Iktar riformi għal sistema ta’ ġustizzja aħjar

'Il-poplu ilu mixtieq għal sistemi aħjar u iktar effiċjenti u ħadd u xejn mhu se jwaqqafna milli nkomplu nagħmlu l-affarijiet aħjar...' - Ministru Owen Bonnici

F’messaġġ qasir iżda profond li ta, il-Prim Ministru Muscat fakkar ukoll vittma oħra ta’ kunflitti politiċi – Karin Grech
F’messaġġ qasir iżda profond li ta, il-Prim Ministru Muscat fakkar ukoll vittma oħra ta’ kunflitti politiċi – Karin Grech

Se nibqgħu naħdmu daqs u iktar milli għamilna matul din il-legiżlatura biex indaħħlu iktar riformi għal sistema aħjar fil-qasam tal-ġustizzja.

Il-poplu ilu mixtieq għal sistemi aħjar u iktar effiċjenti u ħadd u xejn mhu se jwaqqafna milli nkomplu nagħmlu l-affarijiet aħjar.

Din il-ġimgħa ħabbarna żewġ riformi oħra, li huma importanti għaliex jolqtu liċ-ċittadin fil-laħam il-ħaj. Dawn huma żewġ riformi li ilhom ħafna jissemmew biex isiru, iżda kellu jkun dan il-Gvern li jwettaqhom b’mod tajjeb, serju u effettiv.

Riċerki testamentari online

L-ewwel miżura li ħabbarna kienet xi ħaġa li nħadmet bejn Identity Malta u d-Dipartiment tal-Qrati. Din hi riforma li kienet ilha tinħass u nirringrazzja lil kull min ħadem fuqha. Nirringrazzja wkoll lill-impjegat stess mal-Gvern, Anthony Mizzi t’Għawdex, li ssuġġeriha fi proċess verament tajjeb u effettiv ta’ suġġerimenti li nieda l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Meta jiġi nieqes xi ħadd, u kultant anke waqt ħajtu, jsiru dawk li jissejħu riċerki testamentari sabiex wieħed jistabilixxi jekk xi ħadd għamilx testment (li jista’ jkun bin-Nutar jew sigriet). Kull min tilef lil xi ħadd fil-familja u wiret xi ħaġa jaf x’qed ngħid.

B’kollox isiru madwar 10,000 riċerka ta’ testmenti bin-Nutar u 9,000 riċerka ta’ testmenti sigrieti fis-sena. Kif kienet is-sistema qabel, wieħed ried imur fiżikament jordna din ir-riċerka fil-Qorti u fir-reġistru pubbliku.

Issa, kulma wieħed irid jagħmel hu li jordna riċerka waħda (għaż-żewġ tipi ta’ testmenti) online b’sistema user friendly u faċli ħafna.  Jista’ wkoll iħallas online dak il-ħin.

Din hi d-differenza li qed nagħmlu fil-qasam tal-ġustizzja.  Din hi d-differenza li tgħin biex dak li jkun, niffaċilitawlu l-ħajja tiegħu.

Revoka ta’ prokuri irħas u iktar effiċjenti

Jekk hemm suġġett jaħraq u delikat, huwa l-prokuri. Normalment kwistjonijiet li jinvolvu l-prokuri huma konnessi ma’ kwistjonijiet li jinvolvu l-membri tal-familja.

Niddubita hawnx xi familja f’Malta li fiha membru tal-familja qatt ma ta prokura favur membru ieħor tal-istess familja. Ir-raġunijiet għalfejn wieħed jagħmel prokura huma varji u l-iktar jorbtu mal-idea li membru ta’ familja jagħti servizz ta’ fiduċja lil membru ieħor tal-familja li jkollu xi impediment biex iwettaq xi ħaġa (eżempju jkun imsiefer jew ma jkunx jista’ joħroġ mid-dar).

Kwistjonijiet enormi jqumu meta wieħed jiġi biex jirtira prokura li jkun ta lil xi ħadd ieħor. Apparti mill-fatt li normalment dawn it-terminazzjonijiet isiru minħabba li wieħed ikun tilef il-fiduċja f’xi ħadd ieħor (u allura jkunu għaddew ġrajjiet ta’ swied il-qalb), ta’ diffikultà ikbar huwa kif wieħed jittermina prokura.

Il-liġi kif kienet qabel ġie finalizzat dan il-proċess li daħħalnieh f’fażijiet differenti, kienet tgħid li wieħed irid jinnotifika t-terminazzjoni b’ittra uffiċjali lin-nutara u l-banek kollha. Meta ċċekkjajt mal-Qorti kemm kienet tiġi din il-proċedura, qaluli li  kienet tammonta għal bejn Eur 1,500 u Eur 2,000!

Agħar minn hekk hu li ħafna nies kienu jaqtgħu qalbhom minn din l-ispiża u ma kinux jinnotifikaw lin-Nutara u l-banek bir-revoka tal-prokura bir-riskji kbar u enormi li wieħed jidħol fihom. Qisek għandek il-karozza tiegħek reġistrata fuq ħaddieħor u ma tafx jekk dan il-ħaddieħor huwiex se jmur jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi biha!

Din is-sena tlabt lin-Nutar tal-Gvern Dr Keith Francis German sabiex ifassal pjan li biha din l-inġustizzja tiġi indirizzata mill-qiegħ.   U Dr German fassal pjan li ġie implimentat fl-intier tiegħu bir-regolamenti li ħarġu l-Ġimgħa li għadda li wassal biex il-proċess tar-revoki ta’ prokuri sar jiswa biss EUR 50, sar eħfef u iktar effiċjenti.

Kulħadd issa minn fuq il-pultruna ta’ daru jew l-uffiċċju tiegħu jista’ jidħol fir-reġistru li jinsab online u jiċċekkja f’tebqa t’għajn jekk prokura li tinġieb quddiemu hijiex itterminata jew le. B’hekk, issa għandna iktar ċertezza u iktar serjetà f’settur delikat u importanti ħafna.

Raymond Caruana u Karin Grech

Ħadt gost ħafna li l-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-qabar ta’ Raymond Caruana, iż-żagħżugħ mill-Gudja li tilef ħajtu wara sparatura fl-eqqel ta’ kunflitti politiċi fit-tmeninijiet.

Karin Grech u Raymond Caruana huma żewġ vittmi li mhumiex se jintesew u t-tifkira tagħhom huma aċċertazzjoni ta’ żminijiet ta’ passat li postu hu fil-passat

F’messaġġ qasir iżda profond li ta, il-Prim Ministru Muscat fakkar ukoll vittma oħra ta’ kunflitti politiċi – Karin Grech.  Dawn huma żewġ vittmi li mhumiex se jintesew u t-tifkira tagħhom huma aċċertazzjoni ta’ żminijiet ta’ passat li postu hu fil-passat.

Il-politika wara kollox għandha tkun dwar argumenti u diskussjonijiet, ċertament mhux mibgħeda.

Presidenza UE

Il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea se tidħol fis-seħħ ftit jiem oħra.

Mat-tokki ta’ nofsillejl tal-aħħar ta’ Diċembru li ġej se nilqgħu mhux biss is-sena l-ġdida 2017 imma anke l-vjaġġ ġdid ta’ Malta bħala President tal-Kunsill tal-Ministri.

Il-Prim Ministru żar għadd ta’ Prim Ministri oħra Ewropej bħala parti mit-tħejjija. Kull fejn imur, pajjiżna qed jikber fir-rispett li jgawdi.

More in Blogs