Ittri Il-punt Blogs

Susa aggressiva mhix tkun trattata kif suppost

Maria Portelli, kandidata tal-Partit Nazzjonalista tikteb dwar kif Għawdex għadu jibki għal investiment biex jegħleb l-insularità doppja li tħalliet takkumula matul is-snin...

19 ta' Jannar 2017 10:48
Tinħtieġ għajnuna lir-raħħala u bdiewa Għawdxin biex jibqgħu kompetittivi fis-settur agrikolu
L-ekonomija rrankata u r-rata tal-qgħad baxxa. Iżda x’jiswew jekk il-fiduċja tal-poplu fil-politika u l-politiċi qed titnawwar b’azzjonijiet irresponsabbli minn dawk l-aktar li jridu jindukraw l-onestà, il-ġustizzja u l-imparzjalità? Minn Ministri sa Segretarji Parlamentari. Minn Chief of Staff sa Segretarji Privati. Is-susa aggressiva, li ħakmet l-għamara li kellha tkun pjuttost ġdida, mhix tkun trattata kif suppost.

Meta nagħmel dan l-argument, uħud ikunu pronti jgħiduli: “Mela nsejtuh żmienkom?”Għalkemm ma naħtix għax għadni wiċċ ġdid għall-politika, ma nissuppervjax quddiem min jipprovokani b’dan il-ħsieb. Anzi nifhem u nħossni iktar determinata, biex flimkien mal-Kap u d-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista, nerġa’ nibni fiduċja ġdida fil-politika u fil-mod kif isiru l-affarijiet.

Kif ta’ spiss jargumenta Dr Simon Busuttil, m’għandix dubju li tgħallimna mill-iżbalji li għamilna. Għarafna li l-poplu jaf janalizza u jagħti r-risposta tiegħu meta jeżerċita d-dritt tal-vot. Ma qagħadx lura milli jikkastigana wara li nqasnieh għal darba, darbtejn. M’għandix dubju li qed jagħraf li dħalna f’qoxritna, fittixna fina nfusna, għarafna fejn żbaljajna u lesti nerġgħu lura biex niggvernaw ħalli nkunu l-Gvern tan-negozji, il-ħaddiema li jaqilgħuha u jikluha, tal-mara tad-dar u l-istudenti.

Fl-aħħar xhur kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ ħafna Għawdxin fi djarhom. Niltaqa’ ma’ familji fejn għall-ewwel jistħu jgħiduli li f’Marzu tal-2013 waqgħu għan-nasba tal-Partit Laburista. Iżda mbagħad jammettu li baqgħu jittewbu. Nispjegalhom li dal-Gvern qata’ saqajn il-Ministeru t’Għawdex biex ħafna mir-responsabbiltajiet li jikkonċernaw direttament lill-Għawdxin spiċċaw jintilfu f’burokrazija żejda f’ministeri u dipartimenti f’Malta.

"Tliet snin u nofs wara li ġiet eletta amministrazzjoni ġdida, Għawdex għadu jibki għal investiment li jattira niċeċ ekonomiċi ġodda"
Tliet snin u nofs wara li ġiet eletta amministrazzjoni ġdida, Għawdex għadu jibki għal investiment li jattira niċeċ ekonomiċi ġodda li jistgħu jegħlbu l-insularità doppja li tħalliet takkumula matul is-snin. Jeħtieġ investiment li jattira tipi differenti ta’ niċeċ turistiċi, inkluż turiżmu gastronomiku biex ikun t’għajnuna għar-raħħala u bdiewa li jridu jibqgħu kompetittivi fis-settur agrikolu. Jeħtieġ li l-imprendituri Għawdxin li huma involuti f’setturi tradizzjonali jingħataw l-għajnuna meħtieġa, inkluż għarfien ta’ kif jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej, biex iżommu lilhom infushom aġġornati u jadattaw maż-żminijiet.

Għadna nesperjenzaw żgħażagħ Għawdxin li jħallu gżiritna għax ma jħossux li għandhom futur. Il-politika tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti trid timpenja ruħha biex gżejjer bħal Għawdex jingħataw għodod neċessarji ħalli jinvestu fl-infrastrutturi tagħhom u jsostnu l-karattru uniku tagħhom.

Lejn 2017 b’sehem ikbar tal-mara

Insellem lil ħafna nisa li jagħżlu li jibqgħu d-dar u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-familja. Il-ħidma tagħhom jeħtieġ li tkun rikonoxxuta iżjed. Insellem ukoll lil dawk li huma attivi b’xi mod jew ieħor fil-komunità, f’impjieg jew ieħor.

Fl-2017, bil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea ospitata f’pajjiżna, għandna naħtfu l-opportunità biex nimbuttaw miżuri li jittrattaw sitwazzjonijiet fejn il-mara jkollha d-drittijiet imħarsa, kemm biex tipparteċipa fil-politika, biex teduka ruħha, ikollha impjieg u dħul xieraq, u biex tgħix f’soċjetà mingħajr vjolenza u diskriminazzjoni. Sar ħafna iżda t-triq ’il quddiem għadha twila.

Nawguralek sena mill-aqwa. 

 

Maria Portelli hija Kandidata tal-Partit Nazzjonalista fuq it-13-il Distrett

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook