Torrijiet, ekonomija u dommi

It-Torri ta’ Babel jissimbolizza l-ambizzjoni ta’ bnedmin li ma jagħrfux il-limiti u l-qies tagħhom. F’pajjiżna donna ma tgħallimna xejn minn din l-istorja. It-torrijiet tal-Imrieħel u Tas-Sliema hi l-aħħar ġrajja li turi dan...

It-Torri ta’ Babel jissimbolizza l-ambizzjoni ta’ bnedmin li ma jagħrfux il-limiti u l-qies tagħhom. It-tir li jilħqu s-sema jwassal fl-aħħar mill-aħħar għal taħwid u tifrik. U dan seħħ għax il-protagonisti tal-ġrajja ma kellhomx ħila jgħidu ‘imissni nieqaf hawn.’ F’pajjiżna, minkejja s-sekli t’influwenza Nisranija, donna ma tgħallimna xejn minn din l-istorja. Il-biċċa tat-torrijiet tal-Imrieħel u Tas-Sliema hi l-aħħar ġrajja li turi dan.

L-affarijiet negattivi tal-proġett issemmew minn bosta, u mhux biħsiebni nirrepreti dak li ġa ntqal dwar konġestjoni tat-traffiku, sfreġu estetiku u l-effett negattiv li t-torrijiet ser ikollhom fuq ix-xenarju mhux biss tal-lokalitajiet li fihom ser jinbnew, imma ta’ oħrajn li minnhom dawn ser ikunu jidhru. Hemm ukoll fatturi oħra jitwieldu minn dawn, bħad-danni għal moħħ il-bniedem li affarijiet bħal konġestjoni ta’ traffiku u anke ta’ bini (li wieħed jħossu maħnuq minn bini u konkrit) joħolqu, kif ukoll kemm il-konġestjoni tat-traffiku u l-bqija jiswew lill-but ta’ dak li jkun, li forsi setgħu ġew diskussi aktar.

Ser nitkellem fuq argument li kien hemm min ipprova jġib favur dawn il-binjiet, argument marbut mal-ekonomija. Kien hemm min qal li waqt li l-proġett li għandu il-qligħ bħala mottiv warajh, il-kotra wkoll ser tispiċċa tmur tajjeb, minħabba li l-bini tat-torriiet ser ikompli jkabbar l-ekonomija.  Fis-sezzjonji li jmiss ser nargumenta bil-kontra, li jekk nikkunsidraw l-ekonomija, hemm aktar raġunijiet għalfejn il-permess għal bini ma kellux jingħata. Wara ser nargumenta wkoll li dan tat-tkabbir tal-ekonomija qed issir dak li mhux suppost hu, domma li tipprova tmewwet u toqtol l-argumenti.  

L-ekonomija suppost tajba u l-industrija tal-bini

Nibdew minn ħaġa li suppost hi fatt; dik li l-ekonomija sejra tajjeb. Aspett li suppost juri li l-ekonomija sejra tajjeb hu l-fatt li r-rata tal-qgħad hi tassew baxxa. Jekk dan hu tassew il-każ, dan jagħtina, bħala nazzjon, aktar ħelsien nagħżlu liema proġetti nniedu u liema le. Jekk li l-ekonomija sejra tajjeb hu minnu, dan il-fatt seta’ ntuża bħala argument għalfejn il-permessi għal dawn il-binjiet setgħu ma ngħatawx; l-ekonomija xorta hi tajba kif inhi u mhux ser ikun hemm xi impatt wisq negattiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ qagħad jekk it-torrijiet ma jinbnewx. Stajna nissagriffkaw it-tidwir tal-ammont ta’ flus li l-binjiet ser idawru biex niksbu affarijiet bħal ambjent isbaħ, kwalità aħjar ta’ arja, anqas traffiku bil-problemi li dawn iwassal għalihom, u affarijiet oħra bħal dawn.

Mid-djar kbar għall-ħaddiema ta’ żmien il-Lohombus, għaddejna għax-xiri jew kiri ta’ toqob, u issa wkoll għall-kiri ta’ kamra waħda flok t’appartament sħiħ

Kontra dan li għadni kemm għidt, wieħed jista’ jargumenta, kif kien hawn min għamel, li minkejja li l-ekonomija sejra tajjeb, biex din tibqa’ sejra tajjeb kif inhi, jeħtieġ li proġġetti bħal dawn ma nxekkluhomx. Dan imma jqanqal żewġ riflessjoniiet. L-ewwel nett, jekk proġetti bħal dawn iwieżnu sew ir-rota tal-ekonomija, ifisser li din ir-rota tiddependi żżejjed fuq l-industrija tal-bini (u mhux biss fuq l-oqsma tas-servizzi finanzjarji, online betting u l-bqija, kif ġieli tingħata l-impressjoni.) Dan għandu jwassal għal mistoqsijiet li mhux biss huma marbutin (kif suppost) mal-ambjent, imma anke jekk pajjiżna jiflaħx tkabbir mingħajr qies f’dan il-qasam f’termini ta’ infrastrutturi u żieda reali fil-popolazzjoni li dan it-tkabbir jitlob biex is-suq ma jinfaqax bħal bużżieqa. (Iqarraq ruħu min jaħseb li l-popolazzjoni Maltija hi magħmula biss minn dawk li għandhom karta tal-identità Maltija; barra minn min hu ċittadin Malti, u mit-turisti u l-immigranti li jinzertaw hawn kontra xewqithom fit-triqthom lejn l-Ewropa, f’pajjiżna sar hawn fuq bażi aktar permanentni minn dawn tal-aħħar komunitajiet ta’ ħaddiema li ġew minn barra u li qed jixtru u, aktar u aktar, jikru l-proprjetà, u jżommu s-suq ta’ din għaddej.) Forsi, kuntrarju għan-nies ta’ Babel, għandna nibdew nistaqsu jekk għandnix aħna stess inċekknu dan il-qasam, flok nidħqu bina nfusna u nemmnu li jista’ jibqa’ dejjem jikber?

Id-domma tat-tkabbir

It-tieni riflessjoni li dan l-argument iqajjem hi dwar jekk din tat-tkabbir tal-ekonomija saritx xi tip ta’ domma; sentenza li wieħed jitfa’ u li biha jaħseb li jagħlaq l-argument.  Ekonomija tajba hi ovvjament ħtieġa; biex tqassam lil min m’għandux, irid ikun hawn minn fejn. Madankollu, ekonomija tajba spiss tfisser tkabbir f’numri u statistiċi, mingħajr ma neċessarjament ikun hemm titjib fil-qagħda ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li jinsabu taħt. L-indurstija tal-bini hi eżempju ċar. Din hi industrija li sejra tajjeb, imma n-nies li tassew qed igawdu minnha huma ftit. Minkejja li l-bini dejjem jitla’ u minkejja l-liri li jdawwar (anzi forsi għalhekk), id-daqs u l-kwalità tal-units li dawk li ma jaqilgħux wisq jista’ joħolmu li jgħixu fihom dejjem sejjer lura. Mid-djar kbar għall-ħaddiema ta’ żmien il-Lohombus, għaddejna għax-xiri jew kiri ta’ toqob, u issa wkoll għall-kiri ta’ kamra waħda flok t’appartament sħiħ! Forsi l-ekonomija hi bħall-ikel li, waqt li tajjeb u meħtieġ, irridu noqogħdu attenti li l-ħafna ma jispiċċax jagħmel ħsara flok ġid? Forsi, kuntrarju għan-nies ta’ Babel, irridu nitgħallmu li meta tillimita xi kultant hu aħjar milli tkompli tkabbar b’mod għami? 

More in Blogs