Ittri Il-punt Blogs

Is-suq tal-kera

"Is-suq tal-kera għadu ma bediex jaħdem sewwa. Qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jaqilgħuha tajjeb u qed jinjora lil dawk fin-naħa t’isfel tal-iskala tad-dħul: dawk li jaqilgħuha u jiekluha"

Carmel Cacopardo / 23 ta' Jannar 2017 12:16
Ma naħsibx li nistgħu ngħidu li r-riforma tas-suq tal-kera irnexxiet. Tal-inqas dik dwar proprjetà residenzjali. Sidien ta’ propjetà għadhom isibuha ftit bi tqila biex jikru lill-Maltin. Għax bil-mod il-mod, is-suq tal-kera qed jiżviluppa biex iservi lill-barranin u fl-istess ħin jinjora lill-Maltin.

Issa m’hemm xejn ħażin li l-barranin jikru fejn joqogħdu. Id-diffikultà li jeħtieġ li niffaċċjaw hi li l-kirjiet sostanzjali mitluba jfisser li qed jingħalaq il-bieb għall-Maltin: dawk li, ftit fin-numru, ma jistgħux jixtru, għax mezzi biex jagħmlu dan m’għandhomx.

Is-suq tal-kera kien kważi mejjet għal iktar minn sittin sena u qam mill-mewt bħala riżultat tar-riforma mill-qiegħ tal-liġijiet tal-kera fl-2008, proċess li kien inbeda b’emendi oħra fl-1995. Sfortunatament, il-pajjiż ma ġiex ippreparat għal din it-taqliba. Bħala riżultat ta’ dan, is-suq tal-kera għadu ma bediex jaħdem sewwa. Qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jaqilgħuha tajjeb u qed jinjora lil dawk fin-naħa t’isfel tal-iskala tad-dħul: dawk li jaqilgħuha u jiekluha.

"F’dawk il-kazi fejn proprjetà tkun vojta għal perjodu twil, ngħidu aħna ħames snin jew iktar, ikun soġġett għal ħlas ta’ taxxa li titħallas għal kull propjeta li titħalla vojta"
Malta u Għawdex qed jitqalbu ta’ taħt fuq biex jinbnew iktar gabubi għall-kiri. Dawn, ħafna drabi, jispiċċaw jinkrew mill-impjegati barranin fis-settur finanzjarju inkella fil-kumpaniji diversi tal-imħatri li qed ifaqqsu f’Malta biex jibbenefikaw minn rati favorevoli ta’ tassazzjoni li qed joffrilhom il-pajjiż biex jiġbidhom lejn Malta. Imma l-proprjetà residenzjali li tista’ tinkera mill-Maltin qed titħalla vojta. Dan jirriżulta ċar minn eżami bir-reqqa tal-informazzjoni fl-aħħar ċensiment.

Is-sussidji li toħroġ l-Awtorità tad-Djar, bla ebda dubju, huma ta’ għajnuna biex ikun imtaffi l-uġigħ soċjali li qed jirriżulta bħala riżultat tal-kirjiet m’għola s-sema. Imma fl-aħħar, mhu ser isolvu xejn. Għax li hemm bżonn hu taqliba mill-qiegħ li twassal biex il-proprjetà vojta titqiegħed kollha fis-suq. Idealment, dan naslu għalih permezz ta’ inċentivi fiskali li diġà ġew introdotti inkella li huma ppjanati biex iħeġġu lil min għandu propjetà mitluqa biex ipoġġiha fis-suq u b’hekk jonora l-obbligi soċjali tiegħu.

Imma bl-inċentivi biss m’aħniex ser naslu. Min ma jridx jiċċaqlaq, għandu jerfa’ l-piż tad-deċiżjonijiet tiegħu billi f’dawk il-kazi fejn proprjetà tkun vojta għal perjodu twil, ngħidu aħna ħames snin jew iktar, ikun soġġett għal ħlas ta’ taxxa li titħallas għal kull propjeta li titħalla vojta. Taxxa bħal din għandha tibqa’ titħallas sakemm dik il-proprjetà terġa’ tibda tintuża.

Għax f’pajjiż żgħir bħal tagħna ma nistgħux nibqgħu naħlu l-ftit riżorsi li għandna. Din hi responsabbiltà ta’ kulħadd.

 

Carmel Cacopardo huwa l-Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.
[email protected]http://carmelcacopardo.wordpress.com      

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook