Mewt fl-età ta’ disgħin sena

Andrzej Wajda
Andrzej Wajda
Dario Fo
Dario Fo

Kien hawn diversi avvenimenti interessanti matul din il-ġimgħa minbarra d-dħul ta’ vapur kbir fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Naturalment dan kien avveniment kbir f’Malta; u bħal okkażjonijiet u avvenimenti oħrajn, dan ġie interpertat skont il-perċezzjoni ta’ dak li jkun. Filwaqt li kien hemm min għoddu għaddu bħala waħda mid-dgħajjes koħol tax-Xlukkajri, li bih jew mingħajru dil-bajja se tibqa’ waħda mill-isbaħ tal-gżira, oħrajn, għax hekk qablilha l-perċezzjoni tagħhom, ħadu kejl u ġabuh, bejn wieħed u ieħor, id-daqs ta’ tliet grawnds tal-futbol. M’għandix dubju li qabel jew wara ġie f’idejk dan l-artiklu, ħarist lejn oħrajn u sibt li llum, dan il-vapur mhux biss qiegħed Marsaxlokk imma daħal isorġi f’ħafna paġni fuq il-gazzetti.

Ġraw affarijiet oħrajn 

Kellna żewġt imwiet prominenti mid-dinja tal-arti: Andrzej Wajda u Dario Fo, it-tnejn ta’ disgħin sena. Dario Fo, premju nobel għal-letteratura fl-1997, jibqa’ magħruf għall-mod kif ittraduċa l-fehmiet xellugin tiegħu fuq il-palk u għall-attitudni popolari tiegħu lejn it-teatru bħala, l-ewwel nett, mezz ta’ għarfien soċjali u mbagħad bħala arma għall-bidla. Fo tfaċċa f’Malta fis-snin tmenin meta l-Ateatru, dik il-kumpanija teatrali li kitbet paġna importanti fl-istorja tat-teatru lokali u li, sfortunatament, din il-paġna donnha nqalgħet u sparixxiet, kienet tellgħet “Il-Mewta Aċċidentali ta’ Anarkiku”. Il-mewta traġika ta’ ħaddiem mal-ferroviji tal-istat f’Diċembru 1969 hija waħda mill-ħafna u ħafna avvenimenti strambi u vjolenti ta’ waħda mill-agħar epoki fl-istorja Taljan. Giuseppe Pinelli kien imxierek f’għaqda ta’ anarkisti, aktar tat-tip idealista minn xejn, li kien ġie arrestat, f’lejl xitwi f’Milan, bl-isplużjoni ta’ bomba fi Piazza Fontana. Skont il-pulizija f’Milan, Pinelli kien qiegħed jiġi interrogat minn erba’ uffiċjali tal-pulizija meta dan, fid-daqqa u l-ħin, jintebaħ li hemm tieqa miftuħa beraħ (f’Milan, f’nofs ta’ lejl, f’nofs Diċembru) u qabeż għal isfel. Kif wieħed jista’ jistenna, ħadd qatt ma emmen lill-pulizija. Kienet ovvja li Pinelli kien ġie suwiċidat mill-pulizija stess. “Il-Mewta Aċċidentali ta’ Anarkiku” kienet ir-reazzjoni ta’ Fo għal din it-tebgħa kerha fl-istorja ta’ pajjiżu. Aktarx li flimkien ma’ “Mistero Buffo” u “Non si paga! Non si paga!” il-farsa ispirata mill-qtil ta’ Pinelli hija l-aktar xogħol imxerred ta’ Fo. Id-deċiżjoni li tiġi prodotta dil-farsa politika f’teatru li kellu Ateatru fejn illum hemm l-appartamenti lussużi f’Tigne’ ma kinitx waħda innoċenti. Anki hawn kien hawn min instab maqtul b’mod misterjuż wara li kien interrogat mill-pulizija, u anki hawn kien hawn min bdielu t-tmiem tiegħu permezz ta’ splużjoni ta’ bomba. 

Wajda uża ċ-ċinema biex wera t-traġedja Pollakka, l-ewwel minħabba la-aggressjoni u l-okkupazzjoni Nazista, imbagħad dik Stalinista u tibqa’ sejra għar-ripressjoni taċ-ċittadini Pollakki mir-reġim Komunista

Andrzej Wajda wkoll kien artist essenzjalment politiku. Jibqa’ magħruf bħala l-kummentatur poetiku tal-istorja Pollakka fis-seklu 20 . Wajda uża ċ-ċinema biex wera t-traġedja Pollakka, l-ewwel minħabba l-aggressjoni u l-okkupazzjoni Nazista, imbagħad dik Stalinista u tibqa’ sejra għar-ripressjoni taċ-ċittadini Pollakki mir-reġim Komunista li laħqet l-apiċi tagħha bl-impożizzjoni tal-liġi marzjali fil-bidu tas-snin tmenin. Fost l-akbar xogħlijiet tiegħu, bilfors ikollna nsemmu “Irmied u Djamanti”, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Jerzy Andrzejewski, “Ġenerazzjoni” u “Kanal” li flimkien jiffurmaw it-triloġija tal-gwerra li Wajda ħadem bejn l-1954 u l-1958. Il-ħarsa tiegħu lejn ir-ripressjoni komunista Wajda jagħtiha b’mod mill-aktar konvinċenti fil-films“Raġel tal-Irħam” (1977) u “Raġel tal-Ħadid” (1981). L-istess bħalma għamel ir-reġista ċelebri l-ieħor Pollakk Krzysztof Kieslowski, Wajda rreaġixxa għar-reġim bit-tertuqa, bil-metafori viżwali li ħoloq u x-xbihat li jibqgħu stampati fil-moħħ tal-ispettatur. Il-Polonja ta’ Wajda hija l-Polonja l-miskina li mqar il-forma ġeografika tagħha baqgħet dejjem tiġi mmodifikata (xi drabi anki drastikament). Wajda ħares lejn l-istorja u kitibha fuq i-liżar. “Katyn” (2007), wieħed mill-aħħar xogħlijiet tiegħu jirrakkonta traġedja oħra Pollakka: l-assassinju sistematiku ta’ 22,000 priġunier tal-gwerra Pollakk  mis-suldati Sovjetiċi fil-foresta ta’ Katyn fl-1940. Għal ħafna snin l-Unjoni Sovjetika ċaħdet l-akkużi u r-ripressjoni Komunista tefgħet il-ħtija fuq in-Nazisti sakemm fl-1990 l-aħħar mexxej Sovjetiku Gorbacev ammetta l-akkużi li l-massakru kienu responsabbli għalih il-mexxejja Sovjetiċi.

Ta’ artist politiku li kien, Wajda rrakkonta dawk l-avvenimenti storiċi fil-Polonja tat-traġedji, u għamel dan anki bir-riżultat li skomoda lill-ispettaturi Pollakki stess. Il-kobor tiegħu ma jitqiesx biss li proprju din is-sena, fl-età venerabbli ta’ 90 sena, ipproduċa dak li kellu jkun l-aħħar film tiegħu, imma anki għax irrakkonta dak li kien moħbi, fil-kanali tad-drenaġġ f’Varsavja tipprova tirreżisti l-okkupazzjoni Nazista, u fil-griż skur f’dik in-naħa tal-kontinent fejn iċ-ċittadin kien imneżża’ mid-drittijiet tal-libertà.

More in Blogs