Ittri Il-punt Blogs

Ostaġġ

Il-gvern preżenti huwa ostaġġ u miegħu qed iżomm ostaġġ il-pajjiż u ser jibqa' jżommu ostaġġ għal tmintax-il sena.

Joe Ellis / 24 t'Ottubru 2016 19:30
Il-gvern preżenti huwa ostaġġ u miegħu qed iżomm ostaġġ il-pajjiż u ser jibqa' jżommu ostaġġ għal tmintax-il sena.

Huwa ostaġġ ta’ wegħda elettorali li ma kinetx meħtieġa, tħares kif tħares lejha. U wisq anqas maħsuba sew.

Nhar il-Ġimgħa kont f’ċena ma’ ħabib li kien qed jgħidli dak li qallu esponenti prominenti Laburista dwar żball li kien għamel Joseph Muscat qabel l-elezzjoni. Evidenti l-iżball: overkill. Qabel l-2013, kien ċar daqs il-kristall li l-Partit Laburista kien ser jirbaħ il-poter. U għaldaqstant, ma kellux għalfejn jagħmel ħafna wegħdiet, fil-beraħ jew wara l-kwinti sabiex jassigura r-rebħa. U speċjalment fir-rigward tat-tnaqqis tar-rati tal-elettriku permezz ta’ power station ġdida tal-gass li kienet ser tinbena mill-privat fi żmien sentejn. 

Għidtha dakinhar u nerġa’ ngħidha llum. L-għażla tat-tip ta’ power station li jrid jibni pajjiż mhix xi ħaġa li għandha tiġi deċiża f’kampanja elettorali. Hija għażla tant kumplessa u li tirrikjedi studju li żgur ma tistax tiġi indirizzata kif suppost fil-ftit ġimgħat ta’ kampanja elettorali.  Imma dan il-pajjiż hekk ipproċeda li jagħmel. Tfaċċa fuq l-orizzont Konrad Mizzi li tpinġa li hu xi guru fil-qasam enerġetiku u rnexxielu jbiegħ l-idea li bil-bini ta’ power station li jaħdem bil-gass, ser isir tnaqqis sostanzjali fir-rati ta’ dawl u ilma.  

Il-gvern Laburista l-ġdid ovvjament iħoss li għandu mandat elettorali, anzi l-obbligu, li jibni dan il-power station bil-gass. Minkejja li ħa deċiżjonijiet importanti mingħajr ma kellu tali mandat.  Insemmu biss il-bejgħ tal-passaporti u l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Minkejja wkoll li d-domanda enerġetika tal-pajjiż ma tirrekjediex li jinbena tali power station ġdida.

U għaldaqstant ftit xhur wara li ħa l-poter, il-gvern il-ġdid ipproċeda bis-sejħa għall-espressjonijiet t’interess sabiex jinbena dan il-power station il-ġdid. Mingħajr ħadd ma stagħġeb wisq, intgħażel il-konsorzju Electrogas sabiex iwettaq dan il-proġett. L-Electrogas kien fl-epoka magħmul minn soċjetà kkwotata fuq il-Borża alternattiva ta’ Londra, Gasol p.l.c., minn Siemens, is-Socar li hi l-kumpanija taż-żejt tal-istat tal-Ażerbajġan u GEM Holdings Ltd., konsorzju ta’ ditti lokali lkoll verġni fil-qasam enerġetiku fosthom Gasan u Tumas.

Kif intgħażel dan il-konsorzju għal dan il-proġett ta’ € 450 miljun hu tassew misteru. Jew forsi mhux daqshekk. Gasol kienet prattikament fi stat ta’ falliment u kienet baqgħet għaddejja biss bil-forċina tas-SOCAR. Ilha ma tippubblika l-kontijiet tagħha sentejn u fit-28 ta’ Lulju 2016, ċediet l-ishma tagħha lill-azzjonisti l-oħra ta’ Electrogas. Ma niskantax jekk kienu l-banek li sellfu lill-konsorzju € 450m li nsistew li Gasol titlaq ’il barra għax l-aħbar tas-self u tal-ħruġ mill-konsorzju kkoinċidew.  Dan minkejja li l-Gvern spiċċa joħroġ garanzija ta’ €360m li qatt ma ssemmiet fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess. Garanzija li suppost titneħħa meta l-Kummissjoni Ewropea tapprova s-Security of Supply agreement li tassigura lil Electrogas li l-gvern jixtri d-dawl kollu li ser tipproduċi din il-power station il-ġdida anke jekk l-Enemalta ma jkollhiex bżonnu. Minn informazzjoni li għandi, sabiex tkun effikaċi, din il-power station il-ġdida trid jaħdem il-ħin kollu b’kapaċità qrib il-massimu b’differenza tal-impjant tal-BWSC li hu ferm aktar flessibbli. U għaldaqstant, din il-garanzija x’aktarx ser tkun ta’ piż ekonomiku konsistenti għall-pajjiż fil-futur. Dan speċjalment meta wieħed iqis li d-dawl minn dan l-impjant ser jinxtara bir-rata ta’ 9c6-il KWh, rata ferm ogħla minn kemm qed jinxtara bl-interconnector. Lanqas nafu jekk il-prezz tad-dawl li ser jinbiegħ lil Enemalta ġiex rivedut minkejja li l-prezz tal-gass naturali naqas b’terz f’dawn l-aħħar tliet snin.

Meta dan il-proġett ġie ppreżentat lil pubbliku, kien intqal li l-gass kien se jinħażen f’tankijiet fuq l-art. Tonio Fenech li kien responsabbli politikament mill-Enemalta kien qal li dawn it-tankijiet kienu jridu jkunu kbar daqs il-koppla tal-Mosta. Kien intqal ukoll li l-art mhix stabbli u dan kien ifisser spiża kbira f’piles tal-konkos. Imma l-perit Ellul Vincenti li fil-passat kien chairman tal-Enemalta kien assigurana li dan ma kienx il-każ. Ann Fenech kienet qaltilna wkoll li ftit hawn vapuri fis-suq sabiex iġorru l-gass biex jimtlew dawn it-tankijiet, minħabba l-volum relattivament żgħir tagħhom.

Sabiex jissorvola dawn id-diffikultajiet, iħaffef iż-żmien u jiffranka il-flus, il-konsorzju kkonvinċa lill-gvern li minflok tankijiet fuq l-art, il-gass jaħżnu fi Floating Storage Unit li jintrabat mal-moll ħdejn il-power station. Instab tanker antik tal-gass naturali li ġie konvertit fi FSU biex jinħażen il-gass li jkun ġie trasportat f’forma likwida f’temperatura ferm baxxa qabel ma jerġa’ jinbidel f’gass fuq l-art. Il-kumpanija Bumi Armada ngħatat il-kuntratt ta’ US$300m sabiex tikkonverti dan it-tanker qadim  f’FSU u toperah għal tmintax-il sena u xahrejn. Minkejja dan, il-gvern Malti qed isostni li dan l-FSU huwa temporanju sakemm isir pipeline tal-gass. Imma min hu f’sensih li jidħol għal spiża bħal din jekk ma jkollux l-assigurazzjoni li jirkupraha mal-milja taż-żmien? Huwa wisq probabbli li dan l-FSU ser jibqa’ Marsaxlokk għal dawn it-18-il sena li ġejjin u li l-pipeline jibqa’ ma jsirx.

"Qabel l-2013, kien ċar daqs il-kristall li l-Partit Laburista kien ser jirbaħ il-poter, għaldaqstant, ma kellux għalfejn jagħmel ħafna wegħdiet, fil-beraħ jew wara l-kwinti sabiex jassigura r-rebħa"
Dan l-FSU se jintuża wkoll sabiex jaħżen il-gass li ser jibda jintuża mill-impjant tal-BWSC li ser jiġi konvertit ukoll biex jibda jopera bil-gass minflok bil-heavy fuel oil. Illum, dan l-impjant sar taċ-Ċiniżi għalkemm dan l-aħħar intqal li għal xi raġuni, l-Enemalta reġgħet bdiet toperah u tħallas kirja għalih. Għaldaqstant, iż-żewġ impjanti principali li jiġġeneraw l-elettriku fil-pajjiż se jiddependu totalment fuq dan l-FSU.  

Din il-ġimgħa ġew ippubblikati bosta rapporti in konnessjoni mal-permess ambjentali li jrid jinħareġ mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qabel ma jibda jopera l-impjant tal-Electrogas. U sirna nafu li huwa mistenni li dan l-FSU ser jibda jiġi fornit kull sitta jew tmien ġimgħat b’tanker ta’ gass li jrid isorġi ħdejh. L-operazzjoni tat-trasferiment tal-gass mit-tanker għall-FSU trid issir f’żewġ perjodi ta’ 24 siegħa f’medda ta’ ħamest ijiem peress li qabel ma jinħatt il-gass likwifikat kollu, ikun irid jiġi kkonsmat parti mill-ħażna fl-FSU. Mhuwiex magħruf x’impatt din l-operazzjoni se jkollha fuq l-attività fil-port ta’ Marsaxlokk u speċjalment fir-rigward tal-Freeport u l-Medserv. Ċertament iridu jittieħdu il-prekawzjonijiet kollha sabiex il-vapuri li jkunu deħlin u ħerġin mill-port ma jersqux lejn it-tanker u l-FSU għaliex kolliżjoni, improbabbli kemm hi mprobabbli, jkollha konsegwenzi possibbilment katastrofiċi.  

Imma l-aktar ħaġa li laqtitni hi x’ser jiġri meta jkun il-maltemp. L-FSU ser jiġi skonnettjat mir-rigasifikatur u jinħareġ xi 70 metru ’l barra minn fejn ikun marbut. Ovvjament, jekk isir hekk, l-FSU mhux se jibqa’ jforni gass likwifikat lir-rigasifikatur u b’hekk, żewġ power stations ser ikollhom jieqfu u ma jipproduċux dawl. Tassew inkredibbli li meta jkollna tempesta qalila, li wieħed jistenna li jkollna tliet darbiet f’sena skond dan ir-rapport, żewġ power stations ikollhom jieqfu jaħdmu u l-provvista tad-dawl fil-pajjiż  tispiċċa tiddependi totalment fuq l-interconnector.  

Intqal ħafna fuq is-sigurtà ta’ dan l-impjant. Riskji ċertament hemm u tajjeb jagħmlu l-awtoritajiet li jippruvaw jimminimizzawhom. Imma mhux argument li wieħed joqgħod isemmi kemm dam l-impjant tal-Qajjenza mdawwar bil-bini. L-ewwel nett, il-gass tal-Qajjenza kien differenti. U fit-tieni lok, meta sar l-impjant tal-Qajjenza, ma kienx hemm bini fi qribu. Kien biss fis-snin sebgħin meta kulħadd jaf x’politika urbanistika kellna fil-pajjiż li l-bini tħalla jitla’ ħdejn it-tank tal-gass. Suppost li ħadniehom il-lezzjonijiet ta’ dak iż-żmien u kemm hu diffiċli li wieħed jelimina l-konsegwenzi ta’ żbalji li jitwettqu. Imma mid-dehra dan mhux il-każ.

U dawn il-gabirjoli u kutrumbajsi kollha biex ikollna dawl li ser ikun ferm ogħla milli nistgħu nixtruh bl-interconnector li issa se nispiċċaw nużawh l-aktar meta jkollna l-maltemp biss. Kien ikun ferm aktar għaqli u radikali kieku l-Partit Laburista wiegħed li jagħmel investiment massiċċ fil-produzzjoni ta’ enerġija rinnovvabli li qiegħda tagħmel passi ta’ ġgant u qiegħda ssir ferm kompettittiva. Imma minflok, il-partit illum fil-gvern spiċċa ostaġġ ta’ wegħda li ma kinetx maħsuba sew u li ser taffetwa negattivament l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż għal tal-anqas tmintax-il sena.

Joe Ellis huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-13-il distrett

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook