Kemm ser idumu t-trampi ta’ Trump?

Skont l-istoriku Feinman, huwa probabbli li Trump jiġi impeached jew sfurzat jirriżenja fi ftit ġimgħat oħra

Ilu 30 jum fil-White House u diġà hemm min qiegħed jispekula li mhux ser idum President tal-Amerika. L-istoriku Allan Lichtman f’Novembru li għadda qal li hemm ċans tajjeb li Trump ser jiġi impeached. Lichtman huma mlaqqam il-‘prediction professor’ għaliex ppreveda korrettament min kien ser ikun kull president tal-Amerika mill-1984 ’l hawn u kien ukoll ippreveda li Trump ser jilħaq president. L-impeachment hija proċedura li l-Kostituzzjoni Amerikana tipprovdi sabiex jitneħħa president. S’issa l-ebda president ma tneħħa imma Nixon irriżenja qabel ma ffaċċja l-inevitabbli. Clinton ukoll ġie impeached mill-Kamra tad-Deputati għaliex kien ħa ġurament falz u ostruzzjona l-ġustizzja fil-każ ta’ Monica Lewinsky imma mbagħad is-Senat kien ħelsu mill-akkużi. 

Il-fatt li r-Repubblikani għandhom maġġoranza kemm fil-Kamra tad-Deputati u s-Senat, inaqqas il-possibilità ta’ impeachment. Madankollu, skont dan l-istoriku, ir-Repubblikani mhumiex komdi bi Trump għax huwa bniedem imprevedibbli u li dejjem kien laxk mal-liġi u mar-regoli. Skont Lichtman, ħadd ma jaf eżatt Trump x’jemmen u ma jemminx. Bażikament, mhuwiex bniedem kontrollabbli u r-Repubblikani jippreferu bil-kbir lill-viċi-president Mike Pence li huwa Repubblikan konservattiv tipiku u prevedibbli.

Storiku ieħor, il-Professur Ronald L Feinman, din il-ġimgħa ppreveda li Trump se jdum president “bejn il-31 jum ta’ William Henry Harrison fl-1841" li kien miet wara li laqqat riħ waqt id-diskors twil li kien ta fl-inawgurazzjoni f’nofs maltempata bil-borra u l-"199 jum ta’ James A. Garfield f’1881" li miet 79 jum wara li sparawlu “u sofra ħafna u ħafna tbatija minħabba prattiċi mediċi ħżiena.”  Feinman huwa professur tal-istorja Amerikana tas-seklu 20 li għadu kemm ippubblika storja dwar id-destin sfortunat tal-mexxejja Amerikani. Skont Feinman, huwa probabbli li Trump jiġi impeached jew sfurzat jirriżenja fi ftit ġimgħat oħra.

Tassew qegħdin ngħixu fi żminijiet straordinarji imma kemm huma realistiċi dawn il-veduti tassew insoliti fil-bidu ta’ presidenza li suppost kellha tbiddel drastikament il-mod kif titmexxa Washington, l-Amerika u konsegwentement, il-kumplament tad-dinja. Dan hu il-ħolm ta’ min qed jixxennaq li jara t-tmiem tal-aktar presidenza improbabbli fl-istorja Amerikana jew veduta realistika li forsi tassew isseħħ?

Fil-fatt, l-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa jagħtu indikazzjoni ċara kemm il-presidenza Trump hija dgħajfa. Iqanqlu wkoll dubji kemm tassew Trump għandu kontroll tal-amministrazzjoni tiegħu u kemm tassew it-temperament tiegħu huwa dak li wieħed jistenna minn min qed imexxi l-akbar ekonomija tad-dinja. Fil-ġimgħat ta’ qabel diġà bdew jingħadu diversi affarijiet li qajla pinġewh f’dawl sabiħ. Biżżejjed wieħed isemmi li ntqal li Trump iqatta’ ħafna żmien waħdu fil-White House (peress li l-mara tiegħu ppreferiet li tibqa’ tgħix fi Trump Tower fi New York ma’ binhom), liebes id-dressing gown u jara t-televiżjoni. Intqal ukoll li ma jieħux gost jaqra rapporti twal u r-rapporti mhux biss iridu jkunu qosra imma ukoll in bullet form. 

L-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa jagħtu indikazzjoni ċara kemm il-presidenza Trump hija dgħajfa. Iqanqlu wkoll dubji kemm tassew Trump għandu kontroll tal-amministrazzjoni tiegħu u kemm tassew it-temperament tiegħu huwa dak li wieħed jistenna minn min qed imexxi l-akbar ekonomija tad-dinja

Dawn l-aħbarijiet komplu jżidu mal-impressjoni li l-amministrazzjoni tiegħu hija f’kaos sħiħ.  Ħafna u ħafna uffiċjali għadhom ma ġewx approvati mis-Senat jew lanqas għadhom biss ġew nominati. U Trump ċertament m’għinx ruħu bil-komportament u l-azzjonijiet tiegħu. Kif ngħidu, il-ġurnata minn filgħodu turik. Wara l-inawgurazzjoni, Trump ftaħar li kellu l-akbar folla fl-istorja li qatt kien hemm f’tali ċerimonja imma r-ritratti giddbuh. Flok ma għalaq ħalqu jew ikkorreġa ruħu, baqa jinsisti li tassew kellu l-akbar folla waqt mawra li kellu fil-kwartieri tas-CIA waqt li l-kelliem tiegħu, Sean Spicer attakka lill-ġurnalisti fl-ewwel konferenza stampa li ta.

Waħda mill-ewwel ordnijiet eżekuttivi li ffirma Trump kienet tipprojbixxi d-dħul ta’ nies minn seba’ pajjiżi fil-maġġoranza tagħhom Musulmana. Din l-ordni kkawżat kaos fl-ajruporti Amerikani, qasmet familji u qanqlet protesti kbar. Imħallef ma damx ma ssospenda din l-ordni fil-waqt li l-Aġent Avukat-Ġenerali li sostniet li din l-ordni mhix kostituzzjonali u ma tistax tiġi difiża mid-Dipartiment tal-Ġustizzja, ġiet imkeċċija. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja pprova jirrevoka din is-sospensjoni imma mħallef qatagħha kontrih. Trump spiċċa jgħajjar dan l-imħallef. Fl-appell, it-tliet imħallfin qatgħuha unanimament kontra l-gvern.

Din l-ordni kienet tassew bla skop għaliex l-ebda ċittadin minn dawn is-seba’ pajjiżi ma wettaq xi attentat terroristiku fl-Amerika mill-2001 ’il hawn. L-anqas min kien involut fl-attentati ta’ 9/11 ma kien jiġi minn xi wieħed minn dawn is-seba’ pajjiżi. Imma Trump ried din l-ordni ħalli jwettaq in parti l-wegħda elettorali tiegħu li ma jħallix Musulmani jidħlu l-Amerika. U issa qed jingħad li ser jiffirma ordni oħra sabiex jilħaq l-istess skop.

Kif għidna, l-affarijiet li ġraw din il-ġimgħa komplew isaħħu l-impressjoni ta’ presidenza kaotika u dgħajfa. Nhar is-Sibt, Trump ospita lill-Prim Ministru Ġappuniż fil-klabb privat tiegħu, Mar-a-Lago fi Florida. Waqt iċ-ċena, faqqgħet l-aħbar li l-Korea ta’ Fuq kienet ttestjat missila ballistika li waqgħet fil-baħar tal-Ġappun. Provokazzjoni mill-kbar da parti tal-mexxej Korean. Trump u l-uffiċjali tiegħu ġew osservati minn mistiednin oħra fil-klabb iċemplu frenetikament ħalli jaraw x’qed jiġri u kif ser jirreaġixxu. Qajla l-aktar mod serju kif president jaġixxi quddiem kriżi li tkun tfaċċat ħabta u sabta.

Imma l-aħbar prinċipali ta’ din il-ġimgħa kienet ir-riżenja ta’ Michael Flynn minn National Security Adviser. Flynn instab li gideb lill-amministrazzjoni u speċjalment lill-viċi-president Mike Pence dwar il-kuntatti tiegħu mal-ambaxxatur Russu wara t-tkeċċija ta’ 35 diplomatiku Russu mill-amministrazzjoni Obama. Huwa magħruf li Trump irreżista din it-tkeċċija għax kien ilu jaf bil-komportament ta’ Flynn. Madankollu, Flynn ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja wara li l-Washington Post akkużatu li gideb. Din ir-riżenja kompliet titfa’ dawl xejn sabiħ fuq in-natura vera tar-rapporti bejn Trump u r-Russi. Skont indiskrezzjonijiet li qegħdin jiġu ppubblikati mill-istampa Amerikana u li qed joħorġuhom l-istess membri tas-servizzi sigrieti, il-kampanja elettorali ta’ Trump kellha kuntatti regolari mad-diplomatiċi Russi qabel l-elezzjoni. S’issa ħadd għadu ma qal eżattament dawn il-kuntatti fiex kienu jikkonsistu. Imma dan ma jeskludix li hemm min jaf u qed jistenna l-mument opportun li jikxef din l-informazzjoni. Jew li tali informazzjoni toħroġ fil-kors tal-investigazzjonijiet li żgur hemm għaddejjin mill-FBI u minn agenziji oħrajn. Issa li Clinton ġiet definitivament eliminata, l-inċentiv li xi wħud seta’ kellhom li jiddefendu lil Trump sparixxa.

Din il-ġimgħa wkoll, Trump laqa’ lill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu. F’diskors li ta, Trump qal li l-Amerika mhux neċessarjament hija favur l-idea ta’ żewġ stati sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-Palestina. B’hekk, abbanduna l-politika ta’ snin kbar tal-Amerika u tal-kommunità internazzjonali fir-rigward. Imma l-għada, l-ambaxxatriċi Amerikana għall-Ġnus Magħquda kkontradietu kategorikament u stqarret li l-politika tal-Istati Uniti għadha l-istess! Min verament qed imexxi f’Washington? Mhux ta’ b’xejn li l-persuna li ġiet mistiedna biex tinħatar flok Flynn, m’aċċettatx. 

F’konferenza tal-aħbarijiet li ta nhar il-Ħamis sabiex iħabbar lil min ħatar bħala Ministru għax-Xogħol wara li l-ewwel kandidat tiegħu kellu jirtira n-nomina għax ma kienx se jiġi approvat mis-Senat, Trump infexx f’kantilena ta’ 77 minuta ta’ ftaħir fuqu nnifsu u l-amministrazzjoni tiegħu u attakk sfrenat kontra l-istampa u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni. Fi tweet li wara bagħat, akkuża bosta ġurnali u networks li huma għedewwa tal-poplu Amerikan.

Dan il-komportament ta’ Trump mhux biss ġibed il-kritika tal-ġurnali u stazzjonijiet liberali bħan-New York Times u s-CNN imma anke ta’ kummentaturi ta’ Fox News, stazzjon li appoġġjah bis-sħiħ fil-kampanja elettorali. Mhux ta’b’xejn li bosta qed ibassru li l-avventura politika ta’ Trump se tispiċċa ħażin.

Li hu ċar hu li qatt ma kien hemm presidenza, tal-anqas fil-memorja riċenti, li bdiet daqshekk dgħajfa u diżorganizzata. Dan ma jawgura xejn tajjeb għall-istabbilità tad-dinja u għall-prestiġju tal-Amerika u f’xi ħin jew ieħor, din is-sitwazzjoni daqshekk anomali se jkollha tiġi korretta. Jidher li l-kwistjoni mhix ‘jekk’ imma ‘meta’ u ‘kif’.

More in Blogs