Huwa minnu li 'Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ?'

David Pace jemmen li min ilissen dawn il-kliem qatt ma kellu esperjeza ta’ tbatija vera u minflok ma’ jagħlqu ħalqhom, ilissnu platitudnijiet li ħafna drabi jkomplu jkabbru l-ġerħa tat-tbatija...

Xtaqt nieħu spunt mill-artiklu li ġie ppubblikat minn Marilyn Bellizi msejjaħ “Għaliex tbatija Mulej?” ftit jiem ilu f’din il-gazzetta stess għaliex il-problema tat-tbatija u l-mod kif inhi ttrattata mir-reliġjon Kattolika dejjem ħawwadni.

Irid nibda billi ngħid li mindu kont żgħir xbajt nisma’ l-għidut li “Alla ma jagħtikx aktar milli tiflaħ!” Kienu jgħiduhieli tal-Museum, qassisin u anke lajċi devoti, iżda meta kont inħares madwari kont nara kemm mhijiex vera.

Kont naf familja bir-raġel qed imut bil-lewkimja u t-tfal morda wkoll, u l-omm bil-kalmanti tipprova żżomm familja mkissra flimkien. Familja oħra kienet ilha tipprova għat-tfal u meta tweldilha wild indunaw li għandu spina bifida u se jqatta’ ħajtu mgħawweġ granċ f’siġġu tar-roti, u biex tgħaxxaqha ftit wara mititlu ommu bil-kanċer tas-sider, u missieru kważi ġġennen.

Nista’ nibqa’ għaddej b’eżempji bħal dawn li lili dejjem ħallewni bla nifs u bla fidi, u dejjem kont inħoss għal min kien verament jemmen u kellu joqgħod għall-paroli fil-vojt li kienu jgħidulu r-reliġjużi biex mingħalihom jiġġustifikaw it-tbatija tremenda li jkunu għaddejjin minnha dawn in-nies. Kien jidher ċar li min kien ilissen dawn il-kliem qatt ma kellu esperjeza ta’ verament xi tfisser tbatija u minflok ma’ jagħlqu ħalqhom, ilissnu platitudnijiet li ħafna drabi jkomplu jkabbru l-ġerħa tat-tbatija.

Mela diġà tajt żewġ eżempji ta’ kemm l-argument li “Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ” huwa falz u peress li għamilt ħafna żmien naħdem l-isptar nista’ nagħti pataflun ieħor t’eżempji, però rridkom tiftakru wkoll li f’din id-dinja vasta kuljum hemm xi Nisrani (jew Kattoliku) qed imut bil-ġuħ, bil-mard qattiel, b’diżastri naturali, epidemiji, kankri, faqar, gwerra, mard mentali u elf ħaġa oħra li bilfors iġegħluna nistaqsu għalfejn Alla ma jaqbadx u jneħħi din it-tbatija kollha. Fil-fatt, din mistoqsija valida li nixtieq inħalliha għal darb’oħra għax fiha ħafna x’tixtarr u lllum nippreferi nikteb fuq l-għidut li “Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ!” u r-raġunijiet għalfejn nibqgħu ngħiduha.

Nifhem li min jgħidha jkun qed jipprova jagħti s-sapport, iżda naħseb li ħafna nies ma jafux minn fejn ġiet din il-frażi. Bħal kull aspett teoloġiku tar-reliġjon Kattoliku m’hemmx risposta waħda ċara. Jidher li hemm idea ġenerali li jekk tistaqsi lil Alla jaqlagħlek grazzja u jagħtihielek u dawn nistgħu narawhom f’diversi partijiet mill-Bibbja bħal:

  • [Mt:7:8] Għax kull min jitlob, jaqla', min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.
  • [Mt:17:20] Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, 'Warrab minn hawn u mur hemm', u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir."
  • [Mk:11:24] Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġà qlajtuh, u jingħatalkom.
  • [Ġw:14:14] Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f'ismi, jiena nagħmilha.

Bħalma tistgħu timmaġinaw, inkitbu studji u kotba sħaħ dwar eżattament xi jfissru dawn il-kwotazzjonijiet però naħseb li tapprezzaw li kollha juru li jekk il-fidili jitolbu lil Alla dan jilqa’ x-xewqat tagħhom.

Minkejja li naħseb li wrejt b’diversi eżempji ċari li l-platitudni “Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ!” mhijiex korretta, żgur li se jkun hemm Kattoliċi apoloġisti li jipprovaw isibu x-xagħra fl-għaġina ħalli jduru madwarha u jipprovaw jiġġustifikawha.

Bl-apoloġisti Kattoliċi rrid infisser dawk it-teologi li xogħolhom hu li jiddefendu l-fidi Kattolika (jew Kristjana) jew li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi aktar serji li jitfgħu dubji fuq id-duttrina u d-domma tagħhom. Ħa nagħti ftit eżempji.

  • Il-problema tal-ħażen u l-mod kif r-reliġjon Kattolika tinsisti li dak kollu tajjeb ġej mill-imħabba t’Alla u l-pjan perfett tiegħu, filwaqt li jinsistu li m’għandniex inwaħħlu fih għall-ħażen li hawn għax dak it-tort tagħna tad-dnub oriġinali li għamlu Adam u Eva fil-Ġenna tal-Art.
  • Biex inkomplu fuq il-problema tal-ħażen ma nistgħux ma nistaqsux għalfejn Alla li hu omnipotenti (għandu l-poter jagħmel kollox) u omnixxenti (għandu l-poter li jaf kollox), ma jagħmel xejn biex jgħin lil dawk il-miljuni li qed ibatu minn diżastri naturali.
  • Ma nistgħux ma nsemmux il-morali li skont ir-reliġjon Kattolika dawn ma jinbidlux, huma universali u ġejjin minn Alla, iżda l-apoloġisti jippruvaw jinjoraw is-sapport li Alla jagħti fil-Bibbja favur l-iskjavitu, il-ġenoċidji fl-Antik Testment, il-massakri ta’ popli sħaħ, it-tħaġġir tal-prostituti, is-saħta u l-qtil ta’ min jaħdem fil-jum tal-mistrieħ u tant affarijiet oħra.

 L-istess apoloġisti tal-Knisja Kattoliku jħobbu jużaw difiża oħra dwar l-għidut li “Alla qatt ma jagħtikx aktar milli tiflaħ!” Huma jsostnu li anke jekk tkun għext ħajja mimlija tbatija, trid tiftakar li fil-ħajja l-oħra wara l-mewt kollox se jkun irranġat. Minkejja li m’hemmx garanzija li persuna jekk tmut se tieħu l-premju ta’ dejjem (għax tista’ tmur l-infern skont ir-reliġjon Kattolika) hemm il-fatt li persuna tkun xorta tħalliet tiġi ttorturata matul ħajjitha b’tbatijiet diversi meta Alla suppost ħanin, ta’ mħabba bla qies u ġust seta’ faċilment neħħa din it-tbatija kollha b’sempliċiment ċaqlieqa ta’ subgħu ż-żgħir?

mara li qabadha l-kankru tliet darbiet ... staqsiet lir-reliġjuż għaliex reġa’ qabadha l-kankru, dan b’ton iebes qalilha li sinjal li ma kellhiex fidi biżżejjed

Forsi l-aktar ħaġa li turtani u ddejjaqni f’din il-kwistjoni kollha ta’ “Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ!” hi li ma din is-sentenza, r-reliġjużi dejjem iżidu jekk “għandek fidi biżżejjed’.

L-aktar episodju li qatt qallagħni seħħ meta kont qed niddibatti suġġett reliġjuż fuq programm popolari televiżiv snin ilu u tkellmet mara li qabadha l-kankru tliet darbiet, u kien jidher ċar li kienet mara devota u temmen, u meta staqsiet lir-reliġjuż għaliex reġa’ qabadha l-kankru, dan b’ton iebes qalilha li sinjal li ma kellhiex fidi biżżejjed. 

Din għalija kienet biċċa krudeltà u verament iddispjaċieni meta l-mara mietet ftit ġimgħat wara u kont ċert li marret id-dinja l-oħra mimlija dubji li ma kenitx Kattolika tajba minflok bit-trankwiltà li persuna li batiet daqshekk kien jistħoqqilha.

U nispiċċa b’din.

Li twaħħal f’xi ħadd li l-mard li għandu huwa t-tort tiegħu minħabba li m’għandux fidi biżżejjed hija nuqqas kbir t’imħabba lejn il-persuna, l-aktar jekk tkun taf li qiegħda tmut; u din hija l-problema tal-għidut li “Alla qatt ma jagħtik aktar milli tiflaħ!” Mhijiex vera, hija qarrieqa u tispiċċa tweġġa’ lil min hu diġà muġugħ; u dan mhux sewwa.

More in Blogs