Ittri Il-punt Blogs

The last hurrah?

L-Amerika se tkun immexxija minn probabbilment wieħed mill-aktar persuni instabbli u immaturi fl-istorja tagħha, persuna li jieħu n-nar għal kull ħaġa ta’ xejn u lest li jpattiha lil kull min jikkuntrarjah...

Joe Ellis / 21 ta' Novembru 2016 18:23
Meta ktibt dwar l-elezzjoni presidenzjali Amerikana fit-2 t’Ottubru li għadda, hekk kont għalaqt il-kontribut tiegħi: ‘Wara l-prestazzjoni maġistrali tagħha fl-ewwel dibattitu, Clinton se tidħol fl-aħħar xahar tal-kampanja b’vantaġġ ċar u dan anke kif qed jindikaw l-istħarriġ tal-opinjoni fl-istati kruċjali li jiddeterminaw ir-rebħa jew it-telfa. Stati bħal Florida, North Carolina, Ohio u Virginia.

Imma t-tiġrija hija sal-barkun, iż-żewġ naħat għad għandhom bosta assi fil-komma u kollox hu possibli. Li huwa ċar hu, li jekk jitla’ Trump, l-Amerika tkun immexxija minn probabbilment wieħed mill-aktar persuni instabbli u immaturi fl-istorja tagħha, persuna li jieħu n-nar għal kull ħaġa ta’ xejn u lest li jpattiha lil kull min jikkuntrarjah. Tali possibbiltà tassew tkexkex lil kull min għandu ftit melħ f’moħħu.”

Ir-riżultat jafu kulħadd. Imma forsi mhux kulħadd jirrealizza kemm ir-riżultat kien qrib u kien jiddependi minn ftit eluf ta’ voti. Clinton rebħet il-vot popolari u l-marġni tar-rebħa simbolika tagħha qiegħed dejjem tikber: il-bieraħ kellha 1.3 miljun voti aktar minn Trump u l-għadd tal-voti għadu għaddej. Fi tliet stati kruċjali, id-differenza fil-voti kienet ferm żgħira: f’Michigan, 11,000, f’Pennsylvania, 68,000 u f’Wisconsin, 27,000. Dawn it-tliet stati tal-hekk imsejħa ‘Rust Belt’ Amerikana kienu meqjusin solidament demokratiċi u kellhom jiżguraw ir-rebħa ta’ Clinton. Tant li l-kampanja tagħha mhux dejjem iddedikat l-attenzjoni meħtieġa f’dawn l-istati.

Madankollu, dawn it-tliet stati taw b’kollox 46 siġġu elettorali lil Trump u qalbu s-sitwazzjoni kompletament. Għaliex fil-maġġiorparti tal-istati, min iġib l-aktar voti, jirbaħ il-voti elettorali kollha. L-Amerika ma taħtarx il-president direttament, imma dan jinħatar mill-Kulleġġ Elettorali illi fuqu jiġu eletti 538 elettur minn kull stat. Kull stat u d-District of Columbia għandu voti fuq il-Kulleġġ Elettorali daqs kemm għandu rappreżentanti fil-Kungress.  Għaldaqstant, min jirbaħ irid iġib aktar minn 270 vot. Trump hu mistenni li b’kollox, iġib 306 vot kontra il-232 ta’ Clinton.  Imma dawk il-106,000 vot minn total ta’ 125 miljun vot kienu determinanti biex jassiguraw ir-rebħa ta’ Trump fil-Kulleġġ Elettorali.

Din kienet ir-raba’ darba f’elezzjoni presidenzjali Amerikana fejn min rebaħ l-elezzjoni ma rebaħx il-vot elettorali. L-aħħar darba li ġara hekk kien fis-sena 2000 meta George W. Bush laħaq president minkejja li kellu nofs miljun voti anqas minn Al Gore. Wara dan ir-riżultat, qed jiżdiedu s-sejħiet sabiex jinbidel il-mod kif jinħatar il-president Amerikan. Riforma li ċertament mhux faċli li ssir fis-sistema federali Amerikana fejn l-istati għandhom daqshekk poter.

Għaldaqstant, meta wieħed jitkellem li dan il-vot jirrappreżenta xi rvell kontra l-establishment u kontra l-elite, wieħed irid iżomm f’moħħu dan il-kuntest. Forsi l-aktar li kellu suċċess Trump kien li pposizzjona ruħu bħala xi ribell kontra s-sistema meta huwa iben miljunarju u dejjem uża s-sistema għall-iskopijiet ta’ moħħu u ta’ butu. Ir-rallies tiegħu kienu tixwix kontinwu kontra l-establishment politiku b’diskors li se jnixxef il-bur ta’ Washington (‘drain the swamp’), kontra r-rivali tiegħu bis-sostenituri tiegħu spiss jgħajtu biex jitfagħha fil-ħabs (‘Lock her up’) u b’attakki u ostilità ripetuta kontra l-media tradizzjonali.  

L-attakki kontra l-minoranzi Ispanika u Musulmani fost l-oħrajn appella għall-istinti l-aktar baxxi ta’ min hu konservattiv u min għandu edukazzjoni baxxa. Imma forsi l-aktar li appella kien lil dik il-kategorija ta’ ħaddiema magħrufa bħala ‘blue collar workers’. Dawn huma ħaddiema li l-aktar ħassew l-effetti ta’ deindustrijalizzazjoni f’bosta partijiet tal-Amerika. Il-wasla ta’ prodotti irħas minn pajjiżi barranin iddevastat bosta mir-reġjuni industrijali tal-Amerika. Meta Obama laħaq President, l-ekonomija kienet fix-xifer tal-kollass totali wara l-kriżi finanzjarja li kienet faqqgħet.  L-ekonomija Amerikana llum sejra tajba u qiegħda toħloq mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi, xahar wara xahar. Madankollu, ħafna minn dawn l-impjiegi ma jħallsux tajjeb daqs kemm kienu jħallsu fl-antik. Dan is-sens ta’ depressjoni ekonomika f’bosta minn dawn l-istati hekk imsejħin tar-‘rust-belt’ ċertament għen lil Trump. Fid-diskorsi tiegħu, huwa sseduċa lil dawk li tilfu bil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ b’wegħdiet li se jqatta’ l-ftehim ta’ kummerċ ħieles u li ser jipproteġi l-impjiegi Amerikani. Wieħed jiddubita ferm kemm se jirnexxilu jagħmel dan u żgur se jiddiżappunta min appoġġjah. 

Dan hu aspett, fost bosta, fejn Trump qed jadotta posizzjoni li mhix tipika Repubblikana għaliex il-Partit Repubblikan kien dejjem favur il-kummerċ ħieles. Anzi pjuttost kienu d-Demokratiċi bil-bażi trejdunjonistika tagħhom li bosta drabi kienu kontra l-kummerċ ħieles. Trump spiss attakka n-North America Free Trade Agreement (NAFTA) li ġie ffirmat fl-1992 mill-president Bush ix-xiħ.  Għalkemm dan il-ftehim daħal fis-seħħ taħt Bill Clinton fl-1 ta’ Jannar 1994, kien hemm aktar deputati u senaturi Repubblikani li vvutaw favur dan it-trattat milli Demokratiċi. Tassew li kwalunkwe sitwazzjoni ġdida toħloq rebbieħa u telliefa. Imma t-telliefa, kemm dawk tar-‘rust-belt’ kif ukoll dawk tal-bliet Ewropej li wkoll qed isofru l-effetti tad-deindustrijalizzazzjoni, mhumiex se jirritornaw għall-passat ekonomiku glorjuż tagħhom bil-wegħdiet popolisti ta’ xi demagogu. Ħażin għalih min ma jaddattax għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. 

Ħaġa oħra fejn Trump mhuwiex isegwi l-linja tradizzjonali Repubblikana hija fil-qasam tal-investiment pubbliku. Trump qiegħed iwiegħed li ser iżid l-infiq fl-infrastruttura pubblika. U tassew l-Amerika għandha bżonn ta’ dan l-investiment għaliex l-infrastruttura tagħha ħafna drabi ddeterjorat. Dan l-investiment ifisser żieda fl-ispiża pubblika waqt li fl-istess ħin, Trump wiegħed tnaqqis fit-taxxi għal min hu l-aktar sinjur. Ir-riżultat inevitabbli ma jistax ikun ħlief żieda fid-defiċit tal-gvern Amerikan u aktar dipendenza fuq il-Gvern Ċiniż illi jiffinanzja lil dak Amerikan bix-xiri ta’ Treasury bonds Amerikani. Trump ftaħar li jħobb id-dejn. Imma din iż-żieda fl-infiq pubbliku tistona mat-twemmin tradizzjonali repubblikan ta’ rigur fiskali. Ir-Repubblikani, li wara dawn l-elezzjonijiet se jżommu l-kontroll tal-Kamra tad-Deputati u tas-Senat, iffrustraw bil-kbir l-isforzi tal-President Obama sabiex iżid l-ispiża pubblika. Ironikament, is-senaturi demokratiċi diġà ddikjaraw illi ser jikkollaboraw mal-amministrazzjoni ta’ Trump sabiex jiġu approvati dawn il-proġetti nfrastrutturali. Imma wieħed irid jara jekk ir-Repubblikani fil-Kungress humiex ser jagħmlu l-istess.   

Kienu bosta fatturi oħra li ċaħdu lil Hillary Clinton mir-rebħa li kienet qed tistenna. Ċertament m’għenietx l-ittra li bagħat id-direttur tal-FBI lill-Kungress għaxart ijiem qabel l-elezzjoni dwar l-investigazzjoni l-ġdida tal-FBI tal-e-mails ta’ assistenta tagħha li nstabu fil-laptop tal-eks raġel tagħha. Anke jekk dawn l-anqas ma kienu e-mails ta’ Clinton. Meta James Comey ħabbar jumejn qabel l-elezzjoni li l-investigazzjoni kienet intemmet mingħajr ma nstab xejn kontra l-liġi, il-ħsara kienet saret.

Telfuha ukoll ħafna l-aħbarijiet foloz li ċċirkulaw dwarha fuq il-media soċjali. Xi ġimgħat qabel l-elezzjoni kilt ma’ avukat Malti li kien għadu ġej minn New York. Dan ippreveda li se jirbaħ Trump u fost l-oħrajn qalli li Clinton kienet anke responsabbli għall-qtil ta’ persuna. Jiena m’emmintux imma ħafna emmnu din l-aħbar falza li ċċirkulat fuq il-media soċjali. Clinton kienet suġġetta għall-kampanja sħiħa ta’ vilifikazzjoni fejn in-nuqqasijiet tagħha anke l-aktar venjali ġew imkabbra fil-waqt li dawk ta’ Trump ġew injorati għal kollox. Għaliex hu tassew straordinarju kif wieħed isir president tal-Amerika minkejja li bosta nisa akkużawh b’abbużi sesswali, meta kien qed jaffaċja kawża dwar frodi fi Trump University (kawża li issa mid-dehra ser jittransiġi billi jħallas $25 m) u meta bosta aspetti tan-negozju tiegħu huma daqshekk oskuri.  

Issa li għandna lil Trump bħala president, ma nistgħux ħlief naraw kif din l-avventura populista ser tiżvolġi. Il-ġurnata minn fil-għodu turik kif ser tkun u l-ewwel ħatriet ta’ Trump kienu fil-maġġiorparti ta’ nies ultra konservattivi u kontroversjali.  Steve Bannon, l-aħħar chairman tal-kampanja tiegħu nħatar chief strategist.  Bannon kien imexxi sit ultra-konservattiv illi kien jispeċjalizza fil-konġuri u f’intervista li ta f’dawn il-jiem, qabbel ruħu ma’ Darth Vader u ma’ Satana. Ħatra oħra kontroversjali hi tas-senatur Jeff Sessions li ġie appuntat bħala Ministru tal-Ġustizzja għalkemm tletin sena ilu s-Senat ma approvax il-ħatra tiegħu bħala mħallef federali minħabba l-kummenti razzisti tiegħu. 

Bosta mistoqsijiet qamu dwar l-influwenza tal-familjari tiegħu fl-amministrazzjoni l-ġdida. U filwaqt li ħafna kienu dawk li kkritikaw lil Clinton għaliex użat server privat għall-e-mails tagħha minħabba nuqqas ta’ sigurtà, jidher li Trump tkellem ma’ 31 mexxej barrani fuq linji mhux żguri u mingħajr l-ebda briefing mid-Dipartiment tal-Istat. Bosta minn dawn il-mexxejja huma tassew inkwetati kif ser tiżvolġi l-politika amerikana u jekk Trump hux ser jimmodera r-retorika tal-kampanja elettorali jew le. 

Il-presidenza ta’ Trump se ddaħħalna f’dinja ġdida, dinja fejn l-Amerika tista’ faċilment ma tibqax l-aktar potenza f’saħħitha fid-dinja imma ċċedi x-xettru liċ-Ċina li min-naħa tagħha għadha ma implimentax ir-riformi demokratiċi li l-poplu tagħha jixxennaq għalihom. Altru li Amerika se terġa’ ssir kbira mill-ġdid kif qed iwiegħed Donald Trump. L-elezzjoni ta’ Trump mhux biss turi illi l-ħolma Amerikana m’għadhiex tikkonvinċi ħafna Amerikani imma li l-Amerika ma tridx tkompli tiddomina x-xena internazzjonali kif għamlet wara t-Tieni Gwerra Dinjija imma trid terġa’ tingħalaq fiha nfisha kif kien il-każ bejn iż-żewġ gwerer dinjija.

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook