Programm b’saħħtu, serju u ta’ ġid għal pajjiżna

Il-Ministru Owen Bonnici fuq l-ILLUM ifakkar kif il-Gvern mhux qed jagħti iċ-ittadinanza lil kulħadd, "fil-fatt, m'aċċettajniex madwar 25% tal-applikazzjonijiet."

Għandna programm b’saħħtu u serju, l-uniku wieħed approvat mill-Kummissjoni Ewropea, li qed iġib investiment kbir lejn Malta
Għandna programm b’saħħtu u serju, l-uniku wieħed approvat mill-Kummissjoni Ewropea, li qed iġib investiment kbir lejn Malta

L-Oppożizzjoni bid-diskors tgħid li m’għad għandha xejn kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Bil-fatti, però, għadha għaddejja xxewwex kemm tiflaħ barra minn Malta bil-għan li tipprova tkisser u teqred l-investiment importanti li ġej bis-saħħa ta’ dan il-programm li minnu jgawdu l-familji u negozji Maltin u Għawdxin.

Huwa evidenti li l-Oppożizzjoni, li taħt Simon Busuttil saret distruttiva iktar minn qatt qabel, qed tagħmel dan biex mingħaliha toħloq diffikultà lill-Gvern, proprju issa li qegħdin fuq l-għatba tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Ovvjament l-Oppożizzjoni kull darba taqa’ għal wiċċha. Taqa’ għal wiċċha għax il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment tagħna mhuwiex l-unika wieħed fl-Unjoni Ewropea kollha, iżda huwa l-unika wieħed li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

Taqa’ għal wiċċha għaliex il-programm tagħna hu mill-iktar serju u b’saħħtu tant li fih livelli wieħed wara l-ieħor ta’ due diligence magħmul mill-aqwa nies li jeżistu fl-Ewropa biex jagħmlu dan ix-xogħol. Min jeħel mill-eżami, aħna ma naċċettawhx.  Fil-fatt, ma aċċettajniex madwar 25 fil-mija tal-applikazzjonijiet.

Altru milli bejgħ ta’ ċittadinanza! Kieku bejgħ, inti tbigħ lil kull min jiġi biex jixtri. F’dan il-każ, biex wieħed jidħol fil-programm irid jgħaddi minn test u skrutinju serju u dettaljat.

Tant kemm mhuwiex sempliċi bejgħ, li kien hemm min fetħilna l-kawżi għax għidnielu le! U nibqgħu ngħidulu le, jekk ma jgħaddix mit-test.

Taqa’ għal wiċċha għaliex esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista qed jaħdmu ma’ Identity Malta f’dan il-Programm u qed jaqilgħu flus tajba ta’ dan ix-xogħol. Huma privatament ifaħħru x-xogħol u d-dedikazzjoni li tintwera u jafu kemm Identity Malta qed tieħu l-affarijiet b’serjetà kbira.

Ma aċċettajniex madwar 25% tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza b’investiment. Min jeħel mill-eżami, aħna ma naċċettawhx

Hemm ipokrezija kbira fil-kritika tal-Oppożizzjoni. Bħala Ministru responsabbli mill-għoti ta’ ċittadinanzi, kull ġimgħa jasluli kaxxi sħaħ - ġieli kaxxa, ġieli tnejn u ġieli tlieta - ta’ talbiet tà’ barranin li jitolbu ċ-ċittadinanza għax ikunu ilhom Malta ħafna snin.

S’intendi, f’kull każ tintalab opinjoni tal-Pulizija dwar l-individwu u jiena dejjem nimxi fuq il-parir tagħhom. Biss, mingħajr ma nnaqqas xejn mill-ħidma kruċjali tal-Pulizija f’dan ir-rigward, dan l-iskutinju m’għandu x’jaqsam xejn mad-due diligence kbir u iebes li jgħaddu minnhom l-applikanti tal-IIP.

Ġieli, meta nkun fl-uffiċċju ħafna drabi tard bil-lejl nara fajl wara l-ieħor, kaxxa wara l-oħra ta’ applikazzjonijiet ta’ barranin għal ċittadinanzi għax ikunu ilhom żmien Malta bla ma rrid ngħid: kemm hi tajba. Mela dawn - jekk tgħodd ukoll l-għoti ta’ ċittadinanza Maltija lill-barranin li jiżżewġu Maltin - qed nagħtu l-eluf ta’ ċittadinanzi kull sena mingħajr xi due diligence dettaljat. Imbagħad għax qed nagħtu ftit mijiet ta’ ċittadinanzi b’investiment wara skrutinju iebes ħafna magħmul minn l-aqwa nies fis-settur, hemmhekk l-Oppożizzjoni tmur tipprova tħammeġ isem Malta mal-barranin.

U kif kulħadd jaf, fil-każ tal-għoti ta’ ċittadinanza b’investiment daħħalna, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, mekkaniżmi li jara li jkun hemm rabta bejn l-applikant u Malta. Fil-fatt, iddaħħal il-kunċett ta’ residential status ta’ sena u daħħalna sistemi ġodda, bħall-kiri jew xiri ta’ proprjetà, li jsaħħu r-rabta tal-applikant ma’ Malta.

U nieħu gost nisma’ stejjer dwar kif applikant tal-IIP ikun ta’ benefiċenza lil għaqda li tagħmel ġid lis-soċjetà, jew ikun investa f’xi impriża f’Malta, jew ikun xtara xi villa f’partijiet sbieħ ta’ Malta jew Għawdex.

Il-famuż ‘bottom line’ x’inhu? Li għandna programm b’saħħtu u serju, l-uniku wieħed approvat mill-Kummissjoni Ewropea, li qed iġib investiment kbir lejn Malta. S’issa dan il-programm ġab investiment dirett ta’ iktar minn mitejn miljun apparti miljuni kbar oħra f’xiri u kirjiet tà’ djar.

Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment tagħna mhuwiex l-unika wieħed fl-Unjoni Ewropea kollha, iżda huwa l-unika wieħed li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea

Waqt li Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti kienu farrku l-kaxxa ta’ Malta, aħna qed nimlewha. Waqt li Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti kienu jduru fuq in-nies biż-żieda tat-taxxi biex jiffinanzjaw il-proġetti, aħna qed inġibu l-investiment b’mod serju u b’saħħtu.

Dawn il-flus se jiġu maniġġjati f’fond, imsemmi National Social and Development Fund immexxi mill-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ David Curmi. Dan biex nassiguraw trasparenza, kontabbilità u serjetà.

Nieħu l-opportunità li nirringrazzja minn qalbi lit-tmexxija ta’ Identity Malta tax-xogħol brillanti li qed tagħmel fejn jidħol dan il-programm: Dr Joe Vella Bonnici u Jonathan Cardona u n-nies kollha tagħhom li jaħdmu lejl u nara, festi u mhux biex dan il-programm ikun suċċess.

It-tfixkil kodard ta’ Simon Busuttil mhux se jaqtagħlna qalbna biex inkomplu nġibu investiment kbir lejn pajjiżna li minnu jgawdi kulħadd.

More in Blogs