Ittri Il-punt Blogs

Nuqqas ta’ Viżjoni.

Joe Ellis jikteb dwar kif minkejja l-istatistika turi espansjoni ekonomika f’saħħitha, qed ikollna manifestazzjoni ċara ta’ faqar f'pajjiżna bħalissa 

Joe Ellis / 1 ta' Diċembru 2016 09:48
Ritratt : Arkivji | "Hawn min qiegħed jorqod fil-karozza għax ma jiflaħx iħallas il-kera dejjem tiela’ f’bosta partijiet ta’ pajjiżna"
Kif bdejt nikteb din l-opinjoni, laqtitni aħbar illi qrajt fil-ġurnali ftit tal-jiem ilu: hawn min qiegħed jorqod fil-karozza għax ma jiflaħx iħallas il-kera dejjem tiela’ f’bosta partijiet ta’ pajjiżna.  Hija tassew aħbar illi tixxukjak illi minkejja l-istatistika illi turi espansjoni ekonomika f’saħħitha, qed ikollna manifestazzjoni daqshekk ċara ta’ faqar. Ħlief għal Għawdex fejn faċli tikri bil-€200 fix-xahar, ma naf bl-ebda post f’Malta fejn tikri appartament jew dar b’anqas minn € 400 fix-xahar.  Min għal xi raġuni ma jaħdimx, żgur ser isibha diffiċli illi jkampa. U għaldaqstant ma niskantax jekk ikun hemm xi talin illi jispiċċaw jorqdu fil-karozzi.

Żgur illi jkun hemm min ser jgħid illi min jiġrilu hekk messu jxammar idejh u  jaħdem sabiex jaqla’ biżżejjed flus biex jikri fejn joqgħod. Imma fis-soċjetà, mhux kulħadd jirnexxi u mhux kulħadd ikollu x-xorti illi jaqla’ biżżejjed flus sabiex jgħix ħajja diċenti. Hemm min hu verament għażżien, hemm min jidra jaħdem is-sistema u hemm min anke jispiċċa ma jaħdimx biex jinki l-mara. Imma hemm min jispiċċa ħażin minħabba raġunijiet oħra. Hemm min l-investiment tiegħu jmurlu żmerċ u jispiċċa ta’ fuqu senduqu, hemm min jimrad u jispiċċa bla xogħol u hemm min verament ikun beżżul.

Min isegwi l-kitba tiegħi jaf illi jiena liberali f’bosta oqsma, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. Nemmen ukoll fl-operat tas-suq ħieles u nemmen illi l-bniedem ma paspar l-ebda sistema ekonomika illi hija superjuri għal dik kapitalista illi saret dominanti wara l-waqgħa tal-ekonomiji hekk imsejħa soċjalisti.  Imma dan ma jfissirx illi dina hija sistema perfetta, illi m’għandhiex l-eċċessi tagħha, illi tista’ titħalla topera għal rasha mingħajr ħadd ma jintervjeni. U hawnhekk fejn jidħol ir-rwol tal-Istat illi għandu jikkorreġi l-eċċessi u n-nuqqasijiet tas-sistema kapitalista. 

L-Istat għandu primarjament jiżgura illi s-sistema ekonomika taħdem sew, b’mod effiċjenti u għal kulħadd. Ċertament illi min ma jxammarx idejh m’għandux jistenna illi jibbenefika mis-sistema daqs kemm min jaħdem u jistinka lejl u nhar. Imma ma jfissirx illi dawn it-talin għandhom jiġu abbandunati mill-Istat.

Inevitabilment, din id-diskussjoni tinvolvi wkoll l-abbuż illi bosta jwettqu tal-benefiċċji soċjali. Il-linja hija fina bejn min hu tassew fil-bżonn u jeħtieġ l-id ħanina tal-Istat sabiex trejqu u twensu u min jabbuża mis-sistema, jieħu l-benefiċċji u għal ġieħna jaħdem bla ktieb tax-xogħol. Dawn tal-aħħar jispiċċaw idaħħlu probabilment aktar milli kieku għandhom impjieg regulari. L-Istat irid ikun dejjem viġilanti fil-ġlieda kontra l-abbużi għaliex min jabbuża qed jieħu riżorsi illi ma jmissux lilu u qed iċaħħadhom minn min verament jeħtieġhom. Imma l-Istat irid jiżgura illi dejjem ikun hemm meta hemm il-ħtieġa ġenwina tal-intervent tiegħu.

U hawnhekk fejn tqum id-diskussjoni u jinqalgħu d-differenzi: fejn u meta għandu jintervjeni l-Istat speċjalment permezz tal-fergħa eżekuttiva tiegħu, dik illi aħna lkoll insejħulha l-Gvern. Il-każ li semmejt ċertament juri nuqqas da parti tal-Gvern għaliex illum aħna qegħdin fi stat tal-iżvilupp illi ħadd m’għandu jispiċċa jorqod fil-karozza. Niftehmu sew ħalli ħadd ma jaħseb illi qiegħed nippolitiċizza l-kwistjoni: din mhix problema ta’ Malta biss. Tmur fejn tmur fi bliet kbar barra minn Malta, ser tiltaqa’ ma’ nies illi jorqdu fit-triq, taħt il-kartun jew taħt xi sleeping bag. Dan il-fenomenu ċertament juri falliment tas-sistema kapitalista u nuqqas da parti tal-amministrazzjonijiet kollha.. Għaliex kwalunkwe gvern għandu tal-anqas jassigura illi ħadd ma jispiċċa jorqod fit-triq, jingħata l-għajnuna kollha sabiex jerġa’ jiġi lura fuq saqajh u ma jibqax jiddependi fuq l-Istat sabiex jgħix. 

Hemm bosta strumenti kif dan jista’ jsir: il-kunsill ta’ Vancouver fil-Kanada għadu kemm ħabbar taxxa ta’ 1% fis-sena fuq il-valur ta’ propjetà li tinżamm vojta. Dan wara li faqqa’ taxxa ta’ 15% fuq propjetà li tinxtara minn min mhux Kanadiż.  Danminħabba l-ispekulazzjoni kbira taċ-Ċiniżi illi jixtru l-propjetà bħala investiment u jħalluha hemm mitluqa. Kif qed jiġri f’Londra wkoll. Bir-riżultat illi l-prezz tal-propjetà qiegħda ssir inaċċessibli għan-nies tal-lokal li l-anqas jifilħu jħallsu l-kirjiet.

Dak li qed jiġri f’Malta juri kemm l-Istat hu assenti. Fuq banda għandna sitwazzjoni fejn għadna ma indirizzajniex adekwatament il-kirjiet skont il-liġi illi daħlet fl-1929 u liġijiet oħra illi għaddew wara. Għad għandna sitwazzjonijiet fejn inkwilini jabbużaw mill-protezzjoni illi jagħtuhom il-liġijiet ta’ qabel l-1995. 

Għandna wkoll sitwazzjoni fejn  mhux kull min qed jibbenefika mill-akkomodazzjoni soċjali huwa tassew intitolat għal tali akkomodazzjoni u hawn anke min jispiċċa jaqla’ sew minn tali akkomodazzjoni. U fuq naħa oħra għandna min qed jaffaċja l-konsegwenzi ta’ suq ħieles għal kollox b’kirjiet illi dejjem qegħdin isiru inaċċessibli minħabba l-eluf illi qegħdin jiġu jaħdmu Malta u jaqilgħuha ferm tajjeb fl-industrija tal-Gaming.

Ir-rwol tal-Istat hu illi jiżgura ġustizzja anke fil-qasam tal-akkommodazzjoni. U qed jidher ċar illi l-Istat qed jonqos illi jagħmel hekk bil-kbir. Tajjeb illi l-Gvern jgħid illi hu pro-business imma dan ma jfissirx illi għandu jabbanduna l-vokazzjoni soċjali tiegħu, illi jieħu ħsieb il-ħtiġijiet kollha tas-soċjetà. Għoġbuni ferm il-kliem ta’ Saviour Grima illi jmexxi l-Anti-Poverty Forum illi organizza il-konferenza fejn issemma’ illi hawn min qed jorqod fil-karozzi. Is-sur Grima qal illi l-iskop tal-konferenza hu illi barra l-paroli, jinstabu soluzzjonijiet. Skont l-APF, il-Gvern irid jassigura kundizzjonijiet ġusti tas-suq għall-inkwilini kollha u illi l-akkomodazzjoni soċjali ma tkunx rigal politiku għad-detriment ta’ min tassew jeħtieġ l-għajnuna.  Saħqet ukoll fuq il-ħtieġa ta’ struttura illi tieħu ħsieb il-qasam tad-djar u t-twaqqif ta’ bank soċjali biex jiżgura provvista adekwata ta’ akkommodazzjoni soċjali bi prezzijiet moderati għall-familji ta’ dħul baxx. 

"Tajjeb illi l-Gvern jgħid illi hu pro-business imma dan ma jfissirx illi għandu jabbanduna l-vokazzjoni soċjali tiegħu, illi jieħu ħsieb il-ħtiġijiet kollha tas-soċjetà"
Minkejja illi għandna Awtorità tad-Djar u minkejja illi l-banek kummerċjali tagħna jipprovdu self b’rati tal-imgħaxx baxxi lil min irid jixtri dar għal ewwel darba, jidher ċar illi għandna problemi kbar f’dan il-qasam. Jidher ċar illi l-Istat huwa assenti u mhux qed jintervjeni kif meħtieġ. Wieħed ma jifhimx għala l-Gvern kien waqqaf l-iskema illi kienet nediet l-amministrazzjoni preċedenti illi jinkrew blolok ta’ appartamenti illi kienu jinkrew b’rati ssussidjati lil min kellu l-ħtieġa u kien eliġibbli. Meta din il-miżura ġiet introdotta, l-iżviluppaturi illi nqabdu bil-propjetà f’nofs kriżi finanzjarja ġew salvati, il-banek irkupraw is-self tagħhom u min kien jeħtieġ akkommodazzjoni soċjali ħadha malajr u bi spiża għall-Gvern ferm anqas milli kieku kellu jibni l-appartamenti hu. 

Huwa tassew notevoli illi l-gvern attwali illi suppost hu soċjaldemokratiku qed jikkontempla illi jespropja (minkejja illi l-liġi ma tippermettihx) propjetà privata f’Paceville bi spiża prospettata ta’ €200 miljun sabiex ikunu jistgħu jinbnew torrijiet illi ser jinxtraw minn barranin illi qajla ser jersqu ’l hawn bħal f’Londra, Sydney jew Vancouver. Minkejja l-abbużi illi kienu jitwettqu fir-rigward,  gvernijiet Laburisti qabel kienu jespropjaw jew jirrekwisizzjonaw djar u artijiet sabiex jipprovdu akkommodazzjoni soċjali. Imma issa l-intervent tal-Istat qed isir sabiex nassiguraw illi l-mega-torrijiet illi ser nibnu għal multi-miljunarji jkollhom il-pjazez u l-ġonna ħalli l-veduta tagħhom ma tittappanx bid-djar u l-ħwienet illi hemm!

Dana huwa eżempju ċar fejn l-Istat qed jintervjeni b’mod żbaljat. Għax anke fejn ma jintervjeniex minkejja illi kellu jintervjeni huwa żball.  Il-gvern attwali huwa mwerwer illi jekk jirritorna għall-metodi tal-passat, jiġi akkużat illi qed jabbanduna l-politika pro-business illi ħaddan. U ċertament m’għandhux jirritorna għal dawk il-metodi illi ħolqu u għadhom joħolqu tant inġustizzji illi spiss għadhom ma ġewx rimedjati.  Imma fl-istess ħin, m’għandhux il-viżjoni kreattiva illi jipprovdi rimedji effettivi għas-sitwazzjonijiet reali li għandna llum. Dan minkejja illi riżorsi biżżejjed għandu, mijiet ta’ miljuni ta’ fondi Ewropej illi qajla bdew jintefqu u għandna banek mgħarrqin bil-likwidità mingħajr opportunitajiet adekwati biex isellfu. 

Stat assenti huwa periklu kbir, joħloq l-iskuntentizza u jiddestabilizza s-sistema. In-nuqqas tal-gvern attwali f’dan il-qasam hija indikatur ta’ falliment akbar b’mod ġenerali illi ma jitgħattiex bil-figuri tal-istatistika. Is-suċċess ekonomiku illi jiftaħar tant bih dan il-gvern jiddependi fuq fatturi esterni u spekulazzjoni selvaġġa illi jistgħu jinbidlu malajr ħafna: meta (u mhux jekk) jiġri dan u l-bużżieqa tinfaqa’, il-gvern ser isib ruħu totalment mhux ippreparat biex jilqa’ għat-tsunami illi ser jitfaċċa ħabta u sabta. Imma l-gvern ħsiebu hu illi jikkontrolla l-inflazzjoni (faċli bil-prezz taż-żejt), inaqqas l-ispiża pubblika (billi jnaqqas drastikament l-ispiża kapitali illi tfisser ħafna anqas investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna) u jikkontrolla r-rata tal-qagħad (billi jgħabbi s-settur pubbliku u joħloq skemi fażulli b’kundizzjonijiet ta’ prekarjat biex iżomm lin-nies tiegħu ferħanin). 

Wieħed kien jistenna illi wara ħamsa u għoxrin sena fl-oppożizzjoni, Gvern Laburista jabbanduna l-politika t’awsterità ekonomika illi spiss adotta fil-passat u jadotta waħda illi tinkoraġixxi spiża pubblika bil-għaqal u responsabbli fl-infrastruttura tal-pajjiż. Minflok, spiċċajna b’żieda qawwija  tal-ispiża rikorrenti u tnaqqis drastiku f’dik kapitali. 

F’xi ħin jew ieħor, ir-riżultati ta’ din il-politika ser jidhru biċ-ċar u  kulħadd ser jara l-illużjoni illi qed ngħixu.

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook