Ix-Shengen wara Pariġi

L-Editorjal tal-ILLUM

 

Lanqas kien għadu infthiem sew ix-xokk tal-attakk li seħħ Pariġi ftit iktar minn ġimgħa ilu li pajjiżna ma dawwarx ħarstu minn Pariġi għal Paceville. Naturalment, mingħajr ma nnaqqsu b’xi mod mill-gravità ta’ dak li ġara, jew aħjar seta’ ġara f’pajjiżna, l-attakk li seħħ fil-kapitali Franċiża huwa ta’ dimensjoni ferm aktar serja u bil-wisq aktar perikoluża. Irridu noqogħdu attenti f’mumenti bħal dawn li filwaqt li nevalwaw x’qed jiġri jew ma jiġrix  fil-mekka tad-divertiment, kif fil-fatt qed tagħmel din il-gazzetta llum,  inżommu f’moħħna l-kobor tat-theddida li terroristi kriminali bħal dawk li qatlu iktar minn 130 fi Franza, jistgħu jfissru għal ħajjitna u għal ħajjet uliedna.

Nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2015 din il-gazzetta kienet ikkwotat lill-Ispettur Dennis Theuma jgħid li “Alla biss jaf x’inhu dieħel f’pajjiżna.” Minn dakinhar waslulna patafjun ta’ stejjer, uħud minnhom ġew ippublikati u oħrajn le, li jikxfu sitwazzjoni ta’ kosta ‘free-for-all’. Jidħol min irid, idaħħal li jrid u jekk ma jkunx hemm suspett fondat, jitħalla jidħol. Smajna stejjer ta’ Sirjani deħlin f’Malta illegalment b’jottijiet privati u smajna storja oħra ta’ każ, li bħalissa qiegħed il-Qorti, dwar allegat importazzjoni ta’ ammont ta’ droga minn pajjiż Afrikan, liema droga allegatament ma nqabditx mid-dwana, imma meta kienet diġà bdiet tinbiegħ.

Fil-11 ta’ Ottubru li għadda ppublikajna storja bl-isem “Iffalsifika passaport Malti biex jitlaq minn Sqallija” dwar tliet Sirjani li kienu nqabdu fl-ajruport Fontanarossa ta’ Katanja b’passaporti Maltin iffalsifikati. Dawn kienu diġà xtraw biljetti fuq it-titjira KM641 tal-Airmalta biex jiġu pajjiżna.

Din l-istorja kienet ippublikata fuq numru kbir ta’ siti ewlenin tal-aħbarijiet Sqallin, apparti fuq il-faċċata tal-ILLUM, imma dakinhar ħadd ma tkellem. Ħadd ma ċempel, ħadd ma ħareġ stqarrija, ħadd ma beda jinvestiga, ħadd ma staqsa mistoqsijiet. Kulħadd ħalqu magħluq qisu ma ġara xejn, qisu li ffalsifikaw passaport biex jidħlu Malta kienet hekk, xi ħaġa frivola. U minn dakinhar sa nhar il-Ġimgħa li għadda, għadda iktar minn xahar u ċ-ċirku kompla jikber u probabbilment kompla jikber in-numru ta’ nies li baqgħu deħlin f’pajjiżna b’passaport falz.

Imbagħad x’ġara? Malta ssospendiet ix-Shengen, it-Taljani infurzaw il-kontrolli fl-ajruport u bdew jinqabdu persuni, fil-każ ta’ din il-ġimgħa Sirjani, li kienu qed jużaw passaport falz biex jiġu pajjiżna. Il-Gvern stess, fl-istqarrija li ħareġ nhar il-Ġimgħa, għamel ammissjoni oħra li x-Shengen mhux qed jaħdem meta qal li, “bl-arranġamenti tax-Shengen, dawn il-persuni kellhom jippreżentaw dokumenti biss mill-ajruport tat-tluq filwaqt li ma jistgħux isiru kontrolli fl-ajruport tal-wasla.” Issa, għax dawn l-arranġamenti ġew sospiżi, sirna nafu li minn Jannar sal-lum daħlu 30 persuna b’dan il-mod.  

X’inhu l-punt kollu? Il-punt huwa li minkejja li hemm min għadu qed jiċħad il-bżonn ta’ reviżjoni fil-kunċett tax-Shengen, li jippromovi l-moviment ħieles ta’ persuni u oġġetti minn pajjiż għall-ieħor, fil-fatt dak huwa eżattament li hemm bżonn. L-attakki f’Pariġi wrew biċ-ċar li l-laxkezza fuq il-fruntieri, fl-ajruporti u fil-kosta tista’ verament tagħmel ħajjet miljuni kbar ta’ ċittadini iktar faċli. Iżda ma’ dawk il-miljuni ta’ nies ta’ kull ċittadinanza, reliġjon, karnaġġjon u kultura qed jidħlu wkoll numru ta’ terroristi mill-aktar perikolużi, li jużaw il-ħniena li turi l-Ewropa lejn il-batut għall-gwadann malinn tagħhom.

 Jaqbel li l-Ewropej jifhmu li wasal iż-żmien li ċerti kumditajiet, speċjalment meta nsiefru, li nistgħu faċilment ngħaddu mingħajrhom hemm bżonn intuhom il-ġenb illum, għall-ġid tas-sigurtà tal-pajjiż u tal-kontinent Ewropew.

Għalhekk din il-gazzetta taqbel perfettament mal-Prim Ministru Joseph Muscat li filwaqt li saħaq bosta drabi li l-kunċett tal-moviment ħieles għandu jibqa’, qal ukoll li hemm bżonn diskussjoni serja, li twassal għal bidliet konsiderevoli fix-Shengen. Wara Pariġi, huwa ċar kristall li l-idea ta’ fruntieri miftuħin beraħ għal kulħadd, saret biss ħolma tal-idealist u tal-passat. 

More in Blogs