Il-filmat tal-fellatio

Il-ġimgħa li għaddiet, il-portali u l-qarrejja tagħhom kellhom festa b'każ ‘tajjeb’ u lokali, hekk kif tfaċċa fimat ta’ tfajla waqt li kienet għaddejja b’fellatio liebsa l-uniformi tax-xogħol... u fost il-poplu qam paniġierku sħiħ...

Hemm min sejjaħ is-soċjetà tal-punent fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin bħala ‘hypersexual society’, jiġifieri soċjetà li l-ħin kollu toħloq diskorsi dwar is-sess u s-sesswalità u li dan it-tip ta’ diskors jinfiltra f’kull qasam tal-ħajja. Fil-ktieb tiegħu A Hypersexual Society, maħruġ fl-2008, Kenneth Kammeyer iħares lejn is-soċjetà Amerikana u jara kif id-diskors dwar is-sess ma sarx jinstab biss fl-erotika u l-pornografija – żewġ oqsma li t-tixrid tagħhom sar ħafna aktar faċli u wiesa’ minn qatt qabel – imma tista’ tgħid f’kull qasam soċjali li wieħed jista’ jimmaġina, inkluża l-akkademja, it-terapija, ir-reklamar u, insomma, kollox. It-teżi ta’ Kammeyer, bażikament, hija li s-soċjetà Amerikana tal-lum hija ossessjonata b’dak kollu li huwa marbut mal-ħajja sesswali tan-nies. Dak li kiteb Kammeyer ġie addottat minn osservaturi oħrajn biex jiġu analizzati soċjetajiet oħrajn minbarra dik Amerikana.

Ġigġifogu sħiħ ta’ messaġġi kkuluriti: uħud minnhom isemmu lil Richard; oħrajn janalizzaw l-angoli u r-ritmu tal-fellatio; oħrajn jitkażaw kif dil-mara wettqet dak li wettqet (u biex tagħqad fil-karozza); oħrajn jitħassar lil dil-koppja għax dawn saru vittmi

Jekk wieħed janalizza dak li qiegħed jinkiteb u jixxandar fil-gazzetti u l-portali lokali ma jridx wisq biex jibda jersaq lejn it-teorija ta’ Kammeyer. Spiss, tassew spiss, tara ‘servizzi’ fuq il-gazzetti Maltin online, bi stejjer li jirrigwardaw is-sess. Is-sabiħa hi li dawn l-istejjer lanqas ma jkunu ġraw f’Malta u allura wieħed jibqa’ perpless għala dawn il-gazzetti u portali jkunu indenjaw irwieħhom itellgħu aħbarijiet bħal dawn. Mhux talli hekk, talli ħafna drabi d-deskrizzjonijiet li jingħataw huma tant grafiċi li tibda – bilfors – tistaqsi x’inhu eżattament il-mottiv li jittellgħu artikli bħal dawn. Donnu li hemm xi imxija fost il-portali, għax din il-manija li jittellgħu stejjer dwar is-sess ħakmithom ilkoll, anki jekk is-sintomi jistgħu jidhru differenti.

Issa, fl-aħħar, il-ġimgħa li għaddiet, il-portali (u l-qarrejja tagħhom) kellhom festa festun hekk kif tfaċċa każ ‘tajjeb’ u fuq kollox każ kollu kemm hu lokali. Minn imkien tfaċċa video ta’ tfajla waqt li kienet għaddejja b’fellatio liebsa l-uniformi tax-xogħol, filmat li mid-dehra nġibed mir-raġel li kienet miegħu stess u, mid-dehra, kien miġbud fuq ċellulari li ġralu l-ħsara u ttieħed għat-tiswija. Mid-dehra wkoll, ħafna kellhom l-opportunità jaraw dan il-filmat ta’ dan l-att sesswal li wieħed mill-portali, aktarx għax b’tendenzi konservattivi, sejjaħlu “atti sesswali illeċiti” (?).

Imbagħad bdiet il-festa. Kien hemm min ħa gost jara ’l dit-tfajla imma ħareġ isejħilha maħmuġa. Kien hemm oħrajn li ma ħadux gost b’li qagħdu jaraw u wkoll sejħulha maħmuġa. Kien hemm min ma rax il-filmat u xorta sejħilha maħmuġa. Imbagħad bdew ifaqqsu r-rapporti fuq il-portali, b’ritratti tat-tfajla bil-wiċċ imżelleġ u b’dettalji ta’ x’kienu qegħdin jagħmlu ‘dawk it-tnejn’ fil-karozza. Imma l-festa ma kinitx tasal s’hawn biss. F’daqqa waħda bdew ifaqqsu wkoll intervisti ma’ spetturi tal-pulizija (!) u bdew jitfaċċaw, wara r-rapporti li qed idur dal-filmat, twissijiet kważi drammatiċi biex ħadd ma jara l-video inkella jista’ jeħel multa ta’ tlett elef ewro jekk mhux ukoll sentejn priġunerija. Il-portali u l-mezzi soċjali għoxew itellgħu rapport wara rapport, intervista wara oħra, servizz esklussiv f’servizz esklussiv, biex jikkundannaw lil dawk li xerrdu l-video u lil dawk li qegħdin jarawh, u dan kollu wara li kienu huma stess li rrapportaw iċ-ċirkolazzjoni ta’ dan il-filmat.

Tassew spiss, tara ‘servizzi’ fuq il-gazzetti Maltin online, bi stejjer li jirrigwardaw is-sess. Is-sabiħa hi li dawn l-istejjer lanqas ma jkunu ġraw f’Malta u allura wieħed jibqa’ perpless għala dawn il-gazzetti u portali jkunu indenjaw irwieħhom itellgħu aħbarijiet bħal dawn

M’għandniex xi ngħidu, dawn il-portali qegħdin hemm biex iħajru lin-nies jitkellmu u jgħidu tagħhom, għax, wara kollox, aħna ngħixu f’soċjetà demokratika u l-prova tad-demokrazija hija, appuntu, li kulħadd itaqtaq kemm jiflaħ. Ġigġifogu sħiħ ta’ messaġġi kkuluriti: uħud minnhom isemmu lil Richard; oħrajn janalizzaw l-angoli u r-ritmu tal-fellatio; oħrajn jitkażaw kif dil-mara wettqet dak li wettqet (u biex tagħqad fil-karozza); oħrajn jitħassar lil dil-koppja għax dawn saru vittmi; oħrajn jitkaża għax dan l-aħħar sirna nagħmlu kollox al fresco; oħrajn staqsew għala dil-koppja riedet tiffilmja lilha nfisha għaddejja bis-sess; oħrajn jgħajru lil dawk li ħadu gost jaraw il-film avolja ma jafux min ra l-filmat u min ma rahx; oħrajn jilagħbuha tal-innoċenti u jistaqsu x’ġara ħalli jerġgħu jieħdu gost jisimgħu l-istorja; oħrajn hekk u oħrajn mod ieħor.

Ħafna nies ħadu gost dil-ġimgħa.

 

Kienet ġimgħa interessanti, bħal ħafna ġimgħat oħrajn wara kollox. Per eżempju ġie fostna Viktor Orban, il-Prim Ministru tal-Ungerija, Lemini u mexxej ta’ partit li jagħmel parti mill-familja (hekk jieħdu gost jirreferu għalihom infushom) tal-Partit Popolari Ewropew. Viktor Orban kien mistieden jiġi għal dan il-kungress triennali tal-PPE li sar f’Malta. Kien hawn oħrajn ma’ Orban, fosthom Angela Merkel, il-kanċillier Ġermaniża li fetħet il-bibien ta’ pajjiżha għal ħafna u ħafna refuġjati. Ara Orban, għandu ideat xi ftit differenti minn ta’ Merkel fir-rigward tar-refuġjati avolja jappartjenu għall-istess familja. Frankament ma ħassejtx li kien xi unur li kellna fostna lil xi ħadd li l-politika Leminija tiegħu turi insensittività kbira lejn popli msieken u qiegħda timmina l-libertà tal-espressjoni tal-poplu tiegħu stess.

Intant, wieħed mill-portali li kien minn ta’ quddiem nett biex jitkaża b’min qagħad ixerred il-filmat tal-fellatio, l-għada li faqqa’ l-każ tella’ rapport dwar raġel Ċiniż li kellu jgħaddi minn operazzjoni serja għax libes ċurkett tal-metall madwar il-parti tiegħu. Dan il-portal mhux biss tella’ l-aħbar ta’ dik li hu sejħilha ‘Avventura Sesswali’ li spiċċat ħażin, imma anki tella’ … iva, filmat tal-operazzjoni biex tneħħa dan iċ-ċurkett tal-metall.

Dan il-każ seħħ iċ-Ċina.

More in Blogs