-ċavetta biex kull ċittadin jagħżel min jista’ jmexxi fl-aħjar interess tal-ġid komuni u mhux biex jimla butu. 

Kif spjegajt lil wieħed anzjan fil-pjazza tal-Qala din il-ġimgħa illi wera li ma kellux fiduċja f’ħadd fil-kamp politiku, il-progress enormi li dan il-pajjiż għamel wara l-Indipendenza sar bil-ħidma ta’ politiċi minn kull naħa. M’għandniex nassumu illi dan il-progress dejjem ser jibqa’ sostnut u għalhekk, l-għażla fl-elezzjoni li ġejja hija għal darb’oħra daqshekk importanti. Hi għażla bejn gvern illi ftit li xejn qed juri viżjoni għall-futur u jaġixxi qisu għada mhu ser jitfaċċa qatt u oppożizzjoni illi qed toffri viżjoni ta’ tmexxija aktar nadifa u ta’ investiment pubbliku illi dan il-gvern naqas illi jwettaq.

F’din l-elezzjoni, l-elettorat irid jagħżel ukoll liema partit jista’ jiggarantixxi il-futur ekonomiku ta’ Malta. Il-gvern għandu l-vantaġġ illi ġeneralment il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna hija pożittiva imma dan ma jfissirx illi kulħadd qed igawdi l-istess minnha. Barra minn hekk, wieħed irid iżomm f’moħħu illi l-qagħda ekonomika attwali hija r-riżultat ta’ bosta fatturi eċċezzjonali illi mhux neċessarjament ser jibqgħu fis-seħħ. Fuq kollox, wieħed irid jiftakar illi gvern maħkum b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni qajla hu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jattira l-investiment barrani u jiddefendi s-settur finanzjarju tant importanti mill-pressjonijiet illi qed isirulu minn bosta bnadi.  

L-għażla illi l-elettorat għandu quddiemu hija tassew delikata u għaldaqstant, hu fid-dmir illi jirrifletti sew qabel ma jagħmilha.

More in Blogs