Sabiex Għawdex jerġa’ jiġi fuq saqajh

"Għawdex hija gżira ferm marida u li ftit li xejn qed isir sabiex tfieq...”

Waslet Santa Marija u għal darb’oħra smajna ħafna fuq Għawdex. Smajna dwar l-eluf ta’ Maltin u barranin li jqattgħu xi ftit jiem f’Għawdex. Anke bosta Għawdxin, imxerrdin madwar id-dinja jew li jgħixu f’Malta, jirritornaw fi gżirithom f’dawn iż-żminijiet, speċjalment f’jiem il-festa tar-raħal. Imma mhux biss. F’laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Prim Ministru semma l-possibilità tad-devoluzzjoni ta’ aktar poter lil Għawdex filwaqt li rrikonoxxa l-kritika li saret tad-deċiżjoni li ħa li jneħħi minn taħt idejn il-Ministeru t’Għawdex ir-responsabbiltà għas-saħħa u l-edukazzjoni.  

Dan id-diskors ta’ devoluzzjoni ta’ aktar poter għal Għawdex qajla jagħmel sens. Fl-ewwel lok, kif poġġa d-diskors, il-Prim Ministru ta x’jifhem li Għawdex igawdi minn xi devoluzzjoni ta’ poter.  Fir-realtà, dan mhuwiex il-każ u Għawdex ma jgawdi minn l-ebda poter lokali partikolari. L-irħula Għawdxin għandhom l-istess livell ta’ devoluzzjoni ta’ poter li jgawdu l-irħula Maltin.

Nimmaġina li bosta jkunu dawk li joġġezzjonaw għal din id-dikjarazzjoni billi jsemmgħu l-fatt li Għawdex għandu Ministeru ddedikat għalih. Imma dan il-Ministeru hu parti mill-Kabinett li hu kollettivament responsabbli għat-tmexxija tal-pajjiż kollu u l-Ministeru t’Għawdex qatt ma kien esklussivament responsabbli għat-tmexxija tal-gżira imma qasam tali responsabbiltà mal-ministeri l-oħra f’Malta. Fil-fatt, Għawdex kien dejjem jaqa’ taħt Ministeru, normalment il-Prim Ministru, li kien jaħtar kummissarju jew segretarju bħala l-ogħla rappreżentant taċ-ċivil f’Għawdex. Fl-1987, l-amministrazzjoni Nazzjonalista wettqet wegħda elettorali u ħatret ministru speċifiku għal Għawdex.  

Il-Partit Laburista donnu qatt m’aċċettaha għal kollox din l-idea. Fil-gvern ta’ Sant, il-Ministeru sar segretarjat parlamentari fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Taħt Muscat, il-ministeru t’Għawdex ma baqax responsabbli għal setturi ferm importanti bħall-edukazzjoni u s-saħħa li jħaddmu mijiet f’Għawdex. Barra minn hekk, id-deputat Joe Debono Grech ġie impost fuq il-ministeru t’Għawdex  bħala konsulent dwar ix-xogħolijiet pubbliċi minkejja li tali ħatra tmur kontra l-Kostituzzjoni.  Wieħed irid iżid li kemm Sant u kemm Muscat huma ferm sensittivi għall-ħtiġijiet t’Għawdex u għaldaqstant, mhuwiex ċar jekk dawn l-għażliet sarux minħabba l-personalitajiet involuti jew minħabba xi kunsiderazzjoni ta’ natura istituzzjonali li baqgħet mistura. Għaliex ma tantx tikkonvinċi r-raġuni li ta Muscat ftit ġimgħat ilu li neħħa l-edukazzjoni u s-saħħa minn taħt il-ministeru t’Għawdex għax ma kienux sejrin tajjeb bħal f’Malta.

Kieku dik kienet verament tassew ir-raġuni, kieku l-Ministeru t’Għawdex kien jispiċċa kważi bla responsabbiltajiet ta’ xejn. Għaliex ma tridx wisq biex tikkonkludi li Għawdex hija gżira ferm marida u li ftit li xejn qed isir sabiex tfieq. Ħu l-populazzjoni tagħha: bejn l-2005 u l-2014, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet minn 374,000 għal 398,000 mentri dik t’Għawdex baqgħet tilgħab bejn 31,000 u 31,500. F’bosta snin, imutu aktar nies f’Għawdex milli jitwieldu. U bosta jgħidu li din hija figura li hija minfuħa għax bosta eluf t’Għawdxin jaħdmu jew jgħixu regolarment f’Malta għalkemm iżommu r-residenza tagħhom f’Għawdex waqt li bosta eluf ta’ Maltin uffiċjalment jirrisjedu f’Għawdex minkejja li ħafna drabi rari jixirfu fil-gzira. Hawn min jistma li l-popolazzjoni vera t’Għawdex f’nofs il-ġimgħa fix-xitwa tkun qrib il-15,000.

Id-deklin demografiku jħalli effett anke fuq il-kummerċ. Aktar ma n-negozji jsibuha diffiċli li jibqgħu għaddejjin minħabba n-nuqqas ta’ domanda minn popolazzjoni dejjem tonqos, aktar jiżdied in-numru ta’ dawk li jibdew ifittxu li jaħdmu f’Malta jew anke lil hinn minnha. B’hekk inħoloq ċirku vizzjuż li mhux faċli li l-gżira toħroġ minnu b’anqas domanda għall-prodotti u servizzi li qiegħda taċċellera d-deklin tal-ħajja kummerċjali fil-gżira. Aktar ma jsir jagħmel sens li wieħed imexxi n-negozju tiegħu f’Malta, Għawdex se jkompli sejjer lura fil-kummerċ. Meta l-Għawdxin  stess tal-gzira jippreferu jinvestu f’Malta u mhux fil-gżira tagħhom stess, wieħed jirrealizza kemm hi akuta l-kriżi ekonomika li qed tolqot il-gżira.

Kriżi li hija kkonfermata ukoll mill-istatistika:  il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta żdied minn €5.82bn fl-2009 għal €7.15bn fl-2013, żieda ta’ 23.3% imma fil-każ t’Għawdex, iż-żieda kienet ta’ 18.8% biss minn €325m għal €386m. Il-PGD ras għal ras żdied fl-istess perjodu minn €15,000 għal €18,000 f’Malta u minn €10,000 għal €12,000 f’Għawdex bil-PGD ras għal ras t’Għawdex jibqa’ medjament 70%  dak ta’ Malta. M’għandix dubju li jkun hemm min jikkontesta dawn il-figuri minħabba l-fama li għandhom l-Għawdxin li ma jħallsux it-taxxa bħallikieku dan hu xi fenomenu esklussivament Għawdxi. M’għandix dubju li l-evażjoni tat-taxxa tittieħed in konsiderazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fi kwalunkwe każ.

Sabiex jieqaf id-deklin, wieħed irid jipprovdi l-impjiegi fil-gżira. Mingħajr impjiegi, il-komunità fuq il-gzira tkun ikkundannata għall-estinzjoni gradwali. U hawnhekk fejn il-ħtieġa ta’ tmexxija għaqlija fil-gżira hija ta’ importanza vitali. Min se jixpruna l-iżvilupp f’Għawdex fit-tgeġwiġija ta’ prijoritajiet konfliġġenti fil-pajjiż? Kif diġà rajna, fil-passat kellna mudelli differenti li mhux dejjem taw ir-riżultat mixtieq. Fis-snin sittin, l-amministrazzjoni kolonjali waqfet kunsill ċiviku li kien l-unika każ ta’ devoluzzjoni vera ta’ poter lil Għawdex fl-era moderna. Fl-opinjoni ta’ ħafna, dan kien esperiment li rnexxa ħafna u Għawdex esperjenza rinaxximent soċjali, kulturali u ekonomiku  bla preċedent. It-twaqqif ta’ żona industrijali fix-Xewkija fl-istess epoka waqfet il-mewġa ta’ immigrazzjoni li kienet ilha s-snin tiżvina l-gżira.

Huwa ċar li l-iżvilupp industrijali f’Għawdex qatt ma kien prijorità għal Malta Enterprise u l-klassi politika ttolleratu dan

Il-Gvern Laburista ma damx ma abolixxa il-Kunsill Ċiviku; Mintoff waqqaf segretarjat għal Għawdex li huwa stess fl-1981 kien stqarr li ma kienx irnexxa. Bejn l-1981 u l-1987 kien twaqqaf kumitat parlamentari dwar Għawdex li ftit kellu suċċess fil-klima tqila tal-epoka. Kif irrikonoxxa l-akkademiku Joe Azzopardi dan l-aħħar, is-snin bejn 1987 u 1996 kienu snin verament pożittivi għal Għawdex bit-tibdiliet li l-Ministeru l-ġdid imbotta. Imma kif stqarr l-istess Azzopardi, fis-snin ta’ wara, kulħadd ħa l-lezzjoni li ministru, jaħdem kemm jaħdem għal ġid ġenerali, irid jindirzza l-ħtiġijiet individwali tal-kostitwenti tiegħu. Altrimenti jispiċċa kif spiċċa l-Ministru fl-1996, barra mill-parlament. Il-bilanċ bejn il-promozzjoni tal-ġid tal-komunità u l-indukrar tal-interessi individwali tal-kostitwenti hija waħda mill-aktar kwistjonijiet delikati fil-politika u ċertament dan hu l-każ ta’ min jokkupa l-kariga ta’ ministru t’Għawdex.

Madankollu, ir-raġunijiet għad-deklin attwali t’Għawdex kienu ilhom li twieldu. Il-waqa’ tal-komuniżmu u l-globalizzazzjoni nawru l-kompetittività tal-industrija f’Għawdex u l-fabbriki bdew jagħlqu waħda wara l-oħra. Sfortunatament, ma kellna l-ebda strateġija sabiex nissostitwixxu l-impjiegi li ntilfu b’impjiegi ġodda. Malta Enterprise u l-predeċessur tagħha naqsu bil-kbir.  Investitur partikolari, li waqqaf il-Pamargan iddikjara pubblikament li fetaħ Għawdex wara li l-Malta Enterprise dawru ma Malta kollha. Kellu jhedded li sejjer jitlaq lejn l-Ingilterra jekk ma jeħduhx Għawdex. Huwa ċar li l-iżvilupp industrijali f’Għawdex qatt ma kien prijorità għal Malta Enterprise u l-klassi politika ttolleratu dan. Fil-fatt, ma tfaċċat l-ebda fabbrika tal-farmaċewtiċi u l-anqas tal-e-gaming. Għal żmien, id-deklin ekonomiku ġie mistur bil-bejgħ tal-propjetà imma llum it-tendenza hija ferm ċara.

F’dan l-analiżi tal-passat riċenti, wieħed irid jifli jekk il-fondi Ewropej u nazzjonali intefqux bl-aktar mod għaqli. Sew li jsiru t-toroq u jitranġaw is-swar u dan anke sabiex nippromwovu t-turiżmu li indubbjament huwa settur ferm importanti. Imma jekk l-ekonomija Għawdxija ma jistax ikollha aktar operaturi fil-qasam diġitali, għaliex m’għandniex it-tieni fibre optic cable, il-prijorità x’għandu jsir hija ċara daqs il-kristall. Il-mistoqsija hija għala nonfqu l-miljuni biex nagħmlu taraġ u mhux biex nimbuttaw l-ekonomija diġitali li tista’ tħaddem daqshekk nies u tqajjem l-ekonomija.

Ir-riċetta biex inqajmu lil Għawdex mid-deklin li għaddejja minnu hija l-ħolqien ta’ mpiegi u tmexxija onesta u korretta. Għandna obbligu lill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna u tal-futur li nagħmlu dan. Wieħed irid jiddiskuti jekk dan għandhux isir billi l-ministeru t’Għawdex jerġa’ jingħata s-saħħa li kellu jew bit-twaqqif ta’ struttura ġdida alternattiva. Il-Ministeru t’Għawdex ikun effettiv daqs kemm min jokkupa l-kariga jistinka. Imma jiddependi ħafna wkoll fuq il-ko-operazzjoni tal-Ministri l-oħra u xi drabi d-distinzjoni tar-rwoli ma kinetx dejjem ċara u l-ko-operazzjoni kienet nieqsa. Ċertament li m’hemmx lok ta’ frammentazzjoni la fuq livell istituzzjonali u lanqas fl-arena politika. Li hu meħtieġ hu li l-Għawdxin kollha jifhmu l-gravità tas-sitwazzjoni attwali, iwarrbu d-differenzi artifiċjali ta’ bejniethom u jmiddu għonqhom sabiex il-gżira terġa’ tiġi fuq saqajha u ma tibqax nieżla dejjem aktar ’l isfel.

More in Blogs