Gżira f’salib it-toroq

Joe Ellis jikteb dwar kif donnu kulħadd hu rassenjat li xejn ta’ ġid mhu ser joħroġ mill-Ministeru għal Għawdex

Waqt li attendejt laqgħa li nieda l-Partit Nazzjonalista għall-imprendituri Għawdxin, Simon Busuttil flimkien max-shadow ministers Chris Said u Marthese Portelli ltaqgħu ma’ dawn l-imprendituri Għawdxin sabiex jisimgħu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom.

Matul il-laqgħa, issemmgħu l-istess problemi li ilna nisimgħuhom minn żmien żemżem. Donnhom il-problemi f’Għawdex jibqgħu jkarkru u qatt ma jiġu solvuti. Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-inerzja biex insolvu l-problemi qed ifisser li dawn qegħdin dejjem jikbru u jsir dejjem aktar diffiċli biex wieħed isolvihom. L-istatistika dan turih biċ-ċar. Fortunatament, minn mindu bdejna nippreparaw sabiex insiru parti mill-UE, qed tiġi kompilata statistika reġjonali għal Għawdex. L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ l-aħħar ġabra ta’ statistika f’Settembru 2015 permezz tal-ktejjeb ‘Gozo in Figures 2015’ li jkopri l-perjodu bejn Jannar 2009 u Diċembru 2014.

L-istampa li toħroġ minn din il-pubblikazzjoni mhi xejn sabiħa. Ejjew nibdew mill-popolazzjoni.  Dejjem insostni li l-livell tal-popolazzjoni huwa indikatur tas-suċċess tal-ekonomija ta’ komunità.  Jekk komunità tkun miexja tajba, il-popolazzjoni se tikber sakemm ma jkunx hemm xi katakliżma naturali bħal xi pesta. U viċi versa kif fil-fatt qed jiġri f’Għawdex. Joħroġ ċar mill-istatistika li mentri f’Malta matul l-aħħar snin, ir-rata tat-twelid kienet tiżboq dik tal-imwiet b’medja ta’ 1,000 fis-sena, f’Għawdex kienu bosta s-snin li matulhom mietu aktar nies milli twieldu. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin, il-popolazzjoni f’Għawdex baqgħet stabbli fi 31,500 mentri dik ta’ Malta dejjem baqgħet tikber. Fl-istess perjodu bejn l-2009 u l-2013, il-popolazzjoni totali ta’ Malta telgħet minn 414,029 għal 425,384, żieda ta’ 11,000. Minn din iż-żieda, nofsha kienet ta’ nies barranin imma f’Għawdex il-popolazzjoni baqgħet l-istess.

Imma fil-fatt, hemm min anke jiddubita l-istatistika uffiċjali u jsostni li l-popolazzjoni reali ta’ nies li permanentement jgħixu f’Għawdex hija ferm iżgħar u tlaħħaq madwar 15,000. Din hija figura tassew inkwetanti. Fil-fatt, wieħed mill-parteċipanti f’din il-konferenza stqarr li fi żmien ħamsin sena, Għawdex se jkun bħal Kemmuna. Bla nies. Wisq nibża ukoll li nispiċċaw bħal Venezja fejn ikollok eluf ta’ turisti matul il-jum imma bil-lejl, ikollok il-baħħ b’popolazzjoni dejjem tiċkien.

Donnu kulħadd hu rassenjat li xejn ta’ ġid mhu ser joħroġ mill-Ministeru għal Għawdex

L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-figura tal-iżvilupp ekonomiku f’Għawdex.  Dejjem skont l-istatistika uffiċjali, il-Prodott Gross Domestiku ras imb’ras f’Għawdex hu €12,000 mentri f’Malta hu €18,000. Dan ifisser li l-PGD t’Għawdex ras imb’ras hu 70% dak ta’ Malta. Fis-snin 2009 sa 2013, il-PGD f’Malta żdied bi 23.15% mentri f’Għawdex żdied biss 18.5%. Il-kontribut t’Għawdex għall-Gross Value Added nazzjonali niżel minn 5.3% għal 5.11%.

Ma naħsibx li dawn it-tendenzi ġew riversjati f’dawn l-aħħar snin għalkemm l-istatistika uffiċjali għadha skarsa. Fid-diskussjoni li segwejt, ħareġ ċar kemm Għawdex huwa nieqes minn interlokutur li jindirizza l-problemi li jeżistu. Malli tela dan il-gvern, l-ewwel ħaġa li għamel kien li neħħa l-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa minn taħt idejn il-Ministeru għal Għawdex b’hekk, il-ministeru għal Għawdex idgħajjef aktar. Fil-problemi kollha li ssemmew f’din il-konferenza, l-assenti l-kbir kien il-ministeru t’Għawdex. Qatt ħadd ma semma li l-ministeru għal Għawdex messu qed jagħmel hekk jew hekk. Donnu kulħadd hu rassenjat li xejn ta’ ġid mhu ser joħroġ minn hemm. Kien hemm min ippropona li l-Malta Enterprise u l-Awtorità tal-Ippjanar ikollhom sezzjoni dedikata għal Għawdex imma ħadd ma semma li l-ministeru għal Għawdex messu qiegħed jagħmel ħiltu sabiex dawn l-entitajiet jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ Għawdex. 

Jidher ċar li llum il-ministeru għal Għawdex sar entità li hija aktar ċerimonjali fin-natura milli ta’ sustanza. Sfortunatament, il-ministeru għal Għawdex mhux qed jaħdem biżżejjed sabiex jindirizza l-problemi li għandu Għawdex bħal dawk tat-trasport bejn il-gżejjer kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, in-nuqqas tat-tieni fibre optic cable li għadu ma sarx minkejja li ilu mwiegħed snin, l-air strip, il-mina u l-popolazzjoni li qiegħda dejjem tiċkien. Mhux talli l-ministeru għal Għawdex mhux qed jagħmel xejn biex jindirizza dawn il-problemi, talli qiegħed ukoll jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar problemi.

Xi eżempji jkunu f’lokhom. F’dawn l-aħħar snin, bosta kienu dawk il-ħaddiema li telqu mis-settur privat sabiex jidħlu f’xi skema li tħallas il-paga minima u spiċċaw jaħdmu f’xi dipartiment jew kumpanija tal-gvern. Dawn it-talin qed tiddendlilhom il-karrotta ta’ mpjieg mal-gvern imma qed ikollhom jaċċettaw kundizzjonijiet inferjuri minn dawk li kienu jgawdu fis-settur privat. L-istess ġara fir-rigward ta’ min kien ilu jirreġistra. Huwa stramb kif f’Għawdex, kif inhu anke l-każ f’Malta, hawn mijiet ta’ barranin li jaħdmu, imbagħad hawn min qed jgħid li ma jsibx xogħol.  Imma hekk ħa nqajmuha l-ekonomija Għawdxija, billi nimpjegaw in-nies fuq il-paga minima u nżarmaw il-privat li dejjem qed isibha aktar diffiċli sabiex jimpjega n-nies li għandu bżonn u jispiċċa jħaddem il-barranin?

Il-ministeru għal Għawdex messu hu driver għall-iżvilupp f’Għawdex imma minflok illum sar vettura ta’ immobiliżmu li qiegħda tkompli tistanja lill-gżira. Tant kemm l-Għawdxin huma rassenjati għal dan li aktar minn rappreżentant wieħed tal-korpi kostitwiti esprimew ix-xewqa li l-Kunsill Reġjonali t’Għawdex ikollu aktar kontroll kif jintefqu l-fondi tal-Ewropa li suppost huma ddedikati għal Għawdex. Jiena m’għandi xejn kontra din l-idea, anzi forsi din tkun is-soluzzjoni ideali. Ma ninsewx li waħda mill-ispinti kbar għall-iżvilupp t’Għawdex ingħatat mill-Kunsill Ċiviku li l-awtoritajiet kolonjali stabilixxew fis-snin sittin. Imma hu tassew patetiku li għandna Ministru li huwa membru tal-Kabinett li donnu m’għandu l-ebda vuċi fuq il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw lil Għawdex.

U mhuwiex suffiċjenti li jiġi Joseph Muscat Għawdex kif għamel ftit xhur ilu u jgħidilina li wasal iż-żmien li nistudjaw kif ser tiżdied l-awtonomija tal-gżira. U li nħabbru fil-baġit li se nwaqqfu kumitat sabiex jistudja din il-kwistjoni. Hu l-Prim Ministru li jfassal il-portafolli ministerjali u kien hu li ddeċieda li jneħħi nofs ir-responsabilitajiet mill-ministeru t’Għawdex. U jekk tassew irid li Għawdex jiżviluppa, messu tal-anqas iwaqqaf kumitat tal-Kabinett iffurmat minn bosta ministri inkluż dak t’Għawdex sabiex joħroġ bi proposti konkreti kif Għawdex joħroġ mill-fondoq li jinsab fih. Mhux ninħbew wara kumitat li ser joħroġ b’rapport li min jaf jiġiex attwat.

Għax dur dur dur, jekk tassew irridu nibdew nindirizzaw il-problemi endemiċi ta’ Għawdex, irridu nibdew biex nindirizzaw l-arkitettura isitituzzjonali. Jekk il-ministeru għal Għawdex għal xi raġuni jew oħra mhux qed jiffunzjona kif mixtieq u mhux qed iservi ta’ katalist sabiex jinħoloq ix-xogħol f’Għawdex u b’hekk, Għawdex jiżviluppa u jissupera l-problemi, irridu nsibu alternattiva. U dan irridu nagħmluh illum qabel għada għax wisq żmien m’għandniex.

Meta inti jkollok sitwazzjoni fejn l-abitanti ta’ post ma jibqgħux jinvestu hemm imma jippreferu li jinvestu band’oħra, kif qed jiġri f’Għawdex, wieħed jibda jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni.  Sfortunatament, il-ministeru t’Għawdex jaħseb li se jgħatti x-xemx bl-għarbiel billi jnaqqas in-numru ta’ nies qiegħda b’numru ta’ skemi li huma fl-agħar tradizzjoni tal-prekarjat li spiss nikkundannaw. Imma din mhi l-ebda soluzzjoni għall-problemi ekonomiċi ta’ Għawdex.

Fl-isforzi li rridu nagħmlu sabiex insibu l-aħjar mod ta’ governanza f’Għawdex, irridu nevitaw il-frammentazzjoni u r-riskju ta’ duplikazzjoni istituzzjonali. Jekk se jkollna Kunsill Reġjonali b’aktar saħħa kif bosta qed jesprimu x-xewqa, l-interface bejn il-Ministeru għal Għawdex u dan il-Kunsill Reġjonali għandha tiġi definita sew. Ikun kontraproduċenti li jkun hemm gwerer territorjali bejn żewġ entitajiet f’post daqshekk żgħir u b’riżorsi daqshekk limitati.U fuq kollox irridu nevitaw il-frammentazzjoni istituzzjonali. Inutli noqogħdu noħolmu li jkollna Malta Enterprise jew Awtorità tal-Ippjanar għal Għawdex. Imma huwa tassew meħtieġ li d-dipartimenti tal-gvern u l-entitajiet pubbliċi kollha jkunu aktar sensittivi u responsivi għall-ħtiġijiet ta’ Malta. U jekk dan mhux fil-preżent qed isir minħabba ministeru t’Għawdex apatetiku u mingħajr sens ta’ direzzjoni, irridu naraw kif jibda jsir billi jkollna istituzzjoni li sservi ta’ mutur sabiex Għawdex jimxi ’l quddiem.  

Jekk irridu nibdew insolvu l-problemi enormi t’Għawdex, irridu nibdew billi nfasslu l-arkitettura strutturali ta’ din il-ħolqa ta’ gżira tant sabiħa u b’tant potenzjal li għadu mhux qed jiġi sfruttat bl-aħjar mod għall-ġid tal-abitanti tiegħu.

More in Blogs