Mill-ġdid Għawdex

'Iċ-ċavetta għall-futur ta’ Għawdex hija l-aċċessibbiltà u huwa ferm meħtieġ li jsiru proposti konkreti sabiex nissuperaw il-problemi tal-aċċessibbiltà tal-gżira'

Erba’ ġimgħat ilu kont ktibt dwar il-konvenzjoni li kien nieda l-Partit Nazzjonalista sabiex jiddiskuti l-qagħda f’Għawdex. F’din il-konvenzjoni tkellmu diversi kelliema minn bosta oqsma tal-ħajja li mhumiex parti mill-Partit Nazzjonalista. Inħoss li l-kelliema lkoll taw kontribut siewi ħalli wieħed jifhem il-problemi tal-gżira u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-iżvilupp ta’ Għawdex fil-futur. Sabiex il-konvenzjoni verament tagħti l-frott mixtieq, il-Partit Nazzjonalista jrid li x-xogħol tal-Konvenzjoni jissokta wara l-laqgħa ta’ erbat Iħdud ilu bi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u dan sabiex eventwalment jiġi abbozzat manifest elettorali separat u distint għal Għawdex.

Il-konvenzjoni kienet ippreseduta mill-Inġinier Simon Mizzi li ta diskors ferm illuminanti. Simon mhuwiex Għawdxi għalkemm ommu Għawdxija: iżżewweġ ukoll Għawdxija u llum jgħix f’Għawdex. Jgħallem l-inġinerija l-Università wara li qatta’ diversi snin jaħdem mar-Rolls Royce fir-Renju Unit. Pjuttost milli Għawdxi mit-twelid, huwa Għawdxi tal-adozzjoni u jifhem sew il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin. 

L-intervent tiegħu għoġobni ferm: ma qgħadx idur mal-lewża u sostna li ċ-ċavetta għall-futur ta’ Għawdex hija l-aċċessibbiltà. Dan hu fatt li ħadd ma jista’ jmerih għaliex m’hawn xejn li jxekkel l-iżvilupp f’Għawdex aktar mill-aċċessibbiltà, sia dik fiżika kif ukoll diġitali. Illum meta kull parti tad-dinja saret aktar aċċessibbli bl-internet, huwa tassew ironiku li qed jingħad li n-nuqqas ta’ tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex huwa xkiel serju għall-iżvilupp tal-gżira. Għaldaqstant,  huwa ferm meħtieġ li jsiru proposti konkreti sabiex nissuperaw il-problemi tal-aċċessibbiltà tal-gżira.

Soluzzjoni immedjata għandha tkun it-tnedija ta’ obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku għall-ġarr ta’ passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir

Jekk ser, kif għandna, nippuntaw fuq l-ekonomija diġitali, għandna niżguraw li l-aċċess għall-internet minn Għawdex ikun tal-aqwa livell. Jekk dan ifisser it-tieni fibre optic cable fl-eventwalità li dik li hemm fil-preżent jiġrilha xi ħaġa, allura din għandha ssir. Imma tajjeb li jsir cost benefit analysis sabiex naraw kemm tassew hija meħtieġa dina l-fibre optic cable.  Nafu li  ċertu investituri ngħataw garanziji mingħand il-gvern fil-każ li l-cable eżistenti jiġrilu xi ħaġa. Kif qaltli persuna li hija pijunier f’Għawdex ta’ attività li jekk tirnexxi se tirrivoluzjona l-gżira, b’satellite hook-up jista’ jkollok l-internet li trid. Għaldaqstant, wieħed irid ikun tassew żgur li din it-tieni fibre optic cable link hija meħtieġa u mhijiex biss skuża ta’ min ma jkunx irid jara li l-investiment isir f’Għawdex għax jippreferi li jsir xi mkien ieħor f’Malta.

Ovvjament la qed nitkellmu fuq aċċessibbiltà, ma setgħax ma jsirx aċċenn għall-kwistjoni tal-mina.  Bosta miż-żgħażagħ li tkellmu bħal Jonathan Mintoff, Maria Dimech u Carla Galea, ilkoll semmew il-ħtieġa ta’ din il-mina. Mentri qabel l-Għawdxin ma kinux entużjasti dwar l-idea ta’ konnessjoni fissa, l-ġenerazzjoni li tiela hija bi ħġarha wara din l-idea. L-istess sentimenti esprimiehom l-imprenditur prominenti Michael Caruana li ġustament semma li llum huma biss dawk marbutin ma din il-blata b’rabtiet ta’ demm u nisel li jħossu l-ħtieġa li jinvestu fiha. Anke bosta Għawdxin illum jippreferu li jinvestu f’Malta jew anke f’pajjiżi oħra milli f’Għawdex.

Naqbel mal-opinjoni ta’ dawn il-kelliema imma naħseb li ma rridux nistennew li sseħħ din il-ħolma kbira tal-mina sabiex nippruvaw insibu soluzzjoni għall-kwistjoni tal-aċċessibbiltà. Matul is-snin, is-servizz bil-vapur bejn Malta u Għawdex tjieb ferm kif tjiebu wkoll il-faċilitajiet kemm fl-Imġarr kif ikoll fiċ-Ċirkewwa. Imma jidher li ħafna drabi s-servizz mhux qed ilaħħaq mad-domanda. Barra mill-problema kbira tal-ġarr tal-merkanzija li kompliet tiżdied wara li s-servizz għal Sa Maison twaqqaf sena ilu, għandek ukoll bosta mijiet ta’ ħaddiema li jaqsmu kuljum sabiex jaħdmu l-aktar fil-parti ċentrali ta’ Malta. Għaldaqstant naħseb li soluzzjoni immedjata għandha tkun it-tnedija ta’ obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku għall-ġarr ta’ passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir. Possibilità oħra tkun li dan is-servizz jgħabbi nies ukoll minn San Pawl il-Baħar u forsi x’imkien ieħor qabel ma jasal il-Port il-Kbir biex b’hekk is-servizz ikun aktar ekonomiku.  Għalkemm il-possibilità li tali servizz jitmexxa bil-qligħ mhijiex daqshekk għolja, il-pajjiż irid jiżen il-benefiċċju li se jkollu ferm anqas mezzi fit-toroq tagħna u għaldaqstant, anqas konġestjoni tat-traffiku u tniġġiż tal-arja.

L-integrazzjoni tal-ħtiġijiet t’aċċess t’Għawdex ma dawk ta’ Malta hija ferm meħtieġa fl-istrateġija li għandha titfassal. Bħalma Simon Busuttil jinsisti li l-mina m’għandhiex isservi biss għall-ħtiġijiet t’Għawdex imma trid tkun parti mill-infrastruttura nazzjonali sabiex anke taqdi l-ħtiġijiet ta’ Malta, l-istess jista’ jsir bit-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir. Fin-nuqqas komplet ta’ viżjoni u inizjattiva tal-Gvern Laburista f’dan il-qasam minkejja l-wegħdiet grandjużi li saru qabel l-elezzjoni, huwa l-Partit Nazzjonalista li jrid jagħmel il-proposti sabiex jitwettqu meta jerġa’ jieħu r-riedni tal-pajjiż f’idejh.

Fil-konvenzjoni saru wkoll diversi aċċenni għall-kwistjoni tal-klijenteliżmu f’Għawdex. Kif qal tajjeb Simon Busuttil fid-diskors tal-għeluq tiegħu, il-klijenteliżmu mhux biss xi fenomenu f’Għawdex. U minn daqshekk l-anqas hu fenomenu esklussiv ta’ Malta. ‘Tutto il mondo è paese’ jgħidu l-ġirien tagħna tat-tramuntana u darba smajt xi mkien li waħda mit-talbiet li spiss issir lill-politiċi Rumani hija sabiex jintervjenu mal-Vatikan ħalli xi ħadd isir qaddis! Imma fil-każ t’Għawdex forsi minħabba ċ-ċokon, il-kwistjoni tal-klijenteliżmu tinħass u tidher aktar.

Għoġobni ferm il-kumment suċċint ta’ Simon Mizzi: il-klijenteliżmu mhuwiex il-marda imma s-sintomu tal-marda. Din il-marda hi n-nuqqas ta’ opportunità li ġġiegħel in-nies li jitkarbu għal dak li messu tagħhom bi dritt. Dan l-aħħar qrajt dwar annimal partikolari fil-grigal ta’ Franza li minħabba t-tkabbir tal-qamħ fuq skala industrijali spiċċa nieqes mill-varjetà ta’ ikel li jeħtieġ u speċjalment ta’ vitamini. Qed jiġġennen u qed jispiċċa jiekol liż-żgħar tiegħu. U jekk il-bniedem ma jkollux l-opportunitajiet meħtieġa, jispiċċa jagħmel affarijiet li ma jkunx jixtieq jagħmel.

Dwar dan il-punt tkellem ukoll l-akkademiku George Vital Zammit f’intervent provokattiv imma li naħseb li kien meħtieġ. Zammit sostna li l-ministeru għal Għawdex huwa fuq kollox strument sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet klijentari tal-kostitwenti u għaldaqstant m’għandux jibqa’. Qabel ukoll li tneħħew mir-responsabilitajiet tiegħu s-saħħa u l-edukazzjoni. Semma wkoll diversi mudelli alternattivi li kien hemm fil-passat ta’ tmexxija t’Għawdex, fosthom il-Kunsill Ċiviku fis-snin sittin li ma damx ma tneħħa minn Mintoff kif ukoll il-proposta ta’ Kunsill Reġjonali li kien għamel Sant.

Naħseb li l-analiżi ta’ Zammit mhix korretta f’ħafna affarijiet: ħadd ma jista’ jgħid li l-Kunsill Ċiviku ma rnexxiex għax fi żmienu, Għawdex inbidel mil-lejl għan-nar. Dwar il-Ministeru t’Għawdex, naqbel mal-konklużjoni ta’ Simon Busuttil li x’ħin tqis kollox, ħalla effett posittiv. Jiddependi ħafna minn min imexxih bħal kwalunkwe ħaġa oħra. Il-fatt li l-edukazzjoni u s-saħħa kienu jaqgħu taħt id-dekasteru t’Għawdex ma jfissirx li l-iskejjel t’Għawdex kellhom xi curriculum differenti minn dawk ta’ Malta jew il-ħaddiema tal-isptar t’Għawdex kellhom kundizzjonijiet differenti minn ta’ Malta. Imma jfisser li l-Ministeru t’Għawdex kellu sehem fit-tmexxija ta’ dawn iż-żewġ oqsma tant vitali fil-ħajja tal-gżira. Taħt l-amministrazzjoni preżenti, assistejna għall-privatizzazzjoni tal-unika sptar f’Għawdex minkejja li din ma kinitx prevista fil-programm elettorali Laburista mingħajr l-ebda koinvolġiment tal-ministeru t’Għawdex fil-proċess. U rajna wkoll jittieħdu deċiżjonijiet ferm diskuttibbli dwar l-iskola primarja tar-Rabat mingħajr l-ebda sehem mill-ministeru t’Għawdex. 

Verament l-interface bejn il-ministeru t’Għawdex u l-ministeri Maltin l-oħra hija materja tassew delikata li għad ma għandniex soluzzjoni adekwata għalija. Alternattivi għall-ministeru għal Għawdex jista’ madankollu jkun hemm: wieħed ma jeskludix li jitwaqqaf Kunsill Reġjonali sabiex imexxi l-gżira. Imma jekk din l-idea sseħħ u jitneħħa l-ministeru għal Għawdex, min jippresedieh għandu jkollu post u vot fil-Kabinett bħal kwalunkwe ministru ieħor. 

Dan l-aħħar, il-Ministru għal Għawdex għamel diskors fil-Parlament fejn vara l-idea ta’ Kunsill Reġjonali. Huwa fatt li l-Ministeru t’Għawdex ġie ridimensjonat sew taħt din l-amministrazzjoni u l-Għawdxin kollha, irrispettivament mill-kulur tagħhom, huma mdejqin bin-nuqqas ta’ progress li ġie reġistrat f’dawn l-aħħar snin. Il-ministeru t’Għawdex spiċċa kif iddeskriva tant tajjeb George Vital Zammit bħala strument li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jissodisfa l-ħtiġijiet klijentari ta’ x’uħud mill-Għawdxin. Dan ċertament mhux sew u jrid ikun hemm direzzjoni differenti. Id-diskors li għamel il-ministru Refalo messu sar f’xi cabinet paper u mhux fil-Parlament fejn mhu ser isaħħan xejn jekk ma jkunx hemm approvazzjoni tal-Kabinett.

Ċertament it-tfassil ta’ pjan ta’ kif l-aħjar għandu jitmexxa Għawdex huwa wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ din il-Konvenzjoni sabiex tfassal manifest elettorali tal-PN separat għal Għawdex.  Mhix xi ħaġa ħafifa imma li għandha tiġi ffaċċjata sabiex dejjem intejbu l-mod kif titmexxa din il-gżira. Fl-istess ħin, min jgħajjat dwar il-klijenteliżmu għandu jiftakar li spiss iċ-ċittadin komuni m’għandhux rimedju adegwat u effettiv kontra r-riġidità tal-burokrazija ħlief l-intervent tal-politiku. 

L-appell tiegħi hu li anke l-Partit Laburista jwettaq eżerċizzju simili għax huwa biss permezz tal-konfront tal-ideat li nistgħu nsibu l-aħjar soluzzjonijiet għall-ġid komuni ta’ Għawdex, ta’ Malta u lil hinn.

More in Blogs