Is-sena li għaddiet f’karikaturi fuq l-ILLUM

Kull nhar ta' Ħadd, L-ILLUM tippublika karikatura li twassal messaġġ politiku jew soċjali bi ftit ta’ tbissima. Dawn huma uħud mill-aħjar karikaturi li dehru fl-2016 mill-pinna tal-artist ferm bravu Mikiel Galea

Fuq l-ILLUM, l-2016 kienet irrappurtata mhux biss permezz tal-kitba, iżda wkoll permezz tal-karikaturi. Kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ILLUM tippubblika karikatura li twassal il-messaġġ politiku u/jew soċjali bi ftit ta’ tbissima wkoll. Fil-fatt, il-karikaturi ta’ din il-gazzetta, mill-pinna tal-artist ferm bravu Mikiel Galea, huma fost l-aktar sezzjoni tal-gazzetta li l-qarrejja jfittxu.

Ħarisna lura u għażilna l-aħjar karikaturi b’ messaġġi dwar uħud mill-aktar  kwistjonijiet jaħarqu u kontroversjali matul is-sena li se tintemm illum.

Ħarġa tal-24 ta' Jannar

Tiftakruha l-għajta ta’ Michael Falzon fil-kampanja elettorali tal-2008, ‘hawn huma l-iljuni tal-bidla’? Din il-karikatura, hija ispirata minn din l-għajta famuża ta’ Falzon f’mass meeting tal-Partit Laburista u x-xena famuża wkoll tal-MGM qabel jew wara kull film minn din id-dar ta’ produzzjoni. Minflok iljun, hemm Falzon bil-kliem ‘The End’ hekk kif it-traġi-kummiedja ta’ Gaffarena, li vera mar tajjeb mal-King tal-Lands, immarkat it-tmiem tal-karriera ta’ Falzon bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Lands.

Ħarġa tat-3 ta' April

Din il-karikatura turi lil Simon Busuttil fil-bank fejn l-onestà hi kollox. Imma fil-bank tal-onestà deħlin tliet ħnieżer, li huma kollox barra onesti u li jixtiequ jagħtu l-flus lill-PN għax qalbhom, jaħasra, perżuta għall-onestà. Il-karikatura tirrifletti kritika li l-iskema Ċedoli se toħloq obbligi politiċi minn Gvern prospettiv tal-PN, lejn min ‘għenu’ fis-siegħa tal-bżonn. Busuttil, jiċħad u f’intervista mal-ILLUM jgħid li min qed jaħseb hekk, qed “jissottovalutah.”

Ħarġa tal-1 ta' Mejju

Karikaturi dwar il-Panama u Konrad Mizzi, l-ILLUM kellha mhux ħażin. Imma din tissimbolizza s-suppost demozzjoni li ngħata Konrad Mizzi, biex taparsi sar xi tibdil. Muscat jinkurunah ministru tax-‘xejn’, Mizzi kuntent bix-‘xejn’ u warajhom torċi qed ituha l-isfel, li jissimbolizzaw l-inkwiet intern fil-Partit Laburista fl-eqqel tal-kriżi ‘Panama’.

Ħarġa tat-12 ta' Ġunju

Marlene Farrugia tidher bl-ispotlight fuqha. Ngħiduha kif inhi, l-ispotlight Marlene tħobbha sew. Warajha Simon Busuttil, li stedinha għal kull protesta, stedinha għal kull programm fuq in-NET, ħelbilha kull kelma u sentenza biex jgħidilna Joseph kemm hu bażwi. Imma l-mument li Marlene bdiet partit, hemmhekk beda l-inkwiet.

Minn din il-karikatura, li saret fiż-żmien meta twieled il-Partit Demokratiku, sa issa kienet imħabbra l-possibbilità ta’ żwieġ politiku bejn Marlene u Simon. Imma mal-ILLUM, Simon qal li jekk Marlene titolbu ministeru, biex tifforma koalizzjoni mal-PN, hu jgħidilha biex tinsa kollox.’

Ħarġa tad-9 ta' Ottubru

Dawk l-imberkin switchers/floaters/opportunisti/tradituri dejjem iżommu l-miżien ta’ kull stħarriġ fil-bilanċ. Minn stħarriġ wara l-ieħor tal-gazzetta oħt MaltaToday, jirriżulta li l-aktar settur ta’ votanti apatetiċi u diżillużi bħalissa huma l-iswitchers. Simon qed jistad għalihom, s’issa mhux li qabad wisq...sajda fjakka!

Joseph qabad kieku, probabbilment iktar mis-sajda mirakoluża tal-Galilej. Imma nofs l-iswitchers li qabad qed jaħarbulu mill-barmil, wieħed, wieħed. Ġejjin lura? Naraw fl-2018!

Ħarġa tas-6 ta' Novembru

Salvu Mallia. Min ma semax bih? Intervista fuq l-ILLUM iktar kmieni din is-sena u minn hemm beda t-trikki trakki. Ried jagħmel partit għalih, ried jibdel is-sistema elettorali, imbagħad waqqfulu l-programm u sploda vulkan ikbar minn dak li għattan Pompeii.

Minn hemm, bdew jew ħraxu sew il-kullana ta’ aġġettivi li Mallia ta lill-PM Joseph Muscat, nies fil-PL u saħansitra anke attivisti tal-istess partit. Imma waħda mill-aktar stqarrijiet ta’ Salvu li baqgħet tissemma’ tibqa’ dik li għadda f’każin tal-PN f’Għawdex meta qal li l-Gvern preżenti huwa agħar mill-pesta. 

Il-karikatura tirrifletti din l-istqarrija inkredibbli imma kkulurita, skont mil-liema angolu politiku qed tħares lejha.

Ħarġa tat-13 ta’ Novembru   

Ix-xena politika Ewropea u internazzjonali fl-2016 kienet immarkata minn żewġ avvenimenti partikolari, il-vot tal-maġġoranza tal-poplu tar-Renju Unit li se jwassal biex il-pajjiż jitlaq mill-Unjoni Ewropea u l-elezzjoni fl-Istati Uniti li tat riżultat mhux mistenni bi Trump jagħmel rebħa mhux mistennija.

Is-suġġett rikorrenti fiż-żewġ kampanji kien l-immigrazzjoni, b’Nigel Farage jirkeb fuq sentiment kontra numru kbir ta’ ħaddiema barranin, speċjalment Pollakki li qed jaħdmu fir-Renju Unit u bi Trump jirkeb fuq sentiment kontra immigranti, speċjalment mill-Messiku. Iż-żewġ riżutati ma kinux mistennija, u fiż-żewġ każi, l-midja mainstream kienet kontra l-ħsieb tal-maġġoranza ta’ votanti u fiż-żewġ każi r-riżultat qajjem dibattiti u diskussjonijiet sħaħ.

Ħarġa tas-27 ta' Novembru

Lejn l-aħħar ta’ din is-sena, ġiet fi tmiemha saga li twalet ftit mhux ħażin, ta’ min għandu jkollu kemm siġġijiet fil-Parlament Malti. Il-PN ingħata żewġ siġġijiet, wieħed li mar għand Edwin Vassallo, rifless hawnhekk f’dinosawru għax huwa wieħed mill-uċuħ l-aktar antiki u ultra konservattivi fil-PN, u fuq wara, Peter Micallef li diġà kien fil-Parlamaent darb’oħra u frankament m’għamilx wisq ħoss.

Ħarġa tal-4 ta' Novembru

L-Arċisqof Charles J Scicluna jibqa’ wieħed mill-aktar personaġġi kontroversjali f’pajjiż polarizzat. Fit-tieni sena tiegħu, Scicluna baqa’ kritiku ta’ bosta aspetti ta’ gvernar, tmexxija tal-pajjiż u anke voċiferu fuq kwistjonijiet soċjali. Dak li jemmen u jgħid l-Arċisqof kompla jattira ħafna ammirazzjoni, imma wkoll ħafna kritika.

Fost l-aktar li qala’ kritika dan l-aħħar huwa mill-GWU dwar l-iskema ta’ ħaddiema fil-komunità li jitħallsu paga minima. Il-karikatura turi uffiċjali tal-GWU jarmu l-bajd lil Scicluna, li jissimbolizza l-kritika u Simon Busuttil iżomm l-umbrella metaforika u simbolika għall-umbrella tal-Arċisof Mikiel Gonzi, biex jipproteġi lil Scicluna minn ħasla bajd. Din tissimbolizza l-qrubija tradizzjonali li dejjem kien hemm bejn il-PN u t-tmexxija tal-Knisja.

Ħarġa tal-11 ta' Diċembru

Mix-xejn għall-ħafna. Minn nies li jridu jilagħqu, għal nies li għandhom biżżejjed poter biex iġibu lill-politikant għarkupptejh. Din hija l-istorja ta’ ħafna mill-‘persons of trust’ riflessa f’karikatura magħmula f’nofs it-tempesta li qamet riċentement dwar Edward Caruana.

Il-karikatura tfakkar kif b’nies li ma jafux kif jużaw il-poter jew, agħar minn hekk, b’nies li l-poter jużawh għall-vantaġġ tagħhom biss, il-politiku huwa tallab ta’ min ilbieraħ organizzalu t-tombla party u l-iljieli tal-bigilla.

More in Blogs