Ittri Il-punt Blogs

Ġustizzja fir-Riforma ( l-ewwel parti)

Franco Debono jiddiskuti dwar ir-riformi fil-ġustizzja...

14 ta' Novembru 2016 19:30
Fl-1965 fl-Istati Uniti fil-każ Gideon vs Wainwright il-Qorti Suprema stabbiliet d-dritt li persuni li ma jkollhomx mezzi finanzjarji sabiex jinkarigaw avukat tal-fiducja taghhom, jinħatrilhom wieħed mill-Istat – dak komunement magħruf bħala l-avukat tal-fqar, l-avukat tal-għajnuna legali, jew legal aid. Fi Florida biss ġew meħlusa madwar 2,000 persuna bħala konsegwenza tas-sentenza u b’hekk kellek ripple effect fejn saret ġustizzja fis-sens wiesgħa, ma’ dawk kolha li kellhom d-drittijiet tagħhom miksura.

Riforma tant importanti, bħal ħafna mir-riformi u progress fis-soċjetajiet kollha madwar id-dinja, ma nibtitx mill-kumdità ta’ xi Rapport, iżda nkisbet bit-tbatija u sagrifiċċju ta’ Clarence Earl Gideon li saħansitra oriġinarjament ġie kkundannat l-ħabs, mingħajr il-possibiltà li jkun assistit minn avukat.

U bħalma dik r-riforma tibqa’ għal dejjem, b’sens ta’ ġustizzja, ċelebrazzjoni għal dak li għadda minnu Gideon, hekk ukoll f’pajjiżna r-Riforma għandha ssir fi spirtu ta’ ġustizzja, rispett u rikonoxximent lejn dawn li b’xi mod operaw f’sistema b’tant nuqqasijiet, biex verament tkun suċċess minn kull aspett.

 Għandha tkun monument ħaj għall-ġudikanti li matul s-snin għamlu mirakli jaħdmu f’ambjent nieqes minn diversi riżorsi, nuqqas ta’ riżorsi umani li jgħinu fir-riċerka, b’mezzi xi kultant limitati, fejn l-użu tal-aħħar tekonoloġija avvanzata kien jieħu snin biex jasal fl-awli tal-Qorti filwaqt li jkun ilu li sar parti mill-ħajja ta’ kuljum f’diversi oqsma oħra tas-soċjetà Maltija. Monument ħaj għall-ġudikanti li minkejja sistema b’tant nuqqasijiet u difetti dejjem urew serjetà kbira fil-qadi tad-doveri tagħhom, f’kundizzjonijiet tax-xogħol kultant diffiċli.

Monument ħaj għall-avukatura li għexet żminijiet diffiċli. Meta jien fassalt, ifformulajt u preżentajt fil-Parlament ir-riforma tal-ġustizzja li kienet qed tiġi implimentata fl-aħħar tliet snin, kont qed nużufruwixxi minn dak li tgħallimt mill-avukati ikbar minni u li kienu ta’ eżempju għalija. Kont il-vuċi ta’ dawn ukoll meta mbuttajt ’il quddiem din ir-Riforma u permezz tagħha xtaqt ukoll niżżihom ħajr.

Għax fil-verità mhux faċli taħdem fl-ambitu ta’ sistema b’tant nuqqasijiet – ladarba kien hemm bżonn tant bidliet ifisser li kien hemm tant nuqqasijiet. Għaldaqstant r-Riforma tal-Ġustizzja għandha tkun monument ħaj anke għal min fil-qadi tad-doveri tiegħu, fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum kellu jopera f’sistema mhux talli imperfetta talli mifnija b’tant nuqqasijiet – bil-perikli u diffikultajiet li din s-sitwazzjoni ġġib magħha.

Ikompli l-ġimgħa d-dieħla...

Franco Debono huwa Kummissarju għal-Liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru għar-Riforma tal-Ġustizzja

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook