Il-Maltin fil-Kanada

B’xorti ħażina, il-kultura Maltija fil-Kanada tilfet u baqgħet titlef il-prijorità tagħha, kuntrarjament għal dak li ġara fost komunitajiet indiġeni oħra...

Minn Mario Azzopardi

Uffiċjal tal-Gvern Kanadiż jeżamina l-Karti tal-Identità ta’ immigranti li għadhom kemm jaslu Halifax, il-Kanada
Uffiċjal tal-Gvern Kanadiż jeżamina l-Karti tal-Identità ta’ immigranti li għadhom kemm jaslu Halifax, il-Kanada

Wieħed mill-aħjar programmi soċjo-kulturali hu Malta u Lil Hinn Minnha (TVM), programm riċerkat tajjeb b’fotografija sensittiva ta’ Alvin Scicluna u t-tim tiegħu.

F’edizzjoni reċenti, il-programm introduċa lill-Professur Joe Portelli, li qatta’ 39 sena ma’ komunitajiet tal-Maltin fil-Kanada, fi Quebec, Halifax u Toronto, fost oħrajn.

Portelli qabad il-kwistjoni ta’ kif, b’xorti ħażina, il-kultura Maltija fil-Kanada tilfet u baqgħet titlef il-prijorità tagħha, kuntrarjament għal dak li ġara fost komunitajiet indiġeni oħra; Taljani, Griegi, Serbi, Kroati u oħrajn li emigraw fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer.

Skont il-Prof Portelli l-għeluq tal-klabbs tal-Maltin fil-Kanada wassal għall-firda bejn l-anzjani tal-ewwel ġenerazzjoni u t-tielet waħda.

Din hi wkoll is-sitwazzjoni li evolviet fl-Awstralja, fejn l-ewwel ġenerazzjoni u t-tieni ċaħdu l-identità kulturali Maltija tagħhom.

Dan stajt narah b’għajnejja stess fis-sitt xhur li għamilt ngħix Melbourne fl-2013 fejn jgħixu wkoll iż-żewġ uliedi.

M’hemmx apprezzament għall-kultura indiġena Maltija anzi, iż-żgħażagħ aktarx jistħu jgħidu mnejn huma mnisslin. Dan ifisser li dak li qal il-Professur Portelli jgħodd għaż-żewġ pajjiżi u forsi l-gvern Malti jaħti wkoll għal din l-indifferenza tal-Maltin emigranti.

Il-valeni tal-insettiċidi

F’Russia Today (RT) intwera kif tunnellati kbar ta’ pestiċidi qed jintużaw kull sena fl-Ewropa, l-aktar fi Franza, “li jimminaw is-saħħa tal-bniedem, l-aktar tat-tfal.”

Fost iż-żoni tal-pestiċidi, fi Franza m’hemmx dubju dwar ir-rabta bejn il-pestiċidi u mard mortali bħall-kanċer, provokati b’aġenti kimiċi fl-arja. F’esperiment li RT għamlet fuq tfal fi skola primarja qrib għelieqi tad-dwieli, instab li f’xagħarhom, dawn it-tfal kellhom it-traċċi ta’ 44 pestiċida differenti.

Il-qligħ massiv tal-biljuni qed imur fil-kontijiet ta’ korporazzjonijiet bħal Bayer li qed tgħatti l-operat tagħha bil-produzzjoni ta’ mediċini bħall-aspirina.

Bayer għandha slogan innoċenti: Science for a better life. Tgħid li kull prodott jista’ jkun perikoluż, inkluż l-alkoħol.

Issa, il-grupp Collective Autism sab li l-pestiċidi qed jikkawżaw spettru wiesa’ ta’ awtiżmu sever fit-tfal, l-aktar dawk qrib l-oqsma taċ-ċitru, sprejjati b’volum qawwi u regolarment qrib il-fruntiera mal-Messiku.

Haiti hu post ieħor fejn multinazzjonali bħal Dow, Du Pont u Syngenta qed jużaw pestiċidi li qed jikkawżaw diformazzjonijiet atroċi fit-trabi, fosthom dawk li jitwieldu b’imsarinhom barra.

It-tfal huma fost l-akbar vittmi. U nafu min huma r-rebbieħa.

L-edukazzjoni mingħajr skola

Dan l-aħħar f’Xarabank (TVM) deher missier żagħżugħ jiddikjara li ma jridx jeduka lil bintu fi skola għax m’għadux jaqbel mas-sistema edukattiva f’Malta: hi riġida, mingħajr enerġija u mingħajr viżjoni.

Fl-Awstralja u l-Kanada, m’hemmx apprezzament għall-kultura indiġena Maltija anzi, iż-żgħażagħ aktarx jistħu jgħidu mnejn huma mnisslin

Miegħu, prima facie, deher jaqbel il-Professur Carmel Borg mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta.

Din l-edizzjoni ta’ Xarabank ħabtet ma’ edizzjoni ta’ Deutsche Welle (DW) minn West Virginia fejn familja estiża trid tapplika sistema ta’ edukazzjoni fid-dar (home schooling). Il-missier, veteran fl-Iraq, qal li l-politiċi kkorrompew is-sistema edukattiva u kissru l-valuri Kristjani tat-tradizzjoni Amerikana. Qal li l-poter politiku m’għandux jibqa’ ikkonċentrat f’Washington iżda għandu jkun mifrux mal-istati kollha, kif kien isir qabel.

L-omm, eks għalliema, sostniet li hi u żewġha m’għadx għandhom fiduċja fl-istrutturi tal-edukazzjoni fl-Istati Uniti u persważi li jistgħu jagħtu edukazzjoni ħafna aħjar fid-dar stess, fi ħdan il-familja.

Madwar l-Amerika kollha, is-sistema tal-home schooling hi legali. Għal darba, Xarabank qabad argument ċivili important fuq l-aġenda, mingħajr storbju u mingħajr spekulazzjoni. Hu argument li ħaqqu aktar investigazzjoni.

EU2017.mt

Il-presidenza ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea minn Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 hi waħda kumplessa.

Politikament hemm il-problema tal-Brexit. Hemm ukoll żewġ elezzjonijiet importanti, fil-Ġermanja u Franza.

La d-demokristjani u lanqas is-soċjalisti fil-Parlament Ewropew ma jistgħu jibqgħu jippretendu li l-kontinent hu fortizza ta’ interessi li jeskludu lil dawk li qed ifittxu kenn mill-atroċitajiet f’pajjiżhom

Qed isir ħafna restawr fil-palazz. U loġistikament sar ħafna xogħol. Hemm mistennija li jaslu Malta mal-1,500 ġurnalist. Kien hemm problemi anki dwar l-akkomodazzjoni ta’ dawn il-ġurnalisti. Kien diffiċli biex instabu postijiet biżżejjed fil-lukandi.

Hu mistenni li fuq nett tal-aġenda tal-presidenza hemm l-immigrazzjoni. Il-programm EU2017.mt qed jixxandar fuq il-kanal nazzjonali bi produzzjoni u preżentazzjoni tajbin ħafna ta’ Norma Saliba.

 

 

Il-pożi tal-Unjoni Ewropea

Is-soluzzjoni għat-traġedji fil-Mediterran trid tkun waħda umanitarja. Jekk le, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-leġittimità li tippoża tal-gwardjan tad-drittijiet umani.

La d-demokristjani u lanqas is-soċjalisti fil-Parlament Ewropew ma jistgħu jibqgħu jippretendu li l-kontinent hu fortizza ta’ interessi li jeskludu lil dawk li qed ifittxu kenn mill-atroċitajiet f’pajjiżhom, li ħafna drabi huma l-legazija antika tal-kolonjaliżmu.

More in Blogs