L-IMF tfaħħar ħafna lill-Gvern u lil pajjiżna, inkluż fejn tidħol ir-riforma tal-Ġustizzja

'Is-suċċess fil-kamp ekonomiku huwa mertu tal-Prim Ministru Joseph Muscat li, minkejja t-tfixkil tal-Oppożizzjoni u tal-forzi konservattivi li għandhom interess li ma jinbidel xejn f'pajjiżna, qed jagħmel suċċess kbir minn pajjiżna...'

Il-Fond Monetarju Internazzjonali faħħar lill-Gvern b'mod qawwi ħafna fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż u fuq ir-riformi li qed nagħmlu biex dan il-pajjiż isir dejjem aħjar.

Is-suċċess fil-kamp ekonomiku huwa mertu tal-Prim Ministru Joseph Muscat li, minkejja t-tfixkil tal-Oppożizzjoni u tal-forzi konservattivi li għandhom interess li ma jinbidel xejn f'pajjiżna, qed jagħmel suċċess kbir minn pajjiżna. Il-Gvern Muscat se jibqa' mniżżel fl-istorja għas-suċċessi kbar ekonomiċi u finanzjarji tiegħu.

Fost affarijiet oħra, l-IMF faħħret ir-riformi li qed nagħmlu f'diversi setturi, fosthom il-qasam tal-Ġustizzja.

Dan hu importanti ħafna.

L-IMF kellha kliem sabiħ immens fuq ix-xogħol li qed nagħmlu biex intejbu s-settur tal-Ġustizzja ċivili u kummerċjali (fejn allura tintlaqat l-ekonomija) għall-aħjar.

Il-Gvern jemmen li l-qasam tal-ġustizzja jilgħab parti kruċjali fit-tkabbir tal-ekonomija tal-pajjiż u hu għalhekk li ekonomija b'saħħitha għandha jkollha sistemi effiċjenti li bihom jiġu riżolti t-tilwim li jista' jinqala' minn żmien għal żmien. Huwa għalhekk li l-Gvern ħadem u se jkompli jaħdem biex fil-kamp ċivili u kummerċjali, il-kawżi jdumu inqas u tiżdied l-effiċjenza biex anke minn dan l-aspett, l-ekonomija tibqa' tissaħħaħ u jinħolqu iktar impiegi, karrieri u postijiet tax-xogħol.

Is-sena 2016 kienet sena importanti li kompliet tikkonsolida riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kummerċjali. Wieħed ifakkar li matul din is-sena biss, ittieħdu numru ta' miżuri li diġà bdew iħallu impatt pożittiv, fosthom:

  1. Riforma Kostituzzjonali li biha ssaħħaħ il-metodu ta' ħatra tal-Ġudikanti, il-metodi ta' dixxiplina fuq il-Ġudikanti u tjiebu l-kundizzjonijiet tal-Ġudikanti biex inkomplu nattiraw l-aħjar imħuħ;
  2. Riforma fil-Proċedura Ċivili li bihom iddaħħlu sensiela ta' emendi li jissimplifikaw il-proċedura Ċivili u jatakkaw il-burokrazija;
  3. Riforma legali fil-kamp tal-bejgħ ta' proprjetajiet battala li jkunu ġejjin b'wirt jew b'xi mod ieħor ikunu in komproprjetà;
  4. Komplejna ninvestu fis-sistema tal-Court Attorneys fejn f'sena waħda (bejn Novembru 2015 u Ottubru 2016) dawn assistew lill Ġudikanti fuq 1,550 sentenza fil-kamp Ċivili u kummerċjali.  Minn dawn l-1,550 sentenza, 80 fil-mija minnhom ingħataw u b'hekk il-każ ġie konkluż.
  5. Tmexxa 'l quddiem proċess ta' konsultazzjoni dwar tisħiħ fil-kamp tal-medjazzjoni bil-għan li iktar persuni jużaw metodi alternattivi, irħas u iktar spediti biex isolvu t-tilwim tagħhom.  Fil-jiem li ġejjin se jiġi ppubblikat l-abbozz ta' liġi finali.
  6. Komplejna ndaħħlu miżuri tal-informatika biex noffru servizzi ġodda u b'hekk inkissru l-burokrazija u d-dewmien żejjed.  B'kollox ġew implimentati tmien servizzi ġodda tal-informatika matul din is-sena biss li bis-saħħa tagħhom, fost oħrajn, issa persuna tista' tara l-atti ġudizzjarji kollha li ġew ippreżentati f'isimha online, issa avukat għandu ferm iktar aċċess għal dokumenti u informazzjoni online u issa wieħed jista' jippreżenta iktar atti ġudizzjarji online.

Dan kollu wassal biex il-Clearance Rate, jiġifieri kemm jinqatgħu kawżi ċivili u kummerċjali komparati ma' kemm jidħlu kawżi splodiet minn 99 fil-mija (tmiem l-2012) għal 112 fil-mija (tmiem l-2015).  Anke d-dewmien ta' kawżi naqas – minn disposition time ta' 777 fl-2012, dan niżel għal 668 fl-2015.

Il-Gvern jinnota wkoll li l-IMF kellha kliem pożittiv ħafna dwar il-ħidma li qed issir flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi biex jiġu indirizzati ċerti sfidi fil-kamp tal-insolvenza u l-falliment kummerċjali. L-IMF saħqet li dawn ir-riformi se jwasslu għal riżoluzzjoni iktar spedita ta' dawn il-kwistjonijiet.

L-IMF kellha kliem sabiħ immens fuq ix-xogħol li qed nagħmlu biex intejbu s-settur tal-Ġustizzja ċivili u kummerċjali

Dan ma jfissirx li wasalna, iżda jfisser li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Il-Gvern hu impenjat iktar minn qatt qabel biex ir-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja tkompli għaddejja bir-rankatura li qabdet u tkompli tagħti r-riżultati.

 

 

 

Kunċert Ruma

Dan ix-xahar kelli x-xorti li għat-tieni darba niltaqa' mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku biex nitkellem miegħu dwar avveniment ieħor kulturali magħmul mill-Maltin. Wara li iktar kmieni dan ix-xahar irnexxielna, b'suċċess, intellgħu presepju fl-iktar Pjazza magħrufa fl-Ewropa (jekk mhux fid-dinja), kien imiss li ntellgħu kunċert mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tefa' ta' ġebla mill-Vatikan.

Lill-Papa Franġisku awgurajtlu f'għeluq sninu u rringrazzjajtu ta' kemm qed jagħmel ġid. 

Peress li dan l-artiklu nibagħtu s-Sibt wara nofsinhar, għadni ma nistax nikkummenta dwar il-Kunċert. Kollox però jindika li se jkun kunċert memorabbli, li se jagħmel ġieħ lil pajjiżna.

Aħna tajna kelma li se mmexxu 'l quddiem l-internazzjonalizzazzjoni tat-talent kulturali tagħna u kelmitna qed inżommuha. Kburi ħafna b'dak li kapaċi nagħmlu aħna l-Maltin.

 

Sant Ivo

Din il-ġimgħa ħabtet il-festa tal-qaddis patrun tal-Avukati, Sant Ivo.

Bħal kull sena, attendejt għall-ikla li torganizza l-Kamra tal-Avukati. Kuntrarju għal snin oħra, stajt biss nagħmel present minħabba impenji uffiċjali li ma stajtx noħroġ minnhom.

Biss, fil-ftit ħin li għamilt nitkellem mad-diversi imħallfin, maġistrati u avukati ħadt gost nirrealizza żewġ affarijiet importanti.

L-ewwel ħaġa: li hemm realizzazzjoni li l-affarijiet fil-Qorti qed imorru 'l quddiem u li l-Gvern qed jagħmel ħiltu biex itejjeb l-affarijiet. Kien hemm imħallef li faħħarli s-sistema l-ġdida tal-Court Attorneys, kien hemm avukat li semmili s-servizzi tal-informatika b'xejn li qed jgħinu mhux ftit fil-ħidma, avukat ieħor semmili l-emendi fil-proċedura li taw nifs ġdid għal inqas burokrazija u inqas dewmien. Fi kliem ieħor, hemm dan is-sentiment li, minkejja d-diffikultajiet kollha, mexjin 'il quddiem.

It-tieni ħaġa: fost l-avukati li attendew, s'intendi kien hemm avukati li politikament huma attivi ma' Partit u avukati li politikament huma attivi ma' Partit ieħor. Jien niftaħar li fl-istorja ta' pajjiżna kien hemm tant avukati li ħallew isem. Niftaħar ukoll li anke llum, hemm għadd ta' avukati li jokkupaw karigi kruċjali għal dan il-pajjiż fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra. Niftaħar li dawn l-avukati ħafna minnhom huma intelliġenti, legalment preparati u jħobbu lil pajjiżna. Li ma nistax nifhem allura huwa għala ċerti avukati li naħseb misshom jafu aħjar u li huma attivi politikament fl-Oppożizzjoni jitħallew jitmexxew minn imneħirhom mill-aġendi ta' min f'pajjiżna jrid jifred u mhux jgħaqqad, ta' min f'pajjiżna jrid ikisser u mhux jikkonsolida, ta' min f'pajjiżna flok it-tama jrid jitma' l-mibegħda?

Nieħu l-opportunità li nawgura lill-avukati kollha ta' pajjiżna u nirringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu. Nappellalhom li jaqdu dmirhom bi professjonalità sħiħa, b'lealtà lejn il-klijent u b'kompassjoni fejn din tkun meħtieġa.

Awguri

Issa li deħlin ġmielhom il-jiem tal-festi, nawgura minn qalbi l-isbaħ festi f'dawn il-jiem tant sbieħ.

Jalla dawn il-jiem iservu biex tikber l-għaqda – u mhux il-firda – fost il-Maltin, u s-sliem.

More in Blogs