Niċċelebraw id-differenza...insostnu dak li hu tagħna

L-Editorjal tal-ILLUM għall-Għid il-Kbir

Għażliet importanti għandna din id-darba | Karikatura ta' Mikiel Galea
Għażliet importanti għandna din id-darba | Karikatura ta' Mikiel Galea

Illum id-dinja Kattolika tiċċelebra l-akbar festa, il-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-mewt. Hija l-akbar festa għax mill-madwar 300 domma li fuqhom mibnija l-fidi Kattolika din hija l-aktar waħda importanti. Mingħajr il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu, il-fidi Nisranija titlef is-sinifikat tagħha għax hija l-fidi li temmen illi wara l-mewt hemm il-ħajja mill-ġdid, il-ħajja ta’ dejjem.

Lil hinn minn dak li huwa strettament marbut mal-fidi, illum pajjiżna flimkien ma’ tant pajjiżi oħrajn jiċċelebra din il-ġurnata b’kulur, ferħ u tradizzjonijiet li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra għal tant snin.

Lokalment, il-figolli mimlijin bl-intrita tal-lewż, il-bajd taċ-ċikkulata, id-daqq tal-qniepen mal-glorja fil-Quddies tas-Sibt filgħaxija u l-qofol: il-festa f’diversi bnadi tal-pajjiż dalgħodu, bil-baned, kulur, ferħ u l-istatwi tal-Irxoxt. Dawn mhumiex affarijiet u karatteristiċi li bdew illum, dawn tradizzjonijiet li ilhom jintirtu snin twal u li għalhekk huma xhieda ħajja ta’ min hu u x’inhu l-poplu Malti. Ta’ fejn kien u fejn sejjer.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid fil-fatt, bħal ċelebrazzjonijiet oħrajn speċjalment dawk reliġjużi, jiddistingwuna bħala l-poplu uniku li aħna. L-istorbju, ix-xalar, is-sobrjetà tal-funzjonijiet reliġjużi, id-damask li jżejjen it-tempji reliġjużi, ir-Rumani u l-karattri Bibbliċi li rajna fit-toroq jumejn ilu, l-esebizzjoni ta’ kull Ġimgħa l-Kbira, il-karamelli tal-ħarrub, iċ-ċuqlajta, il-palm, il-presepji...insomma nistgħu nelenkaw lista ma tispiċċa qatt. Dan huwa dak li jagħmilna Maltin u dan huwa dak li aħna jeħtieġ ngħożżu u nirriklamaw lil hinn minn pajjiżna.

M’għandniex nistħu jew niddejqu mill-kultura predominentament Kattolika ta’ dan il-pajjiż. Lanqas għandna niċħduha, għax il-mument li niċħdu illi pajjiżna jaf il-wirt kulturali rikk tiegħu lill-Knisja Kattolika, inkunu armejna f’landa taż-żibel snin u deċenji ta’ storja. Min jarmi l-istorja u min jarmi l-għeruq tiegħu jintilef u jitlef it-triq.

Naturalment, dan kollu ma jfissirx li għandna nibżgħu mid-diversità. Minnha nnifisha d-diversità kulturali u reliġjuża tista’ tkun għodda illi biha nsiru aktar sinjuri, fl-għerf u fit-tolleranza. Il-fatt li għeruqna huma sodi fil-ħamrija Kattolika, Ewropea ma jfissrx li għandna nċaħħdu lil ħaddieħor madwarna li huwa differenti. Għax meta nagħmlu dan ukoll inkunu qed nitilfu triqitna bħala pajjiż.

Hija xi ħaġa mill-isbaħ jekk illum ma jkunux biss il-Kattoliċi, imma wkoll dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha, ta’ kull kulur, kull twemmin u kull ideoloġija li jiċċelebraw mument ieħor fis-sena li jgħaqqadna u jġibna flimkien. Hija xi ħaġa sabiħa jekk aħna u mexjin fit-toroq mimlijin ħajja u ferħ, insellmu lill-barrani, lill-Ewropew, Afrikan jew Ażjatiku li flimkien magħna jkun qed jiċċelebra l-għeruq ta’ dan il-pajjiż.

Għax meta flimkien nitgħallmu niċċelebraw għeruqna u meta flimkien nitgħallmu niċċelebraw id-differenzi tagħna u l-fidi li sawritna, inkunu tgħallimna ngħixu flimkien.

L-Għid hija festa reliġjuża, imma ħafna iktar minn hekk ukoll. Hija wieħed mis-simboli ta’ Malta, ta’ fejn sejjer dan il-poplu, tat-tradizzjonijiet li nawguraw li jibqgħu jissaħħu u jagħtu lil dan il-poplu ċkejken, identità mill-isbaħ.

More in Blogs